Il-Papa lis-saċerdoti u lir-reliġjużi Iraqini

Print Friendly, PDF & Email

Il-Vjolenza u l-mibegħda huma inkompatibbli mar-reliġjon

Fl-ewwel ġurnata taż-żjara Appostolika tiegħu fl-Iraq, il-Papa Franġisku ġie fil-post fejn iktar minn 10 snin ilu, kienu inqatlu 48 ruħ u żewġ saċerdoti żgħażagħ f’attakk terroristiku. Dan seħħ fil-Katidral Siro-Kattoliku tal-Madonna tas-Salvazzjoni f’Bagdad, fejn il-Qdusija Tiegħu  ltaqa’ mal-isqfijiet, il-kleru w r-reliġjużi, u saħaq fuq l-importanza li jinżergħu żrieragħ ta’ rikonċiljazzjoni u koeżistenza fraterna li jistgħu jwasslu għal twelid mill-ġdid ta’ tama għal kulħadd.

Waqt li kien qed jindirizza lil dawk preżenti, l-Papa qalilhom biex quddiem l-isfidi ta’ kuljum, b’mod speċjali f’dan iż-żmien ta’ pandemija, qatt ma jieqfu miż-żelu appostoliku tagħhom. “Aħna nafu kemm hu faċli li tkun infettat bil-virus ta’ skoraġġiment li xi darbi jidher li qed jinfirex madwarna. Madankollu, l-Mulej tana vaċċin effettiv kontra dak il-virus diżgustanti, hija t-tama li titwieled mit-talb perseveranti w mill-fedeltà ta’ kuljum lejn l-appostolat tagħna.”

Il-Papa enfasizza t-tbatijiet li tant fidili Iraqqini ffaċċjaw fl-aħħar snin. Huwa tkellem dwar l-effetti tal-gwerra u l-persekuzzjoni, l-fraġilità tal-infrastrutturi bażiċi w l-ġlieda kontinwa għas-sigurtà ekonomika w personali li spiss waslet għal spostamenti interni u migrazzjoni ta’ ħafna nies, inklużi Insara, lejn partijiet oħra tad-dinja

Il-Papa Franġisku rringrazzja wkoll lill-isqfijiet u s-saċerdoti talli baqgħu qrib in-nies tagħhom; u ħeġġiġhom biex jipperseveraw f’dawn l-isforzi, “sabiex jiġi żgurat li l-komunità Kattolika tal-Iraq, għalkemm żgħira bħal żerriegħa tal-mustarda, tkompli tarrikixxi l-ħajja tas-soċjetà kollha kemm hi.”

Il-Qdusija Tiegħu saħaq fuq l-importanza ta’ xhieda tal-unjoni fraterna f’dinja li wisq drabi hija frammentata u mċarta mid-diviżjoni. Huwa qal, li “kull sforz li jsir biex jinbnew pontijiet bejn komunitajiet u istituzzjonijiet ekkleżjali, parrokkjali w djoċesani se jservu bħala ġest profetiku min-naħa tal-Knisja fl-Iraq u tweġiba produttiva għat-talba ta’ Ġesù, li lkoll inkunu ħaġa waħda.”

Il-Papa tkellem fuq l-importanza li nħollu l-għoqiedi, li dawn “ġejjin minn nuqqas ta’ ftehim u li dawn joħolqu ċerti tensjonijiet u li jfixklu l-insiġ tal-fratellanza” F’kelma speċjali lil ħutu l-isqfijiet, il-Papa ħeġġiġhom biex ikunu partikolarment qrib is-saċerdoti tagħhom.

Ir-Ragħaj tal-Knisja Kattolika stieden lis-saċerdoti, lir-reliġjużi, lill-katekisti u lis-seminaristi preżenti biex joħorġu fost il-merħla u jagħtu attenzjoni partikolari lil dawk li qedgħin f’riskju li jitħallew lura, bħal-anzjani, morda u l-foqra. “Kunu rgħajja, qaddejja tal-poplu u mhux impjegati taċ-ċivil,” huwa qal.

F’Katidral enormi, l-Papa rringrazzja lil dawk kollha miġbura, għall-isforzi tagħhom biex jaħdmu għall-paċi, fi ħdan il-komunitajiet tagħhom u ma’ dawk li jemmnu f’tradizzjonijiet reliġjużi oħra. “Iżirgħu ż-żerriegħa tar-rikonċiljazzjoni u koeżistenza fraterna li tistgħu twasslu għal twelid mill-ġdid ta’ tama għall-kulħadd”.

Il-Papa Franġisku għalaq id-diskors b’dan il-kliem sabiħ: “Jalla x-xhieda tagħkom, li mmaturat permezz tad-diffikultajiet u msaħħa bid-demm tal-martri, tkun dawl qawwi fl-Iraq u lil hinn minnu, sabiex tixandar il-kobor tal-Mulej u biex l-ispirtu ta’ dan il-poplu jifraħ f’Alla s-Salvatur tagħna.”

Qabel ma telaq mill-Katidral, il-Papa Franġisku ffirma l-ktieb tal-mistednin bil-kliem: “Bħala penitent u pellegrin tal-fidi u tal-paċi fl-Iraq, nitlob lil Alla biex jagħti lil dan il-poplu, permezz tal-interċessjoni tal-Verġni Marija, s-saħħa biex jerġa’ jibni l-pajjiż fil-fraternità.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-violence-and-hate-are-incompatible-with-religion.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d