It-Tnejn filgħodu, l-Papa Franġisku ħalla l-art ta’ Abraham, u b’hekk ġie fit-tmiem it-33 vjaġġ appostoliku tal-pontifikat tiegħu, u l-ewwel żjara papali fil-pajjiż tal-Lvant Nofsani. Wara li ċċelebra Quddiesa fil-privat fin-Nunzjatura Appostolika, l-Qdusija Tiegħu sellem lill-istaff u l-ħbieb li kienu prezenti u telaq lejn l-ajruport internazzjonali ta’ Bagdad.
Jistennewh fl-ajruport kien hemm il-President Barham Salih u martu. Wara laqgħa privata qasira ma’ Salih fis-sala VIP, dan akkumpanja lill-Qdusija Tiegħu għal fuq it-tapit l-aħmar sa l-iskaluni tal-ajruplan fejn sellem lid-delegazzjonijiet Iraqini u tal-Vatikan qabel ma telgħa fuq l-ajruplan. L-Ajruplan tal-Alitalia telaq mill-kapitali Iraqina fid-9:54am ħin lokali fejn huwa mistenni li jinżel Ruma għal ħabta tas-12:45pm, wara titjira ta’ ftit iktar minn 5 sigħat.
Din iż-żjara ta’ 4 ijiem, li bdiet nhar il-Ġimgħa, waslet wara distakk ta’ ftit iktar minn 15-il xahar, minħabba l-pandemija Covid-19. L-aħħar vjaġġ internazzjonali tal-Papa kien it-Tajlandja u l-Ġappun f’Novembru 2019. Matul l-4 ijiem fl-Iraq, il-Papa Franġisku kien ibbazat f’Bagdad fejn minn hemm tar lejn Najaf, Ur, Erbil, Mosul u Qaraqosh.
Fl-ispirtu tal-motto tal-vjaġġ appostoliku – “Intom ilkoll aħwa” – mill-Evanġelju ta’ Mattew, il-Papa ta’ 84 sena ħeġġeġ lill-Iraqqini f’din it-triq, u qal li meta jitgħallmu jħarsu lil hinn mid-differenzi tagħhom u jaraw lil xulxin biss bħala membri tal-istess familja umana jkunu jistgħu jibdew proċess effettiv ta’ bini mill-ġdid tal-pajjiż. Għalhekk, huma jħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri dinja aħjar, aktar ġusta u aktar umana.
Iż-żjara tal-Papa għandha sinifikat kbir mhux biss għall-Iraq iżda wkoll għar-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani, speċjalment għas-Sirja. Fuq il-passi ta’ Kristu, r-Ragħaj it-Tajjeb, il-qalb tar-Ragħaj tal-Knisja Universali ħareġ ifittex in-nagħaġ tiegħu, mbenġla u msawta minn ġlied settarju u terroriżmu. Hu assigurahom li mhumiex minsija.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-apostolic-journey-departs-conclusion.html