Soru titlob lill-pulizija biex ma jisparawx lid-dimostranti

Print Friendly, PDF & Email

Smajna tiri t’arma tan-nar u rajna tifel minxur mal-art. Kien hemm xmara ta’ demm fit-triq

Nhar it-Tnejn, Sr Ann Rose Nu Tawng, membru tas-Sorijiet ta’ San Franġisk Saverju, niżlet għarkupptejha quddiem il-puluzija w talbithom biex ma jużawx forza vjolenti kontra d-dimostranti. Dan seħħ fil-belt ta’ Myitkyina, il-kapitali tal-Istat ta’ Kachin fit-tramuntana ta’ Burma, jew kif inhi magħrufa, l-Myanmar.

Waqt li kienet qed titkellem ma’ ‘Reuters’, Sr Tawng qalet: “Tlabthom biex ma jweġġħux lid-dimostranti, imma biex jittrattawhom bil-ġentilezza, bħal membri tal-familja.” Hija qalet li l-uffiċjali anzjani kienu qalulha li kienu għadhom qed inaddfu t-triq. Fil-filmat, is-soru u puluzija dehru jmissu rashom mal-art.

“Tlabthom biex ma jisparawx lit-tfal”. Iżda ftit wara, “smajna tiri t’arma tan-nar qawwija u rajna tifel minxur mal-art, u kien hemm xmara ta’ demm fit-triq”, hija rrakkuntat. Sr Tawng u xhieda oħra qalu li mill-inqas żewġ dimostranti nqatlu w diversi oħra ndarbu fi ġlied mal-pulizija.

Is-soru reliġjuża ppruvat tieħu wħud mill-vittmi fi klinika li tmexxi hi fil-belt, iżda ma setgħetx minħabba li għajnejha kienu qed jaħarquha minħabba l-gass tad-dmugħ. “L-art tal-klinika tagħna saret baħar ta’ demm”, qalet. “Għandna bżonn napprezzaw il-ħajja. Ninsab mdejqa nara dan kollu jiġri”.

Sorijiet Kattoliċi minn diversi komunitajiet f’Burma, mxew fit-toroq, jitolbu għad-dimostranti w offrewlhom ikel. Fost protesti f’Myitkyina, barra l-kunventi tagħhom, is-sorijiet dendlu tabelli bil-kliem “Le għad-dittatorjat” u “Isimgħu l-vuċi tan-nies”.

Mill-1 ta’ Frar sal-llum, aktar minn 60 persuna tilfu ħajjithom, u aktar minn 1,800 ruħ ġew miżmuma mill-pulizija, fejn qed irażżnu l-protesti kontra l-kolp ta’ stat militari.

Fit-28 ta’ Frar, Suor Ann Rose Nu Tawng, kienet ġiet iffotografata wkoll għarkupptejha quddiem linja ta’ uffiċjali tal-pulizija. L’Osservatore Romano rrapportat fil-gazzetta, li hekk kif il-puluzija sparat il-gass ta’ dmugħ fuq id-dimostranti, s-soru, “niżlet għarkopptejha u għolliet idejha lejn Alla u talbet: Tisparawx, toqtlux innoċenti. Jekk tridu sparaw lili.” Il-gazzetta żiedet tgħid li l-pulizija waqfu mill-avvanz tagħhom.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.catholicnewsagency.com/news/catholic-nun-begs-police-not-to-shoot-protesters-during-burma-unrest

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading