Żjara mill-isbaħ ta’ Josemaría Escrivá fiċ-Ċentru Onkoloġiku Sir Anthony Mamo

Waħda miż-żjarat tassew sbieħ li kellna xi xhur ilu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo kienet dik tar-relikwa tal-qaddis San Josemaría Escrivá. Aktar ma niftakar dwar din il-viżta aktar inħoss il-ferħ u l-ħafna sliem li l-Mulej tefa fuq il-pazjenti, fuqna bħal staff flimkien mal-familjari u l-komunitajiet tagħna.

Imma min kien San Josemaría Escrivá? U x’kienet il-kontribuzzjoni tiegħu għall-Knisja u għas-soċjetà? San Josemaría Escrivá twieled f’Barbastro ġo Spanja fid-9 ta’ Jannar 1902. Kien ordnat saċerdot f’Saragossa nhar it-28 ta’ Marzu 1925. Nhar it-2 t’Ottubru 1928, imnebbaħ mill-Mulej, waqqaf l-Opus Dei (ix-xogħol ta’ Alla). Bħalma għallem il-Konċilju Vatikan it-Tieni, kull persuna mgħammda hi msejħa timxi wara Kristu mill-viċin, billi tgħix skont il-Vanġelu u li twassal it-tagħlim tiegħu lill-oħrajn. Għalhekk, l-għan tal-Opus Dei hu li jikkontribwixxi għal din il-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja, billi trawwem qalb l-Insara tal-klassijiet soċjali kollha ħajja li hi konsistenti mal-fidi tagħhom, qalb iċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ħajjiet tagħhom. U dan iseħħ permezz tal-qdusija ta’ xogħolhom.

Għalhekk, uħud mill-fatturi tal-ispirtu tal-Opus Dei, huma dawn: Il-filjazzjoni Divina. San Josemaría Escrivá kiteb hekk: “Il-filjazzjoni Divina hu s-sies tal-ispirtu tal-Opus Dei. In-Nisrani hu iben Alla minħabba l-magħmudija. B’hekk, il-formazzjoni ipprovduta permezz tal-Prelatura tal-Opus Dei tipprova trawwem fost l-Insara l-awareness li huma ulied Alla u li tgħinhom jgħixu hekk. Hi trawwem il-fiduċja fil-providenza divina, fis-sempliċità tad-djalogu tagħhom mal-Mulej, fl-awareness profonda tad-dinjità ta’ kull persuna u tal-bżonn tal-fraternità qalb il-popli, imħabba tassew Nisranija għad-dinja u għar-rejaltajiet umani maħluqa mill-Mulej u sens ta’ kalma u ottimiżmu.

Il-ħajja ordinarja. Jikteb San Josemaría: “Hu fost il-ħwejjeġ l-aktar materjali tad-dinja li aħna nistgħu nqaddsu lilna nfusna, naqdu lill-Mulej u lill-bnedmin kollha”. Hekk, ngħidu aħna, il-familja, iż-żwieġ, ix-xogħol, f’kelma waħda l-attivitajiet kollha tagħna, huma opportunitajiet biex wieħed jersaq lejn u jimita lil Ġesù, billi jipprova jgħix il-karità, is-sabar, l-umiltà, l-għaqal, l-integrità, il-ferħ u l-virtujiet umani u Insara l-oħra kollha.

Ix-xogħol li jqaddes. Ix-xogħol li jqaddes ifisser li wieħed jaħdem bl-ispirtu ta’ Kristu, li jaħdem b’mod kompetenti u etiku, bil-għan li jħobb lill-Mulej u jaqdi lill-oħrajn. B’hekk wieħed iqaddes lid-dinja minn ġewwa billi jagħmel il-Vanġelu preżenti fl-attivitajiet kollha kemm jekk ikunu kbar u li jarahom kulħadd u kemm jekk ikunu umli u moħbija. F’għajnejn il-Mulej dak li jgħodd hu l-imħabba li hi mpoġġija fix-xogħol u mhux is-suċċess uman tiegħu.

It-talb u s-sagrifiċċju. Il-formazzjoni mogħtija mill-Opus Dei tħeġġeġ għat-talb u għas-sagrifiċċju bil-għan li tgħin l-isforzi biex wieħed iqaddes ix-xogħolijiet ordinarji. Mela, il-membri jitħabtu biex jinkoporaw f’ħajjithom ċerti prattiċi Insara, bħat-talb, il-quddiesa ta’ kuljum, il-qrar u l-meditazzjoni tal-Vanġelu. Id-Devozzjoni lejn Ommna Marija tokkupa post tabilħaqq importanti f’qalbhom. Barra minhekk, fl-impenn tagħhom li jimitaw lil Kristu, il-membri tal-Opus Dei jippruvaw jimitawh billi jippruvaw jiksbu spirtu ta’ penitenza billi joffru sagrifiċċji żgħar, partikolarment dawk li jgħinuhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’fedeltà u jagħmlu l-ħajja isbaħ għall-oħrajn bħaċ-ċaħda tal-pjaċiri żgħar, isumu, jagħtu karità u l-bqija.

L-għaqda tal-ħajja. San Josemaría fisser li l-Insara li qed jaħdmu fid-dinja m’għandhomx jgħixu “ħajja doppja. Minn naħa ‘l waħda, ħajja interjuri, ħajja ta’ għaqda mal-Mulej; minn naħa l-oħra, ħajja separata u distinta b’mod professjonali, soċjali u familjari”. Għall-kuntrarju: “Hemm biss ħajja waħda, li hi magħmula mid-demm u l-laħam. U hi din il-ħajja li għandha issir, kemm fir-ruħ u kemm fil-ġisem, qaddisa u mimlija bil-Mulej”.

Libertà. Il-membri tal-Opus Dei huma ċittadini ordinarji li għandhom l-istess drittijiet u dmirijiet u huma suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet bħal kull ċittadin ieħor. Fl-attivitajiet professjonali, familjari, politiċi, finanzjari u kulturali, huma jġibu ruħhom b’responsabbiltà personali u b’libertà. Ma jinvolvux la lill-Knisja u lanqas lil Opus Dei fid-deċiżjonijiet tagħhom. U lanqas ma jippreżentaw dawk id-deċiżjonjiet bħala l-uniċi soluzzjonijiet Kattoliċi. Dan ifisser li jirrispettaw il-libertà u l-opinjonijiet ta’ l-oħrajn.

Il-karità. Li tiltaqa’ ma’ Kristu hu li ssib teżor li wieħed qatt ma jista’ jieqaf jaqsmu ma’ ħaddieħor. L-Insara huma xhieda għal Ġesù u jwaqqfu l-messaġġ tiegħu ta’ tama qalb sħabhom, bl-eżempji tagħhom u kliemhom. Hekk kiteb San Josemaría: “Flimkien mal-kollegi, il-ħbieb u l-familjari u f’li inaqsu l-interessi tagħhom, aħna nistgħu ngħinuhom jersqu aktar lejn Kristu”. Ix-xewqa li ngħinu lill-oħrajn isiru midħla ta’ Kristu, li hi konsegwenza diretta tal-karità (jiġifieri, l-imħabba ta’ Alla fuq kull ħaġa oħra u tal-proxxmu bħalna nfusna) ma tistax tiġi mifruda mix-xewqa li wieħed jikkontribwixxi għas-sejbien ta’ soluzzjonijiet għall-bżonnijiet materjali u għall-problemi soċjali tal-madwar.

Josemaría miet ħesrem f’Ruma nhar is-26 ta’ Ġunju 1975, wara li b’imħabba kbira ta l-aħħar ħarsa lejn ix-xbieha tal-Madonna li kellu fil-kamra fejn kien jaħdem. L-Opus Dei kienet ġa infirxet madwar il-ħames kontinenti b’iżjed minn 60,000 membru minn 80 nazzjon, taqdi ‘l-Knisja bl-istess qima u f’għaqda sħiħa mal-Papa u l-Isqfijiet, kif dejjem għallem San Josemaría. F’Ruma, nhar is-6 t’Ottubru 2002, il-Papa Ġwanni Pawlu II ikkanonizza lill-Fundatur ta’ l-Opus Dei. Il-festa liturġika tiegħu tiġi ċċelebrata nhar is-26 ta’ Ġunju.

Ħa nfakkru ftit fil-kliem mill-isbaħ tal-omelija li għamel San Josemaría Escrivá, li għandha bħala titlu: Imħabba ħerqana għad-dinja, tat-8 t’Ottubru 1967. “Fejn jinsabu x-xewqat nobbli tagħkom, fejn intom twettqu x-xogħol tagħkom u fejn ixxerrdu l-imħabba tagħkom, hemmhekk tiltaqgħu ta’ kuljum ma’ Kristu. Il-qdusija għandna nfittxuha f’dak li hu materjali waqt li naqdu l’Alla u ‘l bnedmin kollha. Għeżież uliedi, wieħed jaħseb li s-sema u l-art jiltaqgħu ‘il bogħod lejn ix-xefaq, iżda dan mhux hekk. Huma jiltaqgħu tassew ġewwa qalbkom meta tgħixu b’mod qaddis il-ħajja ta’ kuljum”.

Xi ġmiel ta’ kliem! X’direzzjoni ta’ ħajja! Għalhekk, din hi t-talba tal-Fundatur ta’ l-Opus Dei, San Josemaría Escrivá, li seħbittna fil-mawra mill-isbaħ tal-għażiża relikwa tiegħu fostna, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo:

O Alla, li permezz ta’ Marija Santissima mlejt b’għadd kbir ta’ grazzji lill-qassis tiegħek San Josemaría, li Inti għażilt bħala strument tiegħek biex iwaqqaf l-Opus Dei, triq ta’ qdusija fil-ħidma ta’ kuljum u fit-twettiq tad-dmirijiet normali tan-nisrani, agħmel li jien ukoll nitgħallem nibdel kull mument u kull ġrajja ta’ ħajti biex inħobb Lilek, waqt li naqdi lill-Knisja, lill-Papa u ‘l-bnedmin kollha u, b’ferħ u b’sempliċità, indawwal it-toroq ta’ din id-dinja bin-nar tal-fidi u ta’ l-imħabba. Nitolbok li, bl-interċessjoni ta’ San Josemaría, taqlagħli din il-grazzja: … (semmiha). Amen. Missierna, Sliema u Glorja.

Nistiednek umilment li titlobha kuljum din it-talba sabiħa! U jalla twettaqha l-ħajja mitluba tiegħek! Kif nittama li twettaqha ħajti wkoll!

Patri Mario Attard OFM Cap



Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading