San Ġużepp il-ħalliem

Print Friendly, PDF & Email

Illum, il-Ġimgħa 19 ta’ Marzu, hi s-Solennità ta’ San Ġużepp! Il-festa ta’ din is-sena għandha importanza tassew kbira. Dan l-għaliex qed issir fis-sena iddedikata proprju lil dan l-għażiż Patrijarka u l-Ħarries tal-Knisja Universali. Bħalma nafu, din is-sena ingħatat bidu nhar it-8 ta’ Diċembru tal-2020 u se tintemm f’din is-sena, nhar it-8 ta’ Diċembru 2021.

Il-Mulej kien tassew ħanin miegħi f’din is-sena iddedikata lil San Ġużepp. Dan l-għaliex, personalment, ingħatajt żewġ grazzji tassew kbar mis-sema. L-ewwel grazzja li rċevejt kienet il-kors bażiku ta’ Ġosefoloġija li l-Istut Karmelitan fl-Imdina organizza b’ħafna għaqal, kura u studju online. M’għandniex xi ngħidu, minħabba l-pandemija.Minn dan il-kors tassew il-Mulej issokta jħeġġiġni biex inħobb lil San Ġużepp u nistiednu jiġi f’kull rokna ta’ ħajti, l-aktar meta nintbagħat mis-Sema fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo ħdejn ħutna li jkunu qiegħdin jieħdu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajjithom. Fil-fatt, meta jgħajtuli biex nassisti lil xi ħadd li jkun fl-agunija nħobb nistieden minn qalbi lill-familjari ħalli, flimkien miegħi, nitolbu t-talba li Papa San Ġwann Pawlu II kiteb lil San Ġużepp.

Hawn hi t-talba għal min hu interessat li jitlobha:

O San Ġużepp, bik u permezz tiegħek, aħna nbierku lill-Mulej. Huwa għażlek minn fost l-irġiel kollha biex tkun ir-raġel kast ta’ Marija, dak li qagħad fuq l-għatba tal-misteru tal-maternità tagħha, u li warajha laqa’ din il-maternità bil-fidi bħala opra tal-Ispirtu s-Santu. Inti tajt lil Ġesù l-paternità legali mill-familja ta’ David. Inti li ħarist bla heda u bl-akbar għożża  kemm lill-Omm kif ukoll lill-Iben biex ħajjithom kienet dejjem fiż-żgur u biex il-missjoni tagħhom setgħet titwettaq bla xkiel.

Ġesù Salvatur ried jissottometti lilu nnifsu lejk bħalma jagħmel kull tifel tul it-tfulija u 
l-addoloxxenza tiegħu, u rċieva mingħandek
it-tagħlim tal-ħajja umana, filwaqt li inti qsamt miegħu l-ħajja tiegħu fl-adorazzjoni tal-misteru tiegħu. Inti issa qiegħed biswitu, u għaldaqstant nitolbuk biex tkompli tipproteġi l-Knisja kollha, il-familja li twieldet mis-salvazzjoni li ġabilna Ġesù. Aħseb fil-bżonnijiet spiritwali u materjali ta’ dawk kollha li jirrikorru għall-interċessjoni tiegħek.

Ftakar fil-familji u b’mod partikolari fil-fqar: bis-saħħa tiegħek huma żgur li jsibu ruħhom taħt il-ħarsa ta’ Marija u f’idejn Ġesù li jidħol għalihom. Ammen.

Barra minhekk, it-tieni grazzja li l-Mulej għoġbu jżejjinni biha f’din is-sena iddedikata lil kbir patrijarka, kienet statwa ħelwa li qlajt dwar San Ġużepp. Din l-istatwa tabilħaqq hi waħda partikulari u għal qalbi wkoll. Dan l-għaliex fiha, San Ġużepp jinstab joħlom. U, dejjem milli jidher, jinstab mhux sempliċiment rieqed raqda raqdun, kif jaħsbu xi wħud, imma joħlom ħolm ħolmun! Din l-istatwa fiha għana kbir dwar l-ispiritwalità ta’ Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija (Mt 1:16).

Meta niġu għall-qaddisin patruni u l-interċessuri, Papa Franġisku ma jdurx mal-lewża u ma jonqosx li jammetti quddiem kulħadd li San Ġużepp hu wieħed mill-qaddisin l-aktar li jinżlulu għasel! Kien fil-Filippini, sewwa sew fil-laqgħa tiegħu mal-familji, nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Jannar 2015, meta fid-diskors tiegħu il-Papa qal: Irrid anki ntarrfilkom xi ħaġa personali ħafna. Jiena nħobbu ħafna lil San Ġużepp, għax hu bniedem qawwi u sieket. Fuq il-mejda tiegħi għandi xbieha ta’ San Ġużepp rieqed. U waqt l-irqad jieħu ħsieb tal-Knisja! Iva! Jista’ jagħmel hekk, dan nafuh. U meta jkolli xi problema, diffikultà, jien inħarbixha fuq daqsxejn ta’ karta u nqegħidha taħt San Ġużepp, biex joħlomha! Dan il-ġest ifisser: Itlob fuq din il-problema!

U xi jfisser dan? Ifisser li l-Mulej ikellem lil San Ġużepp b’mod tassew mhux tas-soltu. Ikellmu meta jkun rieqed! Ikellmu bil-ħolm! U fil-ħolm! L-għaliex f’dak il-mument, meta jkun rieqed, Ġużeppi hu sieket. U allura jkun jista’ tabilħaqq ikellmu! Ħa jisimgħu! U hekk jagħmel dak li jgħidlu! Mhux hekk iseħħ tabilħaqq? Mhux rieqed kien Ġużeppi meta l-Mulej qallu biex jieħu lil Marija b’martu? Mhux rieqed kien Ġużeppi meta ħa l-ordni mingħand il-Mulej biex iħarrab lil Marija bit-tarbija Ġesù lejn l-Eġittu biex jeħlisha minn idejn il-kiefer Erodi? Mhux rieqed kien Ġużeppi meta l-Anġlu dehrlu biex jirritorna lejn Nazaret l-għaliex kienu mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel (Mt 2:20)?

L-istatwa ta’ San Ġużepp rieqed, u li Papa Franġisku jżomm fuq l-iskrivanija tiegħu fl-uffiċċju tiegħu, turina kemm l-irqad ta’ San Ġużepp jista’ jgħallimna lezzjonijiet tassew kbar f’ħajjitna. Jgħidilna l-Papa fid-diskors tiegħu fil-Filippini: Issa nitkellmu fuq li nqumu ma’ Ġesù u Marija. Dawn il-waqtiet prezzjużi ta’ mistrieħ, ta’ waqfa mal-Mulej fit-talb, huma mumenti li forsi nkunu nixtiequ ntawluhom. Imma bħal San Ġużepp, wara li nkunu smajna l-leħen ta’ Alla, jeħtieġ nitħarrku min-ngħas tagħna; jeħtieġ inqumu u naġixxu (ara Rum 13:11).

Fid-dawl ta’ din ir-riflessjoni tal-Papa San Ġużepp rieqed jgħallimna żewġ tagħlimiet tabilħaqq importanti għal ħajjitna. L-ewwel, filwaqt li l-Mulej mhux normalment jitħaddet magħna b’mod dirett u drammatiku biss, jaf ikellimna f’waqtiet fejn aħna nkunu sikkittna kemm id-dinja ta’ barra u anki dik ta’ ġewwa. L-irqad hu l-mument fejn din is-sikta tassew li sseħħ. It-tieni, wara t-tlett ħolmiet li jkollu Ġużeppi, mill-ewwel qam u obda dak li ġie muri lilu fil-ħolma. Anki jekk dan kien ifisser għalih li kellu jqum f’nofs ta’ lejl! Int u jien jinħtieġilna nħallu lill-istatwa ta’ San Ġużepp rieqed tgħinna ħalli nsikktu lilna nfusna biex nisimgħu dak il-leħen tal-Mulej f’qalbna u hekk nistgħu tabilħaqq naġixxu fuq dak li l-Mulej jgħidilna li għandna nwettqu fis-skiet. Għalkemm din il-ħaġa hi aktar faċli tlissinha milli tagħmilha m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Kulma għandna nagħmlu hu li nitolbu lill-bniedem tas-skiet u s-serenità biex jitlob għalina.

Kemm jekk għandna bżonn li nsikktu lilna nfusna minn barra jew minn ġewwa bil-għan li nisimgħu l-leħen tal-Mulej, li nqumu u noħorġu meta l-ħin isir biex nieħdu azzjoni, jew inkella nħossuna mtaqqla’ bit-toqol u t-tbatija, ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp. Ma nagħmlux ħażin jekk niktubulu xi talba ċkejkna fuq biċċa karta u npoġġuhielu taħt l-istatwa tiegħu rieqed. B’hekk din l-intenzjoni tibqa’ marsusa mal-qalb tat-twajjeb Ġużeppi. Ibqgħu ċerti u żguri li jasal il-waqt meta l-Mulej jgħidilna: Qum! Mur! Issa! U aħna rridu niddeċiedu kif se nwieġbu għal din it-tħeġġiġa tal-Mulej, ma’ San Ġużepp, li jmexxina b’mod speċjali.

Dan hu Ġużeppi, li lilu l-Mulej wrieh il-pjanijiet tiegħu; u dan għamlu permezz tal-ħolm, li fil-Bibbja, bħal fil-popli kollha tal-qedem, kien meqjus bħala wieħed mill-mezzi li bihom Alla juri xi jrid (Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku, fl-okkażjoni ta’ San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali, Patris Corde, nru.3).

Tinsiex tixtri statwa ta’ San Ġużepp rieqed u qed joħlom. U ħdejha titfa’ ftit karti u lapes jew pinna biex tiktiblu t-talb. Għax, bl-istatwa ta’ San Ġużepp ħalliem fid-dar ħajtek tkun aħjar!

Il-festa t-tajba ta’ San Ġużepp lil kulħadd!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: