F’din il-Ġimgħa l-Kbira niftakru f’min qed isofri fis-silenzju

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 2 ta’ April 2021: Omelija fl-Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jekk jiena għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” (Ġw 18:23). Ġesù jgħid dawn il-kliem lil wieħed mill-għases li kien ħdejh quddiem il-qassis il-kbir u tah daqqa ta’ ħarta. “‘Hekk twieġbu lill-qassis il-kbir?’ U Ġesù qallu: ‘Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, ureni fejn; imma jekk għedt is-sewwa għaliex terfa’ jdejk fuqi?’” (Ġw 18:22-23).

Din il-kelma hi kelma għal kull wieħed u waħda minna. Forsi aħna nippuntaw subgħajna lejn il-Lhud, lejn Pilatu, lejn Ġuda, lejn Pietru – il-protagonisti li jnisslu swied il-qalb f’din it-traġedja li qed niċċelebraw u nfakkru llum. Imma aħna wkoll kull bniedem, kull persuna tilqa’ din id-domanda ta’ Ġesù għax aħna wkoll nerfgħu jdejna fuqu kull darba li niċħduh b’għemilna, bi kliemna, bin-nuqqas ta’ ħila tagħna, bid-deċiżjonijiet li nieħdu.

“Jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” Din hi domanda li hemm bżonn tinterpella, tqanqal il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna nemmnu li Ġesù kellimna fis-sewwa, li l-kelma tiegħu hi kelma ta’ libertà, li l-kelma tiegħu hi dik li tagħtina l-paċi?

Hu twieled sinjal li jmeruh (Lq 2:34). Hemm min jgħid favurih u hemm min jgħid kontrih. U din hi xi ħaġa li se tibqa’ magħna sal-aħħar tad-dinja. Imma aħna, aħna nemmnu li dak li qalilna hu s-sewwa? Illum merfugħ fuq is-salib, is-sultan tal-Lhud – Ġesù ta’ Nazaret, ikellem lill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.

Ejjew nieqfu u nistagħġbu b’tant imħabba. Ejjew nieqfu fis-silenzju. Ejjew naduraw dan il-misteru kbir tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li ma “qagħadx iqis tiegħu li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox, sar bniedem, obda, obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib”
(Fil 2:8).

Hemm min qiegħed fuq is-sodda jew is-salib tal-ansjetà, tad-dipressjoni, ta’ qtigħ il-qalb, tas-sofferenza silenzjuża għax ma jafx x’hemm għalih fil-futur. Aħna qegħdin qrib dawn ħutna?

“Il-kalċi li tani Missieri” jgħid, “ma nixorbux?” Hu kalċi morr biex nuża espressjoni li kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca: ‘il-kalċi l-morr’. Hu l-kalċi li fih hemm il-kontradizzjonijiet kollha tagħna, li għalkemm jista’ jkun għandna rieda tajba, imma dgħajfin.

Darba minnhom qal: “L-ispirtu iva jrid, imma l-ġisem dgħajjef”. Ma nafuhiex dil-ħaġa aħna? Aħna li nħarsu lejh, minfud bil-lanza tar-Rumani u bil-bieqja ta’ qalbna mxaqqgħa kif inhi, nilqgħu d-demm u l-ilma; id-demm li jagħtina l-ħajja, l-ilma li jippurifikana.

“Jekk jien għedt xi ħaġa mhux sewwa, urini fejn” Imma fejn nistgħu nlumu ’l Ġesù għal xi ħaġa li qal? Aħna nistgħu nlumuh għal xi ħaġa tqila li qal: “Aħfer lill-għedewwa tiegħek”, “imberkin il-foqra”, “imberkin dawk li għandhom l-għatx u l-ġuħ tal-ġustizzja”. Forsi nistgħu nlumuh għal xi kelma iebsa li ma ddoqx għal widnejna imma nistgħu ngħidu li dawn huma kliem li mhumiex sewwa? “Jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?”

Din il-Ġimgħa l-Kbira partikolari ssejħilna biex nilmħu d-dell tal-imsallab kull fejn hemm it-tbatija. Bħalissa hemm ħutna jegħrqu fil-Mediterran. Se nsalvawhom illum l-Ġimgħa l-Kbira? Se nirrispondu l-għajta tagħhom?

Illum niftakru f’tant minn ħutna li għaddejjin mill-passjoni tagħhom, mill-morda tagħna li qegħdin fuq l-għuda tas-salib li hi s-sodda tal-isptar, tar-residenzi tagħna. Imma niftakru li magħhom hemm min qed jieħu ħsiebhom, min qed jagħti ħajtu biex jikkurahom. Bħalma l-Mulej kellu lil ommu ħdejh, lil oħt ommu, lil Marija ta’ Kleofa, lil Marija ta’ Magdala, lil Ġwanni d-dixxiplu l-maħbub, hekk ukoll il-morda, il-kroċifissi tagħna llum, għandhom min qed jieħu ħsiebhom. Dan hu l-kalvarju li aħna ma nistgħux naħarbu minnu f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Hemm min qiegħed fuq is-sodda jew is-salib tal-ansjetà, tad-dipressjoni, ta’ qtigħ il-qalb, tas-sofferenza silenzjuża għax ma jafx x’hemm għalih fil-futur. Aħna qegħdin qrib dawn ħutna?

Din il-Ġimgħa l-Kbira partikolari ssejħilna biex nilmħu d-dell tal-imsallab kull fejn hemm it-tbatija. Bħalissa hemm ħutna jegħrqu fil-Mediterran. Se nsalvawhom illum l-Ġimgħa l-Kbira? Se nirrispondu l-għajta tagħhom? Jew se nħalluhom jegħrqu jew jiġbruhom u jeħduhom lura għat-tbatija, għall-umiljazzjoni biex forsi jinbiegħu wkoll bħal skjavi? X’deċiżjonijiet se nieħdu?

Il-kalvarju għadu magħna. Il-Mulej għadu jistaqsina: “Għaliex terfa’ jdejk fuqi?” U hu li qal “kulma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti” (Mt 25:40), jifhem kif aħna nitrattaw lil xulxin.  Forsi jiena nħares lejn il-kurċifiss b’devozzjoni u b’qima imma mbagħad inħares lejn ħija, lejn oħti b’disprezz. Hemm xi ħaġa li mhix sewwa jekk jiġri hekk. Jekk jien għandi devozzjoni tassew u ta’ vera lejn Ġesù msallab, ma nistax ma nqimux f’ħija u f’oħti li huma msallbin. Jekk jiena mmidd idi lejn il-pjagi qaddisa tiegħu, ma nistax idi naħbiha u ma mmiddx idi biex indewwi l-pjagi ta’ ħuti.

“Jekk jien għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” bil-kliem, bl-għemil, bin-nuqqas ta’ għemil.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 52, 13 – 53, 12
Salm: 30 (31), 2.6.12-13.15-16.17. 25
Qari II: Lhud 4, 14-16; 5, 7-9
Evanġelju: Ġw 18, 1 – 19, 42

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply