Nhar it-Tnejn, 1 ta’ Marzu 2020, ix-xahar ta’ Marzu marzellu għal ħuna Ġorġ Agius, imlaqqam Ġorġ tal-Mużew, għalaq ta’ ħajtu fuq l-art ir-rixtellu. Għax, minn din id-dinja, għadda għall-ħajja eterna.
Hawn xi ħadd li ma jafux lil Ġorġ? Min kien jiġi l-isptar Mater Dei, sa tlett snin ilu, żgur li bħali kontu tarawh. Min kien Ġorġ Agius? F’dawn il-kelmiet li l-Ispirtu s-Santu qed jagħtini għal dan il-jum minix se nagħmel xi priedka fuq il-ħajja u l-istorja ta’ Ġorġ Agius. Għal min irid ikun jaf aktar fuq hekk hemm il-ktieb li kiteb Tonio Bonello Il-ħajja u l-istorja ta’ Ġorġ Agius magħruf bħala ‘Tal-Mużew.’ Hemmhekk wieħed isib minjiera ta’ informazzjoni. Imma illum nixtieq naqsam magħkom min għalija hu Ġorġ. Kif nafu jien!
Kont niggustah jiġi f’Mater Dei, filgħodu. Il-preżenza mfawra bil-ħniena tiegħu lili kienet tkellimni u tagħtini kuraġġ. Għax Ġorġ kien wieħed mill-ftit nies li kont naf li jħobb u mhux isawwat. Li jgħin u mhux jgħir. Li jgħinek tevanġelizza u mhux li meta jintebaħ li għandek xi talent li hu m’għandux aqta’ kif ittih ferneżija bl-għira u l-lanżita li jaqbduh fl-istonku tiegħu! Għalhekk, Ġorġ, ta’ min iva jfakkru għax kont tieħu gost fil-kumpanija tiegħu. Għax, qabel ma kien suriet in-nies, kien suriet Alla!
Kemm kien ħelu! Mela, meta kont għedtlu li kont se nagħmel il-paniġierku ta’ Santa Liena Ġorġ kien qalli: Ara Patri! Għidilhom din u aqta’ kemm jieħdu pjaċir! Ibqa’ sod u ibqa’ soda għax li tħobb ‘l Alla l-aqwa moda! Niftakar li meta qalhieli konna għand tal-gazzetti, isfel, fil-foyer f’Mater Dei. Għalhekk, kif qalhieli sħuna sħuna, aqta’ kif ħriġt naqra l-mobile tal-pitrolju tiegħi u, f’radda ta’ salib, niżżiltha bħala draft biex żgur ma ninsihiex! U ħa ngħidilkom, sewwa kien qalli Ġorġ tafux! Għax meta lil ħuti l-Karkariżi semmejtielhom lejn il-konklużjoni tal-paniġierku t-taqbila li għallimni Ġorġ aqta’ kif l-Ispirtu s-Santu irrankani biex noħroġ sparat għall-gran final! Kemm kien ħa gost meta kont semmejtu b’ismu u b’kunjomu fil-paniġierku! Kulħadd qalli Patri ta li semmejtni! qalli. Kemm ħadu pjaċir!
Iva ħbieb! Dan hu l-bniedem tal-Mulej! Li jagħti gost lin-nies! Għax Ġorġ jien narah eżatt eżatt il-qaddej ta’ Jahweh li nsibu fil-ktieb tal-profeta Iżaija: Qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfhix(Iż 42:3). U dan Ġorġ kien jagħmlu bil-mod kif kien juża ilsienu! Kien jgħidli: Kelma ħelwa u edukata tiffrankalek battikata. X’tista’ tgħid għal din it-taqbila tant veritiera tal-ħajja? Fiha xi nuqqas? Nieqsa mill-fejqan? Hi xi impożizzjoni jew inkella stedina mill-aktar sabiħa għall-ħajja aħjar? Għall-ħajja li hi l-vera ħajja u mhux eżiżtenza vojta?
Barra minhekk Ġorġ kellu oħra: kien jara t-tajjeb li għandek u jsaħħaħulek! Lili kien iħobb jgħidli: Patri bit-tbissima fuq wiċċu l-midneb imur ifittxu! Kemm kien ifakkarhieli din! Kull darba li kien jarani dejjem kien jaqbadli mat-tbissima. U, darb’oħra, qalli: Bit-tbissima lil Alla tagħtih qima! Mela tbissem Patri Mar! Għax Alla miegħek qiegħed! U mexxi! Qed taraw bħali ħbieb kemm Ġorġ, filwaqt li kien jieħu gost jaqsam it-talent tiegħu ma’ ħaddieħor kien jieħu ukoll gost li ħaddieħor jidher il-protagonist! Mhux hu! Kemm-il darba kien jgħidli: Agħmilha fuq il-kompjuter dik it-taqbila ħalli jsir il-ġid! Altru mela li ma kinitx titlagħlu l-fawra jew tinżillu l-pressjoni, inkella jibda’ jonfoħ, jibjad, jiċċassa jew joħroġlu l-għaraq għax ħaddieħor għandu talent li hu m’għandux! Kif tista’ lil Ġorġ ma tħobbux! Ma tafdahx! Kemm kien ġenwin!
X’naqra ta’ tagħlima din għalija u għalik li l-Mulej qed jagħtina permezz ta’ ħuna Ġorġ! Jekk veru, bħalma kien iħobb jgħid San Ġorg Preca, li minnu xorob Ġorġ, li mmorru u ma nerġgħux niġu, allura sieħbi life is now! Issa tagħna! U għada min rah! Għalhekk, il-ġid li l-Mulej irid jagħmel bina ejjew nagħmluh issa! Inħaffu naqra ħa nibdew napprezzaw lil xulxin! Ġorġ, bil-qdusija li l-Ispirtu s-Santu kien iqaddsu biha, jgħallimni u jgħallmek biex intogħmu sewwa l-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja għax ġurnata, meta ħa nħarsu lura, se nirrejalizzaw li dawk kienu l-affarijiet il-kbar tabilħaqq!
Dan bħal uħud li, mingħalihom, għax ikunu għamlu xi studju avvanzat jaħsbu li fil-ħajja t-tagħlim qiegħed biss fl-università, fil-kotba t-tqal u mhux fis-sempliċità tal-ħajja. Il-ħasra tafu x’inhi ħbieb għal dawn l-aħwa, li diskors li huma, għax ‘bravi’, jikklassifikawh tat-tfal, ikun l-istess diskors li jkollhom tabilħaqq bżonnu biex qalbhom minn tal-ġebel tibda titħajjar issir tal-laħam! Biex l-umiltà tirbaħ fuq is-suppervja u l-arroganza tal-qalb. Jaħasra! Fl-‘għerf’ tagħhom jinsew dak li kien qal Ġesù fil-vanġelu skont San Mattew: Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin (Mt 11:25). Kemm dan id-diskors ma jgħoddx biss għal dak iż-żmienimma għallum ukoll! Għax fis-sempliċità u l-umiltà hemm il-verità li, uħud, għax inkunu drajna ngħixu fid-dardir kemm insibuha diffiċli li ninqagħlu minnu! Bilfors ħi jekk fl-għama tagħna lilu biss nafu! Dak progress eh! Intant! …
Madankollu, nies bħal Ġorġ, b’dik is-sempliċità, l-umiltà, il-ferħ u l-ħniena jgħallmuna li t-teżori tal-ħajja qegħdin fil-qalb tan-nies sempliċi li tant huma umli li quddiem il-verità kulma jgħidulha hu: IBDILNI FIK! U mhux jirreżiżtulha daqs ma nafx xiex u fil-preżenza tagħhom tkun qed tgħix u titħaddet ma’ raxketta aktar milli ma’ persuna tad-demm u l-laħam! Fil-ħajja kamoxxi għandna bżonn u mhux raxketti, xewk u għollieq ta’ spirti arroganti, suppervi u li jħobbu jġibu lill-persuni l-oħra tapit taħt saqajhom!
Hi verità li Ġorġ ħalla vojt kbir. Min se jgħanni dak l-għana li kien jgħanni hu? Imma la l-Mulej hu l-għajn l-għana żgur li mhux ħa jħallina mingħajr għannejja. Bil-mod tiegħu żgur li se jqajjem persuni oħra li se jkomplu f’dak li l-Mulej beda b’Ġorġ. Forsi b’mod differenti imma l-ġid il-Mulej xorta waħda se jibqa’ jagħmlu magħna.
Għalhekk, mhix kwistjoni li tkun bħal jew inkella li tikkoppja lil Ġorġ. Ġorġ kien Ġorġ! U postu mhu ħa joħodulu ħadd. Imma Ġorġ li għamel hu li ċaqlaq il-moviment tal-għana popolari u ippreżentah bħala mezz ta’ evanġelizzazzjoni mill-aqwa. Illum Facebook qed joffrilna din l-opportunità tad-deheb li nevanġelizzaw. Għalhekk, meta tiġik il-muża tal-Mulej ikteb dak li jagħtik f’qalbek ħalli ma jintilifx imma jitgawda mill-oħrajn. Kif kien iħobb jgħidli l-mibki Superjur Ġenerali tal-Mużew Victor Delicata, qaddis ieħor li ma tantx għadu jissemma: Dak li jiġik f’qalbek, f’moħħok jew li jkun laqtgħek waqt il-qari u li jgħidlek xi ħadd iktbu fuq pitazz. U għaddieh lill-oħrajn. Wara kollox Ġorġ Agius veru kien tal-Mużew mhux sempliċiment l-għaliex kien koperatur imma l-għaliex dak li kien jaf kien iwasslu lil ħaddieħor b’ġenerożità. Bħal San Ġorġ Preca Ġorġ għamel tiegħu dak li jgħid San Pawl lill-isqof żgħażugħ Timotju fit-Tieni Ittra li kitiblu meta qallu: Int mela, ibni, qawwi ruħek fil-grazzja li hi fi Kristu Ġesù, u kulma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta’ fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lil oħrajn (2 Tim 2:1-2).
Kinitix din ħuti l-ħajja ta’ Ġorġ! Baqa’ jqawwi ruħu bil-quddiesa ta’ kuljum, bir-Rużarju mqaddes, bit-talb quddiem Ġesù Sagramentat u b’dik il-qalb nobbli tiegħu baqa’ jmur għand kulħadd, l-aktar għand min qed ibati fl-isptar. Ġorġ, lilek u lili, li rridu l-ġid lil xulxin u lill-proxxmu tagħna kollu, jgħallimna mingħajr ħafna tidwir ta’ kliem: caring is sharing! Li tieħu ħsieb tfisser li taqsam ma’ ħaddieħor! Dan hu li għamel Ġorġ! Id-don li l-Mulej tah qassmu ma’ kulħadd mingħajr ma talabhom xi flus għall-ispejjeż għax l-ispejjeż kien joħroġhom minn butu stess.
Ejjew ninġarru mill-eżempju qaddis tiegħu! Naħseb li wasal iż-żmien biex, bil-mod il-mod, issir it-talba ħalli tinfetaħ il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu. Fi żmien fejn donnu sirna nitwerwru minn xulxin u neħlu mal-misħuta idea li ma tista’ tafda lil ħadd, nies bħal Ġorġ tal-Mużew jgħallmuna li meta naraw it-tajjeb f’xulxin jista’ isir ħafna fejqan. Bl-umiltà u b’qalb ġeneruża li ma tafx tkun oddjuża imma ħeġġuża mhux biex tidher gustuża imma għax tixtieq minn qalbha l-ġid lill-proxxmu tagħha, nistgħu tassew f’pajjiżna u fil-Knisja jerġa’ jidħol naqra nifs ta’ mħabba li m’għandhiex għalfejn tinqeda b’ħafna kliem biex tgħid li qiegħdha hemm!
Grazzi Ġorġ, l-għannej tal-imħabba tal-proxxmu għax, fiċ-ċokon tiegħek, kien bħal dak ta’ San Ġwann Kriżożtmu! Jiġifieri fommok kien tad-deheb! Itlob għalina! Nitolbu għalik! Berikna! Inberkuk!
Patri Mario Attard OFM Cap