Il-Papa jitlob għall-vittmi tal-għargħar fl-Indoneżja u t-Timor tal-Lvant

Print Friendly, PDF & Email

“Nixtieq nassigura t-talb tiegħi għall-vittmi tal-għargħar li fil-jiem li għaddew laqtu l-Indoneżja u t-Timor tal-Lvant,” qal il-Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa.

L-għargħar ikkawżat miċ-ċiklun ‘Seroja’ qatel mill-inqas 119-il persuna f’diversi gżejjer fl-Indoneżja, kif ukoll 27 ruħ fut-Timor tal-Lvant. Għadd ta’ nies għadhom neqsin hekk kif ix-xita qed tkompli taħbat fuq ir-reġjun u tfixkel l-operazzjoni ta’ salvataġġ. Il-Papa qal li jinvoka lill-Mulej “biex jilqa’ l-mejtin, ifarraġ lill-familji tagħhom, u jsostni lil dawk li tilfu djarhom.”

Minn nhar il-Ħadd tal-Għid, mijiet ta’ puluzija, suldati u residenti kienu rrappurtati li kienu qed iħaffru bl-imgħażgħaq, bil-pali u saħansittra b’idejhom stess, biex ifittxu lil dawk midfuna taħt it-tifrik. Eluf ta’ djar ġarbu ħsarat kbar u eluf ta’ nies ġew evakwati minħabba l-maltemp, li mistenni jkompli sa mill-inqas nhar il-Ġimgħa, hekk kif il-maltemp miexi lejn l-Awstralja.

F’appell separat, il-Papa Franġisku fakkar fl-osservanza li nhar it-Tnejn hu Jum Internazzjonali tal-Isport għall-Iżvilupp u l-Paċi, li ġie stabbilit  min-Nazzjonijiet Uniti. “Nittama li dan jerġa jimmotiva l-esperjenza tal-isports bħala avveniment ta’ tim, biex jippromwovi d-djalogu permezz ta’ kulturi u popli differenti.” U f’din il-perspettiva, il-Papa kompla: “Ninsab kuntent u nħeġġeġ lill-Atleti tal-Vatikan biex ikomplu bl-impenn tagħhom biex ixerrdu kultura fraterna fid-dinja tal-isport, billi jpoġġu l-attenzjoni fuq dawk li huma l-aktar dgħajfa, u b’hekk isiru xhieda tal-paċi.”

F’Jannar tal-2019, is-Santa Sede kienet nediet it-tim uffiċjali tagħha tal-atletika, wara li ġiet aċċettata mill-Kumitat Olimpiku Taljan. It-tim t’atleti jinkludi sorijiet, saċerdoti, gwardji Żvizzeri, ħaddiema tal-mużewijiet, mastrudaxxi u ħaddiema tal-manutenzjoni. 

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-04/pope-appeal-prayers-victims-floods-indonesia-east-timor-audience.html

%d