Küng kien irrikonċilja mal-Vatikan

Kasper jistqarr li Küng kien irrikonċilja mal-Vatikan

Il-Kardinal Walter Kasper

It-teologu Żvizzeru Fr. Hans Küng, li d-dritt tiegħu li jgħallem ġie rtirat fl-1979 mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, miet rikonċiljat mal-Vatikan. Dan qalu l-Kardinal Walter Kasper, eks President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Unità Nisranija.

F’telefonata li saret fis-sajf li għadda (2020), meta kien evidenti li Küng ma kienx għad fadallu ħajja twila, “l-Papa Franġisku talabni biex inwassallu t-tislima u l-barkiet tiegħu ‘f’komunjoni Nisranija’”, stqarr il-Kardinal. “Hans feraħ ħafna. Kienet importanti għalih. Issa ħassu rikonċiljat mal-Knisja u mal-Papa Franġisku”, qal l-Kardinal Kasper lill-Corriere della Sera, l-għada tal-mewt ta’ Fr Hans Küng.Il-Papa Emeritu Benedittu XVI kien jaf ukoll kemm kienet serja l-kundizzjoni ta’ Fr. Küng u kien qed jitlob għalih, qal Kasper.

Kardinal Kasper u Fr Küng kienu ilhom jafu lil xulxin mis-snin 50, fakkar il-kardinal. “Kellna veduti differenti kif naħsbuha, imma dejjem bqajna f’kuntatt”. Küng kien “kritiku aħrax, u xi kultant inġust ukoll, imma fil-fond ta’ qalbu dejjem baqa’ fil-Knisja u qatt ma ħaseb li jħalliha. Ried jagħmel l-aħjar għall-Knisja u baqa’ Nisrani u Kattoliku”, enfasizza. Il-kitbiet teoloġiċi ta’ Küng, b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem, kienu “għenu lil ħafna nies isibu l-fidi jew li jibqgħu fil-Knisja”, fakkar Kasper.

It-teologu Żvizzeru Fr. Hans Küng, li d-dritt tiegħu li jgħallem ġie rtirat fl-1979 mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi

Fr. Hans Küng ma kienx jaqbel mal-Vatikan fuq diversi punti tat-tagħlim tal-knisja bħall-pillola kontraċettiva u l-ordinazzjoni tan-nisa, iżda l-punt ewlieni tal- frizzjonikien ir-rifjut tiegħu għall-infallibilità papali. “L-Vatikan ma għoġbux il-mod kif irrifjuta d-domma – u lanqas jien”, qal il-kardinal. 

Fis-7 ta’ April, l-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja selmet lil Fr Hans Küng. Huwa kien “figura kbira fit-teoloġija fis-seklu 20”, l-akkademja telgħet fuq tweet. L-ideat u l-analiżi tiegħu “kienu jwasslu għar-riflessjoni”, fuq il-Knisja Kattolika, fuq is-soċjetà u l-kultura.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.thetablet.co.uk/news/14028/k-ng-reconciled-with-vatican-says-kasper-