Il-parabbola ta’ l-iben il-ħali

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Evanġelju skont San Luqa. Vidjo b’rakkont għat-tfal …

L-Iben il-Ħali. Video minn Joe Galea

Il-parabbola ta’ l-iben il-ħali

[Lq:15:11] Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. [Lq:15:12] Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid. [Lq:15:13] Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajjra.

[Lq:15:14] Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. [Lq:15:15] U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. [Lq:15:16] Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. [Lq:15:17] Mbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’ , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! [Lq:15:18] Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; [Lq:15:19] ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’

[Lq:15:20] Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. [Lq:15:21] ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’ [Lq:15:22] Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! [Lq:15:23] Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, [Lq:15:24] għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U għamlu festa.

[Lq:15:25] “Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. [Lq:15:26] Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. [Lq:15:27] ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’ [Lq:15:28] Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. [Lq:15:29] ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! [Lq:15:30] Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’

[Lq:15:31] ‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. [Lq:15:32] Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’ “

Aktar riżorsi għat-Tfal, Ġenituri u Katekisti … https://www.laikos.org/rizorsi_tfal.htm

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading