Il-Papa Franġisku jfakkar li minn żgħożitu kellu l-imħabba għall-adorazzjoni Ewkaristika
Il-Papa Franġisku bagħat ittra lill-rivista Kattolika Spanjola Alpha u Omega, wara li rċieva ritratt ta’ reġistru mis-snin ħamsin b’ismu u n-numru. F’dan ir-reġistru juri li bħala żagħżugħ, il-Papa Franġisku kien wieħed mill-ħafna fidili li għamlu żjarat regolari fil-Bażilika tas-Sagrament Imqaddes fi Buenos Aires, biex jitolbu bil-lejl. Huwa kien imur flimkien ma’ ħuh Oscar.
“Tqanqalt kif irċivejt fotokopja tar-reġistru dwar l-adorazzjoni li kienet issir bil-lejl fil-Bażilika tas-Sagrament Imqaddes,” qal il-Papa, fin-nota li hu kiteb b’idejh għar-rivista Spanjola. Fl-1954 u fl-1955, meta l-Papa Franġisku kien żagħżugħ, spiss kien imur ma’ ħuh bix-xarabank lejn il-Bażilika.
Il-Papa stqarr li kien hemm li sema’ bil-frażi “Venite adoremus”. Li kienu jużaw dan il-kliem meta persuna kienet tibdel lill-persuna l-oħra, biex tfakkarha li trid tmur għas-siegħa ta’ adorazzjoni. Fl-ittra l-Papa Franġisku spjega wkoll, li peress li dak iż-żmien ma kienx ikun hemm l-quddiesa ta’ filgħaxija, ħafna nies s-Sibt filgħaxija, wara li kienu jattendu għal xi festin kienu jmorru fil-Bażilika.
“L-adorazzjoni kienet tibda għall-ħabta tad-disgħa ta’ bil-lejl, wara l-predikazzjoni ta’ Patri Aristi,” spjega l-Papa fl-ittra tiegħu. Dak iż-żmien, iż-żgħażugħ Jorge Bergoglio kien diġà qed jgħix ħajja Nisranija, jew kif iddeskriviha fl-ittra tiegħu, huwa “diġà kellu l-epserjenza ta’ San Ġużepp ta’ Flores”, li l-parroċċa li hu kien jattendi bħala żgħażugħ kienet iddedikata lilu.
F’laqgħa mas-saċerdoti li kellu f’ Ruma, f’Marzu tal-2014, il-Qdusija Tiegħu kien spjega li Fr. Aristi kien il-konfessur tiegħu u kien ta’ eżempju tajjeb għalih ta’ saċerdot ħanin. Kien ukoll konfessur magħruf bi kjuwijiet twal ta’ nies jistennewh fil-Bażilika tas-Santissimu Sagrament. Il-Papa kien qalilhom hekk fuq dan is-saċerdot: “X’jagħmel l-eżempju ta’ saċerdot ħanin, ta’ saċerdot li jersaq qrib il-feriti.” Il-Papa għadu jġorr fuqu ġo borża s-salib li kien hemm imwaħħal mal-kuruna tar-Rużarju li dan il-qassis difnuh biha.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-04/pope-francis-argentina-letter-blessed-sacrament.html