Ħafna jħobbuh is-skiet. U, huma ħafna li jgħidulek: “Kemm nixtieq jaħasra naqra kwiet!” Għax il-kwiet, hawn min jgħidlek b’ċertu insistenza, m’hawnx aqwa minnu! Tħabat ħa tgħix fil-kwiet! Ħa toqgħod fis-skiet! Imma veru dan?
Kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud l-aktar mument ta’ għagħa, għajjat u ġenn mhux qiegħed hemm barra ħbieb! Ġieli aħjar tkun ma ruxxmata nies, fost ħafna għajjat u storbju, imma ġewwa fik ikun hemm kwiet u sliem mill-aktar kbir! Filwaqt li l-mument li tagħlaq dak l-imbierek bieb ta’ barra warajk jarma ġej storbju li jwaħħax ġewwa fik! Għax l-oqbra tat-tifkiriet jinfetħu u l-esperjenzi li tkun ħsibthom mejtin jerġgħu jqumu, jibdew jidhrulek u, jekk ikunu esperjenzi ta’ qsim il-qalb, aqta’ kif iwerwruk! Bħalma jwerwru lili wkoll meta jidhruli! Staqsu lil min jgħix waħdu u lil min tgħix waħedha ħa jgħidlek u tgħidlek!
Kos hux! Kemm kumbattimenti, sarar u taqbid iseħħu fis-skiet! Għax meta naħsbu li kollox sieket, fis-skiet li tibda’ tassew il-battalja sħiħa ġewwa fina. Dik il-battalja feroċi li min jaf kemm tinvolvi nies magħha! Kemm jieħdu sehem nies fiha! Nies li, il-Mulej jew, għax inkunu mweġġa’ mill-esperjenza, ngħidu li ta’ denbu twil, ikun laqqagħna magħhom matul ħajjitna biex jagħmlulna l-ħsara. Ejjew ngħiduha kif inhi ħbieb: Irridu jew ma rridux fi ġlieda spiritwali qiegħdin! Dan imqar tgħid kelma fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-kunvent jew f’xi postijiet oħra u issib lil min hu diġà ikkargat kargatura nobis għalik! Għax jidhirlu li int qiegħed kontrih. Int ħarislu f’għajnejh u ħarsilha f’għajnejha ħa tara minn liema spirtu l-persuna hi maħkuma. Int oqgħod attent u attenta jekk din il-persuna vittma tax-xitan teħdokx bil-ħlewwa jekk inkella tibilgħek u tinfexx tgħajjat f’wiċċek. U kif qatt nista’ niċħad li persuna hekk m’hijiex immexxija mix-xitan! Tiċċajta hijiex! U bil-provi! Tant li titlob lill-Mulej li jew ineħħilha l-ispirtu ħażin tagħha jew inkella li jbegħdek minnha kemm jista’ ikun. Għax min tabilħaqq jiflaħ joqgħod mal-ħażen tal-infern?
Issa immaġina ftit li dawn l-esperjenzi jibdew jitilgħulek, waħda waħda, f’purċissjoni, meta tkun fis-skiet? Meta tkun għadek kemm striħajt waħda sew wara jum ta’ ħidma fil-jum ta’ qabel? Jew inkella jafu jiġuk fis-sahra tallejl ukoll? U, bħal donnhom, ma jitilqukx mument wieħed kwiet u kwieta? U dan xi jfisser? Ifisser li s-skiet mhux bilfors li huwa l-post fejn tista’ toqgħod għall-kwiet biex tistrieħ! Għax is-skiet jikxef ir-rejaltajiet kollha li ngħaddu minnhom. Is-skiet jikxef il-velu tat-titli li nkunu tajna lill-esperjenzi. U jaf jikxef dawk il-velijiet li apposta nkunu tfajna f’ċertu esperjenzi biex nammettux li ħaddieħor għamel vjolenza fuq il-psike tagħna għax ipprova jwaqqagħna għaċ-ċajt inkella jinfaqa’ jgħajjat f’wiċċna, l-aktar għodu għodu, meta nkunu kellimnieh u kellimnieha b’ħafna paċi u mħabba. U, minflok li ħareġ il-frustrazzjoni u r-rabja li għandu mal-persuni li magħhom għandu xi jgħid ġie jirremmettieha u tirremettieha fuqna! Kemm hu iebes ħuti l-abbuż psikoloġiku u xi ħsara kbira jwettaq lin-nies innoċenti!
U dan kollu joħroġ fis-skiet ħuti. Għax is-skiet joħroġ il-weġgħat. U anki, minn natura tiegħu, is-skiet jaf jistieden lil dak li nsejjaħlu l-psewdo-pjanista. Jiġifieri lix-xitan. Għax hu fis-skiet li dan jipprova joqgħod fuq il-banketta tar-rieda tagħna biex jarma jdoqq kemm jiflaħ in-noti tal-emozzjonijiet tagħna u jagħmel minna l-agħar kakofanija kemm jista’ ikun! Fis-skiet, ix-xitan, jaf idoqqilna n-nota tar-rabja. U, aktar ma nkunu siekta, aktar infuru bir-rabja għal min lilna jkun weġġagħna fl-imgħoddi. Bħal meta, quddiem klassi studenti, jkun waqqagħna għaż-żufjett. U dan l-għaliex ma ġerragħniex. Jew l-għaliex lil tal-Knisja ma jniżżilhomx. Min jaf? Forsi hu, meta kien iżgħar, kien irċieva xi azzjoni ħażina minn tal-Knisja u allura meta jara xi labtu, abitu jew kullar tagħtih ferneżija miskin. Għax abbli jibda’ jiftakar fil-weġgħat li kienu għamlulu meta kien jew kienet żgħira!
Għalhekk, kemm is-skiet jaf ikun mument ta’ turmenti kbar hux! Mumenti fejn il-weġgħat jikbru! Biss, is-skiet hu wkoll il-mument tal-għażla. Jiġifieri, jew li se ninġarr mal-kakofanija li qed idoqqli t-taparsi pjanista jew inkella se naqbad u, bil-grazzja tal-Mulej, se nkeċċi minn fuq il-banketta tar-rieda tiegħi lix-xitan ħalli fuqha jerġa’ joqgħod l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu tal-Qdusija!
U meta joqgħod bilqiegħda Hu fuq il-banketta tar-rieda tiegħi, mill-ewwel li l-Ispirtu s-Santu jibda’ idoqqli l-mużika tiegħu. Li tibbaża ħafna fuq il-maħfra, il-ħniena, it-tjieba, il-barka u dak kollu li hu sewwa u qaddis. Fil-mużika tiegħu l-Ispirtu s-Santu ma jippermetti l-ebda ton ta’ sarkażmu, għajjat, frustrazzjoni u mrar li jinfiltraw fl-eżekuzzjoni artistika tiegħu. Xejn minn dan! Anzi! Jarma idoqqli n-noti tal-imħabba, tal-fidi, tal-ħlewwa, tal-mogħdrija, tal-maħfra, tal-manswetudni u tal-umiltà.
Għalhekk fis-skiet dejjem iseħħ kuntest interessanti bejn żewġ kompożituri. Il-kompożitur veru u l-kompiżtur falz. Il-kompożitur li jpaxxik bil-mużika tiegħu kollha armonija u għaqda u, minn naħa l-oħra, hemm il-kompożitur tal-kaos, tar-rabja u ta’ kull xorta ta’ firda. Fis-skiet għandi ċ-ċans niċħad lill-kompożitur tal-ħażen u nilqa’ il-kompożitur tal-qdusija. Fis-skiet qed jingħatali ċ-ċans li niċħad lix-xitan, bit-tlellix u l-frugħa kollha tiegħu biex nilqa’ lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu bħala l’Alla veru ta’ ħajti.
Is-skiet hu ġlieda. Kumbattiment. Għażla. Li jwassalni biex nissaħħaħ, bil-grazzja tal-Mulej, fil-virtù u fil-qdusija vera għax jibnini fil-ħajja tal-Mulej! Kos hux! Xi sfida joffrili s-skiet! Imma xi grazzja għandi li l-Mulej tahuli f’ħajti biex isaħħaħni fih! U bih!
Fr Mario Attard OFM Cap