Il-Papa japprova l-ordinazzjoni bikrija għal seminarista marid bil-Lewkimja
Reliġjuż Niġerjan, Livinius Esomchi Nnamani, li hu marid bil-Lewkimja, ġie ordnat saċerdot Kattoliku bl-approvazzjoni tal-Papa Franġisku. Iż-żagħżugħ ta’ 31 sena kien kiteb lill-Qdusija Tiegħu fejn talbu biex imexxi l-ordinazzjoni tiegħu. Din ix-xewqa ngħatat fl-1 ta’ April. L-Isqof Daniele Libanori, isqof Awżiljarju ta’ Ruma, ordna lil Livinius saċerdot fl-Isptar Presidio Sanitario Medica Group Casilino, f’Ruma.
Fr. Livinius beda l-vjaġġ tal-vokazzjoni tiegħu f’Owerri, fix-xlokk tan-Niġerja, meta daħal fl-Ordni ta’ Omm Alla, fl-eta ta’ 20 sena. Ftit wara l-ewwel wegħdiet tiegħu, Livinius sab li għandu l-marda tal-Lewkimja, u beda perjodu ta’ sfida, ta’ terapiji u trattamenti. Sentejn ilu, intbagħat l-Italja biex ifittex kura tas-saħħa aħjar u biex ikompli bl-istudji tiegħu.
Minkejja t-trasfużjonijiet tqal u t-trattamenti li kien qed jirċievi, Livinius kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ San Tumas t’Akwinu, magħrufa aħjar bħala l-Angelicum, u ppronunzja l-aħħar wegħdiet tiegħu f’Settembru li għadda. Madankollu, hekk kif il-marda kompliet bl-avvanzi tagħha, huwa beda jqatta’ perjodi itwal fl-isptar, u x-xewqa tiegħu li jtemm il-formazzjoni għas-saċerdozju bdiet tidher iktar inċerta. Konsegwentament, Livinius ħa d-deċiżjoni li jikteb lill-Papa Franġisku, u talbu biex iressaq l-ordinazzjoni tiegħu. Ir-risposta ħarġet malajr fil-31 ta’ Marzu: l-Papa ta l-permess tiegħu. L-għada, Livinius ġie ordnat saċerdot.
Waqt l-omelija tal-Ordinazzjoni, l-Isqof Libanori qal: “Li b’dan ir-rigal, Alla l-Missier irid isostnik sabiex tkun tista’ tgħix bis-sħiħ il-prova li sejjaħlek għaliha”. “Bħala saċerdot, int tingħaqad ma’ Ġesù biex tagħmel ġismek offerta li togħġob lil Alla. S-saċerdozju tagħna, tabilħaqq, jilħaq il-quċċata tiegħu meta flimkien mal-ħobż u l-inbid, nafu noffru lilna nfusna, l-affarijiet li tana l-Mulej u ħajjitna.”
Bħalissa, Fr. Livinius beda l-ministeru saċerdotali tiegħu fl-isptar Casilino, fejn qed jagħti l-barka tiegħu lit-tobba u l-infermiera li kuljum jieħdu ħsiebu u l-pazjenti oħra.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-04/pope-francis-leukemia-ordination-rome.html