Il-Papa ser jerġa’ jibda jagħmel ir-reċita tar-Reġina Coeli mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku
Nhar il-Ħadd, 18 t’April, il-Papa Franġisku ser jerġa’ jibda joħrog fit-tieqa tal-Palazz Appostoliku, li tagħti għal fuq il-Pjazza San Pietru, biex imexxi r-reċita tat-talba tar-Reġina Coeli mal-fidili, miġbura fil-pjazza tal-Vatikan. Dan wara diversi ġimgħat assenti, minħabba miżuri ta’ prekawzjoni meħuda mill-gvern Taljan biex jitrażżan it-tixrid tal-Covid-19. F’dan iż-żmien, il-Qdusija Tiegħu kien iwassal il-messaġġi tiegħu lill-fidili, esklussivament permezz tal-midja, mill-Librerija tal-Palazz Appostoliku.
Fl-ewwel lockdown li seħħ sena ilu, żamm lill-fidili ‘l bogħod mill-kolonnat tal-Bernini bejn it-8 ta’ Marzu u l-24 ta’ Mejju, bil-Papa jmexxi t-talb tal-Ħadd permezz tal-live streaming. Wara dan, il-Papa Franġisku reġa’ deher fit-tieqa għal ftit xhur sal-20 ta’ Diċembru, meta ġie ordnat għeluq ġdid sas-7 ta’ Frar li għadda. Dan kien segwit minn ftuħ mill-ġdid għal perjodu qasir sal-14 ta’ Marzu, fejn fil-21 ta’ Marzu reġa’ ġie magħluq għall-pubbliku.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-04/pope-regina-coeli-st-peters-square-pandemic.html