Tagħlimiet għall-Ġimgħa Mqaddsa

Print Friendly, PDF & Email

Issa li għaddejna l-Ġimgħa Mqaddsa ikun tajjeb li nħallu lil ħutna l-qaddisin jgħinuna ninżlu aktar fil-fond fl-ispirtu ta’ din il-Ġimgħa daqshekk importanti għall-Fidwa tagħna.

Kollox jinbidel. Is-Salib biss jibqa’ sod. San Bruno jgħid: Waqt li d-dinja tinbidel is-Salib jibqa’ sod. Qalb Kristu hi oċejan ta’ tjubija u ħniena. Santa Margerita Marija Alacoque tgħidilna: Il-Qalb Divina hi oċejan mimli ħwejjeġ tajba li fiha l-erwieħ imsejkna jistgħu jitfgħu l-bżonnijiet tagħhom. Hi oċejan mimli hena u li fih nistgħu ngħarrqu n-niket tagħna. Hi oċejan ta’ umiltà biex fih ngħarrqu l-bluha tagħna. Hi oċejan ta’ ħniena għal dawk li huma fin-niket. Hi oċejan ta’ mħabba li fih nistgħu ngħarrqu l-faqar tagħna. Is-Salib ta’ Kristu jmexxina. Tgħidilna Santa Katarina ta’ Siena: Hu jipprovdi t-triq u l-mezzi, ħafna aktar milli int qatt stajt immaġinajt qabel. Ħalli kollox f’idejH. Ħalli lilek innifsek fih. Itlef lilek innifsek fuq is-Salib u issib lilek innifsek kompletament.

Fl-Ewkaristija Mqaddsa Ġesù joffri lilu nnifsu għall-fidwa tagħna kuljum lill-Missier. Fiha u biha aħna nistagħnu quddiem il-Mulej. Jgħidilna San Ġwann Marija Vianney: X’jagħmel Ġesù Kristu fl-Ewkaristija? Hu Alla li, bħala l-feddej tagħna, joffri lilu nnifsu kull jum għalina lill-ġustizzja ta’ Missieru. Jekk int fil-problemi u fin-niket, hu jfarrġek u jserrħek. Jekk int marid hu jew ifejqek inkella jagħtik il-qawwa li tbati biex tikseb is-Sema. Jekk ix-xitan, id-dinja, u l-ġisem qed jiggwerrawlek hu jagħtik l-armi biex bihom tiġġieled, tirreżiżti, u tirbaħ ir-rebħa. Jekk int fqir, hu jagħnik b’kull għamla ta’ għana għalissa u għall-eternità. Ejjew niftħu l-bieb tal-qalb mqaddsa u adorabbli tiegħu u niġu mkebba, imqar għall-mument, bil-fjammi ta’ mħabbtu, u hekk se naraw x’jista’ jagħmel Alla li jħobbna. O Alla tiegħi, min jista’ jifhem?

Anki mis-Salib tiegħu, u, saħansitra fil-mewta tiegħu, Ġesù baqa’ magħna. Jikteb Sant’Atanasju minn Lixandra: Anki fuq is-Salib, ma ħebiex lilu nnifsu minna. Anzi. Ippermetta lill-ħolqien kollu biex jixhed il-preżenza ta’ Dak li sawru. Imbagħad, ġaladarba ħallieha tidher li kien miet ma ħalliex it-tempju tal-ġisem tiegħu jibqa’ hekk imma, mingħajr ħafna tnikkir, fit-tielet jum qajmu mill-imwiet, impassibbli u mingħajr taħsir, ir-rahan u l-espressjoni tar-rebħa tiegħu. Kristu Imsallab hu l-għajn tat-tama tagħna, il-medjatur, l-avvukat, il-vittma u s-sagrifiċċju ta’ dnubietna. Jikteb San Karlu Borromeo: Araw, Ġesù Kristu Imsallab, hu l-uniku sies tat-tama tagħna. Hu l-medjatur u l-avvukat, il-vittma u s-sagrifiċċju ta’ dnubietna. Hu t-tjubija u s-sabar fihom infushom. Il-ħniena tiegħu hi mqanqla bid-dmugħ lejn il-midinbin. U qatt ma jirrifjuta l-maħfra u l-grazzja minn dawk li jitolbu għalihom b’qalb umli u niedma. Biex ikun hemm l-Għid f’ħajtek qabel irid ikun hemm il-Ġimgħa l-Kbira. Jgħidilna l-Venerabbli Fulton J. Sheen: Jekk ma jkunx hemm il-Ġimgħa l-Kbira f’ħajtek ma jistax ikun hemm Ħadd il-Għid.

Jekk tbati miegħU miegħU wkoll għad tgawdi għall-eternità. Tfakkarna Santa Klara t’Assisi: Jekk tbati miegħU, int issaltan miegħU. Jekk tibki miegħU se jkollok l-hena miegħU. Jekk tmut miegħU fuq is-Salib ta’ l-inkwiet se tikseb l-post etern fl-isplendur tal-qaddisin. U ismek, miktub fil-Ktieb tal-Ħajja, se jkun glorjuż qalb il-bnedmin. Meta milqugħ b’imħabba s-salib hu t-triq tal-ġenna. Jgħidilna San Pawl tas-Salib: Is-Salib hu t-triq tas-Sema biss imma meta wieħed iġorru min jeddu.

Meta nikkontemplaw it-tbatijiet ta’ Kristu hu jagħtina l-grazzja li nitħarrġu fil-virtujiet skont ma nemmnu. Tgħidilna Sant’Angela Merici: Meta nikkontemplaw it-tbatijiet ta’ Kristu hu jagħtina, skont il-qjies tal-Fidi tagħna, il-grazzja li nitħarrġu fil-virtujiet li hu wriena f’dawk is-siegħat mqaddsa. Inħobbu s-Salib l-għaliex m’aħniex qed inġorruh waħedna. Hu l-Mulej li qed jgħinna u jfarraġna. Tgħidilna Santa Gianna Beretta Molla: Ejjew inħobbu s-Salib u ejjew niftakru li m’aħniex waħedna waqt li qed inġorruh. Il-Mulej qiegħed jgħinna. U fil-Mulej li qed jfarraġna, bħalma jgħidilna San Pawl, aħna nistgħu nagħmlu kollox. Il-glorja li jagħti Kristu tiġi biss meta nilqgħu Salibu. Ifakkarna San Ġwann tas-Salib: Min ma jfittix is-Salib ta’ Kristu mhux qed ifittex il-glorja ta’ Kristu.

Meta nissapportu s-Salib hi l-ogħla ħaġa li nisgħtu nwettqu. Tgħidilna Santa Katherine Drexel: Meta nissaportu s-Salib b’sabar u umiltà, hu ta’ liema natura hu, hu l-ogħla xogħol li nistgħu nwettqu. Is-slaleb jgħaqqduna mal-Mulej. Jgħidilna l-Beatu Charles de Foucauld: Is-slaleb jeħilsuna minn din id-dinja u meta nagħmlu hekk jorbtuna mal-Mulej. Minnu nnifsu s-Salib jarmi l-umiltà, l-ubbidjenza, il-manswetudni u l-imħabba. Jgħidilna Sant’Anton Marija Claret: L-umiltà, l-ubbidjenza, il-manswetudni u l-imħabba huma l-virtujiet li jiddu permezz tas-Salib u s-Sagrament tal-Altar. O Ġesù tiegħi, għinni nimitak!

Nissuġġerilek tieħu dawn ir-riflessjonijiet u taqrahom mill-ġdid meta tmur il-Knisja f’dawn iż-żminijiet mqaddsa tal-Għid biex tinviżta u titlob hemm. Aktar u aktar quddiem Ġesù fl-Ewkaristija Mqaddsa. Tista’ ukoll issib post għal kwiet f’darek jew f’kamartek u, b’naqra mużika sagra fl-isfond, aqrahom u ħalliehom jidħlu f’qalbek sakemm l-Ispirtu s-Santu inqaxxahom fik.

X’tagħlimiet sbieħ jagħtuna l-qaddisin għall-Ġimgħa Mqaddsa u għal ħajjitna kollha!

Patri Mario Attard OFM Cap