Ħa l-ħobż, radd il-ħajr, u qasmu

Il-Ġimgħa, 16 ta’ April 2021: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tal-Ġimgħa tat-Tieni Ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Ħa l-ħobż, radd il-ħajr, u qasmu

Żgur li tolqotna f’din il-ġrajja, li hi rrakkuntata mill-evanġelisti kollha – l-uniku miraklu li ssibu rrakkuntat mill-evanġelisti kollha – id-deskrizzjoni ta’ kif Ġesù jagħmel il-miraklu, speċjalment il-kelmiet: “ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda”. Hemm xebh kbir bejn dawn il-kelmiet u dak li naqraw fl-Aħħar Ċena meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija. Hu l-istess kliem li ngħidu ftit ieħor fil-konsagrazzjoni fil-quddiesa: “ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasam, ta lid-dixxipli tiegħu…”

Hemm rabta bejn dan il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-Ewkaristija. Hu Ġesù nnifsu li jagħmel din ir-rabta. Fil-fatt, fl-Evanġelju skont San Ġwann, fis-sitt kapitlu, naraw li Ġesù, wara din il-ġrajja, meta ra li n-nies komplew jiġru warajh, hemmhekk imbagħad ikellimhom fuq ħobż ieħor. Jgħidilhom: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.” Jgħid li hu l-ħobż tal-ħajja. “Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”

Jolqotna kif Ġesù jaħseb fil-bżonnijiet tal-bniedem sħiħ, il-bżonnijiet kollha. Hawn, hu l-ewwel wieħed li jagħraf il-bżonn li kellhom in-nies li jieklu, u jara kif se jipprovdi lin-nies x’jieklu. Imma mbagħad lin-nies jurihom il-bżonn ta’ ikel ieħor, tal-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, li aħna nafu li hu l-Ewkaristija.

Jolqotna wkoll kif Ġesù jagħmel dan il-miraklu, u x-xebh mal-Ewkaristija. Hawnhekk, Ġesù jieħu l-ftit ta’ dan it-tfajjel – ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar, li dan it-tfajjel kien lest joffrihom – u minnhom jagħmel ħafna. Jibdel il-ftit f’ħafna. Mhux biss kien hemm biżżejjed għal dawk in-nies kollha, imma l-Evanġelju jgħid li kien hemm tnax-il qoffa li nġabru bil-loqom li ħallew, jiġifieri bl-abbundanza. Ġesù mill-ftit jagħmel ħafna, u ħafna bl-abbundanza. Fl-Ewkaristija, aħna nippreżentaw il-ħobż u l-inbid, affarijiet ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum, u Ġesù jibdel dan li hu ordinarju fl-iktar ħaġa straordinarja – fil-ġisem u d-demm tiegħu, il-preżenza reali tiegħu.

Aħna għandna bżonn li nsostnu lilna nfusna, kemm bl-ikel li jkollna bżonn għal ħajjitna biex ngħixu, imma wkoll bl-ikel tal-ħajja ta’ dejjem, bl-Ewkaristija.  F’dawn l-aħħar ftit ġimgħat, ma kellniex il-possibbiltà li niltaqgħu flimkien fil-knisja għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija minħabba l-pandemija. Hemm min, li anke jkun qed isegwi din il-quddiesa, li ilu ħafna aktar; ilu x-xhur ma jkollu din il-possibbiltà minħabba cirkustanzi diffiċli li qed jgħix jew li qed tgħix. Għalhekk aħna, waqt il-quddiesa, nagħmlu t-tqarbina tax-xewqa biex aħna nħeġġu fina tassew din ix-xewqa li nirċievu dan il-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem, l-Ewkaristija, il-preżenza reali ta’ Ġesù.

Bl-għajnuna ta’ Alla, minn nhar il-Ħadd li ġej, aħna nistgħu ninġabru flimkien fil-knisja. Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex lil dawk kollha li hu possibbli għalihom li jieħdu sehem, iħeġġeġ fina x-xewqa li nieħdu sehem fl-Ewkaristija u jkollna dejjem din il-ħeġġa li niltaqgħu flimkien ħa niċċelebraw l-Ewkaristija u nirċievu wkoll il-preżenza ta’ Ġesù fina. Se jkun hemm min ma jkunx possibbli għalih – il-morda fl-isptarijiet, fid-djar tagħhom, nies rikoverati, nies li minħabba l-kundizzjoni tagħhom mhux possibbli li jkunu magħna nhar il-Ħadd li ġej. Imma aħna nassigurawhom li se jkunu f’qalbna u fit-talb tagħna, aħna u ninġabru flimkien biex niċċelebraw l-Ewkaristija, ħalli flimkien nagħrfu l-preżenza ta’ Ġesù fostna u d-differenza kbira u sabiħa li tagħmel f’ħajjitna l-preżenza tiegħu fina.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply