Hekk pattihielhom!

Għadni nfarfar it-trab tat-tkaxkira tiegħi filwaqt li niftakar fit-tkaxkira tiegħu! Għadni qed niġi f’tiegħi meta naħseb ftit minn xiex għadda Hu!

Hu! Li m’għamilx ħlief ġid! Hu! Li tħares lejH timtela’ bl-imħabba! Mhux kif tarah ġej minn xi kuritur jew minn xi triq u trid tara fejn se tmur tinħeba. Għax ħlief mibegħda, ġlied, kwistjonijiet u kull xorta ta’ imrar minnu ma joħroġx! Kellu n-nies. Kulħadd jiġri warajh. U ħafna riedu jmissuh. Għax kienu jafu li mqar jekk imissu mqar il-mantar tiegħu, hi x’inhi l-marda tagħhom, araha tinżel u tifflaxxja ruħha fix-xejn.

Għal ħafna kien il-bniedem li tmur għandu. Kien jilqgħek fi x’ħin tmur. U meta kont tkun fil-preżenza tiegħu aqta’ kemm kont tkun tħossok tajjeb fil-preżenza tiegħu. Ma kienx jiġġudikak għalkemm kien ikun diġà qrak minn fuq s’isfel. Ma studja fl-ebda università. U m’għamel l-ebda PHD. Imma kien jaf kollox. U, kien jurik li kien jaf għax ma kienx iparla fil-vojt. U lanqas iħares lejk b’dik il-ħarsa ta’ ħakma, anke dik intelletwali, li tumiljak u tagħmillek xebgħa ħsara issemmix!

Kien ħelu. Ma’ min kien umli qalbu kien jagħtihielu. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab (S 103:14). U kien jieħu gost joqgħod ma’ kulħadd. Ma kellux klassijiet. Kien imur għand il-fqar u anki għand min kellu l-boqxiex. Għalkemm lil dawn qatt ma rrikatthom biex iħallulu xi ħaġa fil-wirt. Ħa jkollu x’jonfoq! Wirt għedt? U x’wirt wirt! Hu stess kien iħobb jgħid: Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu (Mt 8:20). Mela la kellu bżonn djar kbar u wisq aktar appartamenti u penthouses!

Mela x’kellu bżonn? Li jidħol jgħammar fi qlub in-nies! Daqshekk faċli Patri? Mhux aħjar jekk ngħidlek: daqshekk diffiċli? U għax għandha tkun? Għax wara kollox il-ħażen dejjem battikata sieħbi. Jagħmlu min jagħmlu. Fih kedda biex tippjanah, kedda biex teżegwih u kedda oħra u aktar kbira biex taffaċċja l-konsegwenzi tiegħu. Hu jafu dan. Għax qalilna ċar u tond: Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żina, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha (Mk 7:20). U, f’naħa oħra tal-vanġelu li hawn min iħobb jaqbiżha għax veru skomda u iddejjaq, jgħid: Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm (Lq 6:45).

Kemm jagħti valur lill-kelma! Għax hu l-Kelma! U m’hemmx kelma oħra! U jekk kelma trid turi għandhiex dinjità li tiġi mitħaddta jew miktuba trid tgħaddi minnu, li hu l-Kelma! Jekk din il-kelma għandha l-kriterji tal-Kelma, jiġifieri l-kriterji tiegħu, li skont l-Appostlu huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan (Gal 5:22-23), allura dik il-kelma għandha titlissen jew tinkiteb. Għax tkun Hu! Imma jekk dik il-kelma taqa’ fil-baxx u titħammeġ maż-żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn (Gal 5:19-21) dik il-kelma sempliċiment m’għandhiex dritt li tibqa’ teżiżti. Għax la l-Kelma ma żżommhiex magħha kif tista’ tibqa’ tperper għal rasha?

F’kelma waħda, kull kelma li taqbel mal-ispirtu ta’ Kristu ħa tibqa’ tgħix, tinkiteb u tixxandar. Imma jekk ma tidħolx fil-qafas tiegħu, hu li hu l-Kelma, anki jekk din il-kelma tinkiteb bl-akbar sengħa u li tiġbed mill-ewwel in-nies lejha illum jew għall-għada se turi x’inhi u x’issarraf. U aqta’ kif tgerrixhom l’hemm! Għax int u jien sieħbi għaliH ġejna maħluqa. U nsibu l-paċi tagħna meta ruħna tistrieħ fih!

Il-mod kif kien jitħaddet, mingħajr ħafna kantunieri, għamillu biżibilju segwaċi u xebgħa għedewwa wkoll. Il-popolin ħabbu għax fih ra t-tamiet kollha tiegħu jitwettqu. Hu kien jaf jidħol fi qlub in-nies. U, tmur għandu, qatt ma kont tħoss l-art tibilgħek għax missierek jew ommok ma jappartjenux għal ċerta klassi jew status. Għalih dawn kollha kienu ħmerijiet. Li kien jimpurtah biss hu li min kien jersaq lejh ikollu qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena (S 51:19). U, bniedem ta’ dan it-tip, qatt ma seta’ jwarrbu. Għax Kelmtu stess tgħid: Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla (S 51:19).

Meta l-folol bdew jikbru u jmorru warajh, ta’ kontrih iġġennu. Kien ħadilhom il-poter kollu! Kos hux! Dawn l-iskulari li l-liġi ta’ Mosè kienu jafuha fuq ponot subgħajhom u l-kotba tal-liġi kienu tgħallmuhom bl-amment minn qoxra sa qoxra. Imbagħad jiġi dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, minn post li qatt ma ssemma fit-Testment il-Qadim, u jaqlibilhom kollox ta’ taħt fuq. U l-poter ħadulhom mhux l-għaliex xewwex lin-nies bir-ribeljoni għalihom. Ma tarax! Anzi! Lin-nies kien qalilhom: Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn (Mt 23:2-3). Smajtu bħali sieħbi! Riedhom jagħmlu u jħarsu dak kollu li min għandu l-katedra, jiġifieri l-awtorità, li jgħallem u jmexxi, kien qed jgħid li għandhom jagħmlu. Imma d-diskors kompla: Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom. Kulma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom Rabbi (Mt 23:4-7).

Għal din it-tip ta’ mġieba fejn paroli biss hemm u fatti xejn Santu Wistin għandu kumment ta’ taħt iċ-ċontorin meta jgħid fit-Tielet Omelija tiegħu fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann: “Jien mhux sejjer nogħod nagħti kas ta’ dak li xi ħadd jgħid bil-kliem, imma nara kif qiegħed jgħix. Jekk l-għemejjel jitkellmu minnhom infushom, xi ħtieġa hemm li noqogħdu nfettqu fuq il-kliem? Jaqaw hemm xi ħadd li jkun ħażin u ma jagħmilx ħiltu kollha biex jitkellem tajjeb? Isimgħu x’jgħid il-Mulej fuq dawn: ja nisel ta’ wiċċ b’ieħor, kif tistgħu titkellmu tajjeb meta intom ħżiena? Intom twasslu leħinkom sa ħdejn widnejja, iżda jiena nħares lejn is-sentimenti tagħkom, u hemm nilmaħ rieda qarrieqa, u intom tressqu frott qarrieqi. Jiena naf fejn għandi mmur sabiex niġbor il-frott: ma niġborx tin minn ġewwa x-xewk, lanqas għeneb mill-għollieq. Kull siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Min jistqarr lil Kristu bil-fomm, iżda mbagħad wara jiċħdu bl-għemejjel tiegħu, huwa antikrist, u huwa agħar mill-oħrajn kollha. Huwa wieħed giddieb għax jgħid ħaġa u jagħmel oħra”.

Jekk niġu f’dan antikristi ilkoll kemm aħna, nibda minni l-ewwel wieħed. Għax ġieli nsibni fil-partit tal-kittieba u l-Fariżej li ngħid ħaġa u nagħmel oħra. Imma taf x’hemm tajjeb sieħbi? Li, kif qalilna Hu, il-logħba qiegħdha fl-għejxien ta’ dan il-kliem tad-deheb tiegħu: Imma intom tħallux min isejħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla (Mt 23:8-11).

Kif taħsbu li pattihielhom lil min biesu, beżaqlu, ifflaġellah, xehed falz kontrieh, qatagħha li joqtlu, xewwex kontra tiegħu, deffisslu l-kuruna tax-xewk, għajru, insulentah, tah kemm felaħ bis-sieq u bil-ħarta, sallbu u x’ma nafx aktar? Baqa’ isejjaħlu ĦIJA! Għax għandu l-istess MISSIERU b’Missieru! Baqa’ JAQDIH! JITLOB GĦALIH! Sakemm ĦAFIRLU! U dejjem b’dik il-qalb tfawwar BL-IMĦABBA U L-UMILTÀ!

U, ħbieb, kienet din il-qawwa mill-isbaħ ta’ maħfra, fraternità, qadi, u fuq quddiem nett, nett, nett, UMILTÀ, li qajmietu minn bejn l-imwiet! Għax din il-qawwa li hemm tiġri fil-Missier! U biha Hu qajmu għall-ħajja li ma tmut qatt! Bħalma jrid iqajjem lili u lilek li nqattgħu dawn l-erbat ijiem tagħna, hawn fuq l-art, f’ħafna mrar ta’ rabja, mibegħda u vendetta. Le sieħbi! Bil-maħfra, bl-imħabba, bit-talb, bil-qadi u bl-umiltà ta’ Kristu int tirbħilhom! Lilhom tirbaħhom għal Kristu filwaqt li bik il-Mulej jixxuttja lejn l-infern ix-xjaten ta’ ġo fihom!

La tinsa’ qatt: lil min qatlu kien biss b’dawn il-ħames qawwiet tal-maħfra, tal-imħabba, tat-talb, tal-qadi u tal-umiltà li damdamhom darba għal dejjem! Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:21). Hu hekk pattihielhom!

Patri Mario Attard OFM Cap