Il-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd li għadda, appella għal ġesti li jippromwovu l-fiduċja reċiproka u jrawmu rikonċiljazzjoni fil-Lvant tal-Ukrajna, fost it-tensjonijiet militari li qed jiżdiedu bejn Kiev u Moska.
Wara r-reċita tar-Regina Coeli, l-Papa ddeskriva s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukrajna, bħala waħda ta’ ‘dwejjaq’, li din qed “isegwi bi tħassib kbir f’żoni tal-Lvant tal-Ukrajna, fejn il-ksur tal-waqfien mill-ġlied immultiplika f’dawn l-aħħar xhur.”
Waqt li esprima l-preokkupazzjoni profonda tiegħu għaż-żieda fl-attivitajiet militari f’din iż-żona, huwa qal: “Bil-qawwa kollha nittama, li din iż-żieda fit-tensjonijiet tiġi evitata, u, għall-kuntrarju, li jsiru ġesti li huma kapaċi li jippromwovu fiduċja reċiproka u jrawmu rikonċiljazzjoni u paċi, li huma tant meħtieġa u tant mixtieqa.” Il-Papa enfasizza wkoll is-sitwazzjoni umanitarja gravi li qed taffettwa l-popolazzjoni fiż-żona, fejn it-tensjonijiet li qed ikomplu jiżdiedu huma viċin in-nies. Fl-aħħar, talab lil dawk preżenti fil-Pjazza, u lil dawk li kienu qed isegwu permezz tal-midja biex jingħaqdu miegħu fit-talb għalihom.
It-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna ilhom jiżdiedu, fejn diversi truppi Russi qed jiżdiedu tul il-fruntiera tal-Lvant tal-Ukrajna, kif ukoll fil-Krimea bi ġlied ġdid bejn l-armata u separatisti favur ir-Russja. Fl-aħħar żvillup, qed jingħad li vapuri tal-gwerra Ingliżi qed ibaħħru lejn il-Baħar l-Iswed biex juru solidarjetà mal-alleati tan-NATO tal-Ukrajna u tal-Gran Brittanja.
L-osservaturi esprimew il-biża’ tar-ritorn għall-ġlied bejn il-gvern tal-Ukrajna u żewġ repubbliki mifruda sostnuti minn Moska, kif kien seħħ sitt snin ilu, fejn eluf ta’ persuni kienu tilfu ħajjithom fil-vjolenza u ħafna oħrajn kellhom jaħarbu. Fl-2015, iż-żewġ naħat kienu qablu ma’ waqfien mill-ġlied.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-04/pope-francis-appeal-eastern-ukraine-russia-reconciliation-prayer.html