Inkunu qrib. Omelija tal-Isqof Joe Galea Curmi

Il-Ħamis, 6 ta’ Mejju 2021: Messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi waqt il-Velja ta’ Talb għas-Saċerdoti l-ġodda. Quddiem il-Knisja tal-Kapuċċini, Kalkara.

Inkunu qrib

Nirringrazzjaw flimkien lil Alla għad-don tas-saċerdozju li qed jagħti lil Roderick, Jean Claude, Joshua u Mark, u li permezz tagħhom qed jagħti lill-Knisja, speċjalment lill-Knisja f’Malta. Hija okkażjoni ta’ ferħ kbir! Flimkien nirringrazzjaw lil Alla b’qalb mimlija mħabba, u nitolbuh ħafna għalihom.

Din ir-riflessjoni fiċ-ċelebrazzjoni li għamilna llum, li hi marbuta mal-ħsieb tal-Papa Franġisku, hi ta’ għajnuna kbira għalikom bħalma hi għalina, għal kull wieħed u waħda minna.

Jien nitlob lill-Mulej li żżommu dejjem f’moħħkom u f’qalbkom dawn l-erba’ punti ta’ “qrubija”.

  • Li tkunu qrib Alla. Biex tħallu l-frott fil-ministeru, tridu tkunu bħal friegħi marbutin mad-dielja, daqshekk qrib!
  • Li tkunu qrib l-Isqof djoċesan, qrib bħala kollaboraturi; miegħu tistgħu titkellmu b’mod ċar u dejjem tkunu tixtiequ tgħinuh fil-ministeru tiegħu, u li jkun hemm għaqda sħiħa miegħu.
  • Li tkunu qrib xulxin, u għalhekk il-kelma ma’ xulxin u fuq xulxin dejjem tkun kelma ta’ ġid, kelma li tibni, kelma ta’ appoġġ u sapport lil xulxin.
  • Li tkunu qrib il-poplu ta’ Alla, biex tistgħu tħossu tassew l-esperjenza li jgħaddi minnha l-poplu, u tistgħu tieqfu miegħu fil-mumenti sbieħ, fil-mumenti diffiċli, fit-tamiet, fil-biżgħat, fil-weġgħat. Tkunu qrib tiegħu, u għalhekk nissuġġerilkom ħafna wkoll biex fejn tistgħu tmorru bil-mixi, ma tmorrux bil-karrozza. Din tgħinkom biex tiltaqgħu man-nies fit-triq, u jkollkom ċans tisimgħuhom.

Il-Papa Franġisku, meta semma’ dawn l-erba’ punti ta’ qrubija, tkellem ukoll fuq il-ħniena u l-ħlewwa. Minn Alla aħna nirċievu l-ispirtu ta’ ħniena u ħlewwa, imbagħad mal-Isqof tagħna, ma’ xulxin u mal-poplu nistgħu tassew ngħixu dan l-ispirtu.

Nitolbu lill-Mulej biex intom dawn iżommuhom bħala kriterji għall-ministeru tagħkom u għall-ħajja tagħkom ħalli tassew tkun ħajja li tħalli l-frott u tagħmel ħafna ġid, bħalma aħna lkoll nixtiequ. Nitolbu ħafna għalikom, u permezz tagħkom il-Mulej ikun qed jagħmel ġid lill-Knisja meta jfakkar lilna lkoll kemm hu importanti, aħna min aħna, hi x’inhi l-vokazzjoni tagħna, li aħna nkunu qrib ta’ Alla, qrib tal-Isqof tagħna, qrib xulxin u qrib ukoll tal-poplu ta’ Alla.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply