Ikla b’xejn lil qraba ta’ pazjenti bil-Covid-19

Fl-Indja, Knisja f’Ranchi qed toffri ikla b’xejn lil qraba ta’ pazjenti bil-Covid-19

Bosta istituzzjonijiet Kattoliċi fl-Indja qed jagħmlu l-faċilitajiet tagħhom disponibbli fil-battalja nazzjonali, kontra t-tieni mewġa devastanti t’infezzjonijiet tal-Covid-19 li qed joħnoq b’mod sever is-sistema tal-kura tas-saħħa.

L-Arċidjoċesi ta’ Ranchi, fil-kapitali tal-istat ta’ Jharkhand, fil-Lvant tal-Indja, ħasbet mod ġdid biex tgħin l-uġigħ u t-tbatija tal-pazjenti tal-Covid-19 u l-familji tagħhom. Nediet servizz ta’ ikla ta’ nofsinhar b’xejn għall-qraba ta’ pazjenti li jinsabu fl-isptar ta Rajendra Institute of Medical Science (RIMS), li hu l-akbar sptar tal-belt.

Is-servizz qed jiġi organizzat miż-Żgħażagħ Kattoliċi ta’ Ranchi, mmexxija mill-Presdient Kuldip Tirkey. Din tikkonsisti f’ikla sħuna, ppakkjata, li tikkonsisti minn ross, għads, tiġieġ u ħaxix flimkien ma’ flixkun ilma. Dan qed jiġi servut lin-nies fil-bżonn. 

L-Isqof Awżiljarju Theodore Mascarenhas innota li l-pajjiż għaddej minn żmien diffiċli ħafna minħabba sitwazzjoni tal-pandemija. Huwa enfasizza li filwaqt li qed jiġu segwiti r-regoli tal-gvern dwar id-distanza soċjali u s-sigurtà pubblika, huwa qal li l-Knisja se tkompli taħdem għall-foqra. “Aħna kapaċi ngħinu lil dawk fil-bżonn minħabba l-ġenerożità ta’ nies twajbin li qed jikkontribwixxu,” huwa qal. “Il-Knisja se tkompli b’dan is-servizz kuljum sakemm tista’ billi dawk li jattendu l-pazjenti la għandhom il-ħin u lanqas ir-riżorsi biex jippreparaw ikla għalihom infushom.”

Ir-RIMS huwa sptar tal-gvern u huwa l-aktar iffrekwentat mill-foqra, minħabba li ma jistgħux jaffordjaw trattament fi sptarijiet privati. Is-servizz tal-ikel qed isir b’kull prekawzjoni ta’ sigurtà

Maġġoranza tan-nies f’Jharkhand għandhom paga ta’ kuljum li jaħdmu fl-istati l-aktar sinjuri tal-Indja. Meta fil-25 ta’ Marzu, l-gvern ddikjara lockdown, dawn il-ħaddiema li huma immigranti, f’daqqa waħda spiċċaw fit-triq mingħajr impjieg, mingħajr flus jew kenn u li ma setgħux jirritornaw lura d-dar. L-Arċidjoċesi ta’ Ranchi kienet appellat lid-djoċesijiet oħra fi stati oħra biex ma jabbandunawx l-immigranti.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-05/india-ranchi-archdiocese-free-lunch-families-covid.html