L-Innu Akátist f’Ġieħ il-Ġust Ġużeppi l-Għarus tal-Wisq Qaddisa Verġni Marija

Print Friendly, PDF & Email

F’din is-sena speċjali iddedikata lill-patrijarka San Ġużepp, f’għeluq il-150 sena mid-dikjarazzjoni tal-Beatu Papa Piju IX li iddikjara lill-Imqaddes Ġużeppi bħala Patrun tal-Knisja kollha, il-Mulej qed jagħtini grazzja li napprezza aktar il-qima varjata li hawn lejn dan il-qaddis. Liema qima wieħed isib kemm fil-Punent u kif ukoll fil-Lvant tal-Knisja. Każ mill-aqwa ta’ din il-qima hu, mingħajr dubju, l-innu Akátist f’ġieħ il-Ġust Ġużeppi li bih tqimu l-Knisja tal-Lvant.

Dan l-Innu fil-Knisja tal-Lvant dwar Ġużeppi jitkanta bħala devozzjoni privata biss. Interessanti hu l-fatt li aktar ma wieħed jitolbu aktar wieħed malajr jibda’ jintebaħ kemm dan l-Akáthist, jiġifieri l-Innu li jitkanta bilwieqfa, jintiseġ mat-temi l-kbar tal-liturġija tal-Knisja Biżantina. F’dan l-Akáthist ir-rwol ta’ Ġużeppi hu dak li jħares il-misteru tal-Inkarnazzjoni, jiġifieri ta’ meta l-Iben t’Alla sar bniedem fil-ġuf tal-Verġni Marija. Kemm tabilħaqq jingħata importanza kbira dan ir-rwol! L-Akáthist jitfa’ dawl kbir fuq ir-rwol ta’ Ġużeppi bħala wieħed strumentali fil-kura ta’ dan il-misteru hekk kbir. It-test fl-ilsien Malti, li hu xogħol tal-Papàs Martin Żammit, tal-Parroċċa Griega-Kattolika ta’ Santa Marija ta’ Damasku, fil-Belt Valletta, jgħinna napprezzaw ħafna dan ir-rwol partikulari fil-ħajja ta’ l-Imqaddes Ġużeppi.

Fl-ewwel innu minn tlettax tal-Akáthist, Ġużeppi hu mfisser bħala l-protettur tal-wisq qaddisa Verġni Marija u dak li rabba’ u għallem lill-Alla-Bniedem. Din il-ħidma ta’ Ġużeppi b’riżq il-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Alla l-Kelma, li ma jitfissirx bi kliem, tabilħaqq tistħoqq ġieħ liema bħalu ta’ innijiet ta’ tifħir. Minħabba li din il-ħidma hekk diretta mal-Iben ta’ Alla hi tant kbira u intima aħna l-Insara nemmnu li Ġużeppi [j]insab wieqaf quddiem it-tron ta’ Kristu Alla tagħna, u, frott tal-fiduċja mill-aktar kbira quddiemu, aħna ngħidulu: itlob għalina, aħna u nsejħulek.

F’ċertu sens, l-Akáthist ta’ San Ġużepp hu s-sejħa tal-Knisja li temmen fl-interċessjoni qawwija ta’ Ġużeppi. Għalhekk, waqt li Ġużeppi qed jaħdem għalina billi jitlob għalina aħna, bħalma għamlet Marija, qed insemmu l-ħwejjeġ kbar li l-Mulej wettaq fil-ħajja ta’ dan il-bniedem ġust u l-għarus tal-Wisq Qaddisa Verġni Marija.  

Kif tgħidilna l-ewwel strofa tal-ewwel innu, Ġużeppi kien dak li ħares mill-kalunnja tan-nies, u mill-qerq tax-xitan, il-misteru tat-twelid ta’ Alla l-Kelma mill-Verġni kollha safa – misteru li saħansitra l-anġli ma jaslux għalih. L-Akáthist ifakkarna li kien il-Mulej li għażel lil Ġużeppi l-ġust, il-mastrudaxxa umli. Huwa għażlu biex ikun il-protettur u xhud tal-verġinità tal-wisq qaddisa Marija. Il-grazzja li rċieva Ġużeppi għenietu jsir midħla tal-misteri ta’ Alla.

L-invokazzjonijiet fl-ewwel strofa ilkoll juru kemm Ġużeppi kien il-bniedem li l-Mulej kellu jagħżel għall-missjoni kbira bħal din. Ġużeppi hu l-fergħa meqjuma tal-għerq ta’ Ġesse. L-imżejjen b’maestà rjali. L-imċaħħad mill-ġid tad-dinja u dak li kiseb il-ġid spiritwali. Ġużeppi, li baqa’ imwarrab,kiseb il-glorja ta’ dejjem. Ġużeppi hu bil-wisq aktar glorjuż mis-slaten u aktar ġust mill-patrijarki u l-missirijiet tal-qedem. Dan Ġużeppi dejjem lest biex [j]għin, u biex [j]idħol għall-erwieħ tagħna.

L-Akáthist, fit-tieni innu, jgħidilna li dan ir-raġel stħaqqlu jitgħarras mal-Verġni. Filwaqt li fit-tieni strofa naraw li l-onestà ta’ San Ġużepp hija magħrufa sa truf l-art. Għalhekk, lilu għandu [j]ingħata l-ġieħ li ma bħalu, f’kelma waħda dak li [j]itgħarras lill-wisq qaddisa Verġni. Ġużeppi ntagħżel biex ikun ma’ Dik li Minnha ħareġ Kristu Alla, mingħajr l-għajnuna ta’ raġel. U, il-kredenzjali ta’ Ġużeppi kienu l-fidi soda, is-safa, l-umiltà, u l-virtujiet kollha li fihom [hu] eċċella. Għalhekk Ġużeppi hu l-għarus tal-Mara l-aktar safja; il-bniedem ta’ fidi għax ħa taħt saqfu lill-Verġni mqaddsa Marija li, bil-fidi tagħha, saret it-tron ta ’Alla. Ġużeppi hu l-umli fl-ispirtu għax għandu qalb sempliċi. Ġużeppi hu l-wisq imżejjen bil-virtujiet. Għalhekk, kien ta’ servizz għall-Akbar fil-qdusija.

Ġużeppi ra ħafna ma’ wiċċu minħabba s-sejħa li għamillu l-Mulej. Hu ma kienx jaf b’dan il-misteru tal-għaġeb tant li tħawwad, għax kien jaf li mhix miżżewġa, u tħasseb ħażin li forsi setgħet żniet. Fl-inkwiet tiegħu u ta’ bniedem li kien, Ġużeppi, skont l-Akáthist, fittex l-eħfef soluzzjoni: ta’ ġust li kien, xtaq jibgħatha bil-moħbi, u jħalli l-ġudizzju dwarha lil Dak li jaf kollox. Hawn,l-Akáthist jagħtina katekeżi dwar il-kastità ta’ San Ġużepp. Jgħidilna li Ġużeppi hu żelota tal-kastità, Iżraeli li fih m’hemm ebda ħażen, il-bniedem ta’ qalb tajba, l-umli fi mġiebt[u], dak li f’Alla kienet it-tama kollha tiegħu, li fada lil[u] nnifs[u] u lill-oħrajn, lill-providenza tiegħU.  Dan il-fatt biss jħeġġiġna biex ninvokawh għal tlettax-il darba fl-aħħar ta’ kull strofa tal-Innu tal-Akáthist: Ifraħ! O ġust Ġużeppi, int dejjem lest biex tgħin, u biex tidħol għall-erwieħ tagħna.

Waqt li nkomplu nfaħħru lill-Mulej fil-qdusija li biha żejjen lil San Ġużepp ħa mmorru għand Ġużeppi fil-bżonnijiet tagħna u nitolbuh jitlob għalina biex inkunu nies li ngħożżu lill-oħrajn, bħalu. Hawn ma nsibx aqwa mill-kliem tant sabiħ li kitbulna l-Isqfijiet tagħna Mons. Charles J. Scicluna, Mons. Anton Teuma, u Mons. Joseph Galea-Curmi fil-pastorali li kitbulna għal dan ir-Randan Imqaddes ta’ din is-sena 2021 fuq San Ġużepp:

San Ġużepp – ispirazzjoni mill-isbaħ Fil-ħidma tagħna għal soċjetà ta’ għożża u solidarjetà, għandna eżempju mill-isbaħ f’San Ġużepp, li l-Papa Franġisku ried li jkun ta’ ispirazzjoni għalina b’mod speċjali f’din is-sena ddedikata lilu. San Ġużepp hu l-bniedem li għadda minn mumenti ta’ kriżi u ta’ tbatija, fosthom it-tfittxija ta’ kenn barra minn artu mal-familja tiegħu refuġjata. Imma lil San Ġużepp insibuh dejjem b’fiduċja kbira f’Alla, mimli mħabba u ħlewwa lejn l-oħrajn u sensittività lejn il-ħtiġijiet tagħhom. Hu l-bniedem li jisma’ u li fl-istess waqt jieħu azzjoni b’kuraġġ biex jipproteġi l-ħajja ta’ Marija, u ta’ Ġesù, ukoll qabel it-twelid. San Ġużepp jurina kif tkun il-qalb ta’ missier. Matul dan ir-Randan nitolbu l-protezzjoni tiegħu u l-interċessjoni tiegħu biex matul din is-sena jgħin lilna lkoll biex inkunu strumenti ta’ għożża u solidarjetà fis-soċjetà Maltija.

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: