Il-qassis tat-Titanic

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ħamis 15 t’April 2021 fakkarna l-mija u disa’ snin mit-traġedja tal-għarqa tal-RMS Titanic li kien għereq fl-Atlantiku tat-Tramuntana nhar il-15 t’April 1912. Fost il-vittmi ta’ din l-għarqa storika kien hemm il-qassis Father Thomas Roussel Byles li kien wieħed mill-2,207 passiġġier abbord it-Titanic.

Father Byles kien telaq mill-parroċċa tiegħu ta’ Ongar, fl-Ingilterra, u mbarka fuq it-Titanic nhar l-10 t’April 1912. Dak il-jum kien l-Erbgħa fost l-Ottava tal-Għid. Father Byles kien sejjer jbaħħar lejn l-Istati Uniti biex jiċċelebra ż-żwieġ ta’ ħuħ William, li kien ittrasferixxa ruħu fl-Amerika, u li kien se jiżżewweġ lil Isabel Katherine Russell il-ġimgħa wara li dan il-vapur ġdid fjamant kien se jsorġi f’Manhattan. Waqt l-għarqa tat-Titanic dan il-qassis sar tabilħaqq eroj. F’dan id-diżażtru marittimu baqa’ fidil għas-sejħa saċerdotali tiegħu sal-aħħar.

Wara mija u disa’ snin minn mewtu b’ferħ ġie mħabbar li l-ewwel passi lejn il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu nfetħu uffiċjalment fl-Ingilterra. Aktar ma nsir naf fuqu aktar naħseb fuqu bħala qaddis, qal Father Graham Smith. Bl-għajnuna tal-Isqof Alan Williams tad-djoċesi ta’ Brentwood, Father Smith qiegħed fil-passi bikrin tal-proċess li jista’ iwassal lil Father Byles li jkun imsejjaħ “Qaddej t’Alla”. Imbagħad, b’miraklu approvat, ikun imiss il-pass ta’ wara li tkun il-beatifikazzjoni ta’ dan il-qassis qalbieni.

Il-Providenza riedet li Father Smith jingħata l-inkarigu ta’ kappillan tal-Knisja ta’ Sant’Elena f’Ongar. Father Byles mexxa din il-parroċċa għal tmin snin. Filwaqt li Father Smith mar fl-istess parroċċa nhar l-14 t’April, jiġifieri fl-anniversarju ta’ meta t-Titanic kien ħabat ma’ silġa kbira fl-Atlantiku tat-Tramuntana sewwa sew qabel nofsillejl.

Bil-għan li jagħmel l-istorja ta’ Father Byles aktar magħrufa u li tispira lin-nies, Father Smith ktieb talba li rċiviet l-approvazzjoni tal-Knisja bil-għan li tiġi użata ħalli jinqalgħu l-grazzji bl-interċessjoni ta’ Father Byles. Jinħtieġ li jkun hemm devozzjoni lejh, qal Father Smith, li qed jippromovi l-kawża ta’ Father Byles. Minħabba li miet fuq it-Titanic naħseb li ħafna nies jkunu interessati fl-istorja tiegħu.

It-talb kien xi ħaġa li kienet fil-moħħ u l-qalb ta’ Father Byles fil-lejl tal-14 t’April 1912 meta t-Titanic ħabat mas-silġa. Skont ix-xhieda, il-qassis ta’ 42 sena kien fuq il-gverta ta’ fuq jitlob il-brevjar tiegħu. Żgur li rrejalizza il-periklu li fih sabu ruħhom il-passiġġieri fqar fil-kabini t’isfel li ftit qabel kien għadu kemm kien ħdejhom. Fil-fatt, Ellen Mocklare, waħda minn tlett persuni li salvaw, xi jiem wara irrakkuntant lill-gazzetta New York World Newspaper tal-edizzjoni ta’ filgħaxija li kienu tkellmu flimkien dwar Father Byles minn St. Vincent’s Hospital f’Manhattan. Mocklare qalet li Father Byles mar lejn il-passiġġieri kollha b’idu merfugħa ‘il fuq. Barra minhekk, Mocklare ftakret sewwa l-kliem li kien qal Father Byles: Ibqgħu kalmi, nies twajba tiegħi. Imbagħad mar fejn kien hemm il-passiġġieri l-fqar u tahom l-assoluzzjoni u l-barkiet.


In-nies mill-ewwel għarfuh l-għaliex dak il-Ħadd filgħodu hu u saċerdot ieħor abbord, il-monaku Benedittin Ġermaniż Father Josef Peruschitz, iċċelebraw il-quddiesa tal-Ħadd sewwa sew tat-Tieni Ħadd tal-Għid, li illum nafuha bħala Ħadd il-Ħniena Divina. Huma qraw l-istess vanġelu li nsibu fil-liturġija tal-jum kemm għall-passiġġieri tas-sekonda klassi u kif ukoll għal dawk tat-tielet klassi. Dakinnhar, fuq it-Titanic, Father Byles kien żvolga l-omelija tiegħu fuq it-tema Talbna u s-Sagramenti tal-Knisja huma d-dgħajjes tas-salvataġġ spiritwali tagħna li joħduna lura għand il-Mulej. Father Byles ippriedka din l-omelija kemm bl-ilsien Ingliż u kif ukoll b’dak Franċiż filwaqt li Father Peruschitz ippriedka l-omelija bl-ilsien Germaniż u dak Ungeriż. It-tnejn li huma ippriedkaw dwar il-bżonn li jkollok id-dgħajjes tas-salvataġġ fl-għamla ta’ faraġ reliġjuż fil-viċin f’każ ta’ nawfraġju spiritwali.

Mur għidlu lil Father Byles li f’dak illejl kien se jsalva lil xi wħud miż-żewġ nawfraġi, kemm dak fiżiku u kif ukoll minn dak spiritwali! Kien ħabrieki biex itella’ lill-passiġġieri mill-kabini ta’ qiegħ nett ‘il fuq lejn il-gverta tad-dgħajjes filwaqt li għen biex lin-nisa u lit-tfal jittieħdu lejn id-dgħajjes tas-salvataġġ, qalet Mocklare lill-ġurnali ta’ New York. Miż-żewġ membri tal-kleru hu kien il-mexxej mhux biss f’li jagħti għajnuna materjali lill-emigranti mbeżża’ imma wkoll li jżomm l-aspett reliġjuż tal-okkażjoni terribbli fil-wiċċ.

Mocklare ftakret sewwa meta n-nies bdew jentużjażmaw ruħhom l-għaliex Father Byles dak li għamel kien li jgħolli idu ‘il fuq u l-kalma reġgħet ġiet lura. Immedjatament il-passiġġieri kienu impressjonati mill-kontroll assolut tiegħu nnifsu tal-qassis. Hu beda it-talba tar-Rużarju. It-talb ta’ kulħadd, irrispettivament it-twemmin tiegħu u tagħha, ġew maqgħuda u t-tweġibiet, ‘Qaddisa Marija,’ kienu jinstemgħu qawwija sewwa. Skont passiġġiera oħra li salvat, Bertha Moran: Father Byles issokta jmexxi t-talb filwaqt li mexxiena lejn fejn id-dgħajjes bdew jiġu mbaxxija. Hu qal kliem ta’ faraġ u inkoraġġiment lin-nisa u lit-tfal.

Ta’ min jgħid li Father Byles irrifjuta li jitlaq minn fuq il-post u jaħseb għal rasu. U irrifjuta tal-anqas darbtejn iż-żewġ talbiet li sarulu ħa jsalva ġildu. Mocklare insistiet man-New York World li baħħar wissa lill-qassis bil-periklu li kien fih u talbu biex jitla’ fuq dgħajsa. Imma Father Byles irrifjuta. L-istess bniedem reġa’ kellmu, u deher ħerqan biex jgħinu. Madankollu Father Byles reġa’ irrifjuta mill-ġdid. Kif Mocklare iddeskriviet l-istorja: Wara li tlajt fid-dgħajsa, li kienet l-aħħar waħda li salpat, u aħna, bil-mod il-mod, bdejna nitbiegħdu mill-vapur, stajt nisma’ sewwa l-leħen tal-qassis u t-tweġibiet għat-talb tiegħu. Imbagħad bdew jinstemgħu anqas u anqas sakemm stajt nisma’ biss il-ħsejjes tal-għanja ‘Nearer, My God, to Thee’.

Father Byles kien bilwieqfa, jitlob man-nies li kienu madwaru, waqt li l-pruwa għerqet fl-Atlantiku. Meta tkellmet ma’ żewġ nisa oħra li kienu salvaw Agnes McCoy, irrakkuntat lin-New York World dwar Father Byles u s-saċerdot Ġermaniż li kien qed jgħinu. Hi rat lil Father Byles fil-kabina t’isfel fejn tħaddet fuq il-faraġ u l-barkiet li ta, il-qrar li sema’ u t-talb li mexxa. Mill-qagħda tagħha fid-dgħajsa tas-salvataġġ, McCoy ma setgħetx tara l-mumenti finali tiegħu. Madankollu, meta kienet abbord il-vapur tas-salvataġġ Carpathia, persuna li salvat irrakkuntatilha kif Father Byles u Father Peruschitz, imdawrin minn mitt persuna, kienu għadhom bilwieqfa jitolbu meta l-pruwa tat-Titanic iżżelqet fl-oċejan.

Dawk li kienu fl-aħħar dgħajsa tas-salvataġġ u li kienu qed jaqdfu mill-vapur li kien qed jegħreq semgħu l-leħen ta’ Father Byles flimkien mal-ilħna ta’ dawk li kienu għarkupptejhom fl-ilma madwaru, sew jekk kienu Kattoliċi u sew jekk ma kienux, waqt li kien qed imexxi r-Rużarju u jagħti l-assoluzzjoni ġenerali. Father Byles kien wieħed minn aktar minn 1,500 persuna li ħallew ħajjithom. Ġismu qatt ma nstab.

 
M’hemm l-ebda dubju li  l-għemejjel qalbiena li wettaq Father Byles affettwaw biżibilju nies. Fatt kurjuż hu dak tal-ħabib tal-familja Byles, ċertu Father J. Cooreman, li kien Patri Ġiżwita u vigarju ġenerali f’Colombo ix-Sri Lanka. F’ittra li dan bgħattilhom jikteb hekk: Tlabt għalih, imma ngħid il-verità, aktar inħossni li għandi nitolbu jitlob għalija bil-għan li, bl-interċessjoni tiegħu, jkolli dejjem il-qawwa li inwettaq dmiri bħalma wettqu hu. Miet martri, jwettaq l-aktar għemil perfett tal-imħabba t’Alla u ta’ għajru… Kif jista’ ikun li ruħu ma marritx direttament il-ġenna? Father Cooremen jikkummenta wkoll fuq barka li koppja irċeviet meta żaru lil San Papa Piju X. Żwieġ imbierek fis-sema minn ħuħ martri u fuq l-art mill-Vigarju ta’ Kristu hu ċertament ferħan. Matul dik il-viżta Papa Piju X sejjaħ lil Father Byles martri għall-Knisja.

Hawn hi t-talba għall-Beatifikazzjoni ta’ Father Thomas Byles: O Alla, Missierna, prottetur ta’ dawk li huma fil-għawġ, int sejjaħt lill-qassis tiegħek, Father Thomas Byles, biex jagħti d-dgħajjes tas-salvataġġ spiritwali għall-erwieħ fil-bżonn tal-kura pastorali tiegħu. Permezz tal-eżempju ta’ ħajtu u l-virtujiet tiegħu, jalla nimxu wara Ibnek, Ġesù Kristu, aktar mill-qrib, billi nwettqu l-kmandament tiegħu tas-sagrifiċċju tagħna nfusna, tal-karità u tal-bini tal-ġisem tiegħu li hi l-Knisja. Jalla t-tnebbieħa tal-qaddej tiegħek tħeġġiġna għal aktar fiduċja fil-ħniena u l-imħabba tiegħek għalina. Aħna umilment nitolbu li int tigglorifika lill-qaddej tiegħek Father Thomas Byles fuq l-art skont il-pjan tar-rieda qaddisa tiegħek. Permezz tal-interċessjoni tiegħu, agħtini l-grazzja li qed nippreżenta quddiemek (hawnhekk semmi l-grazzja). Dan nitlobhulek permezz ta’ Kristu, il-Mulej tagħna. Amen. Missierna, Sliema u Glorja.

Kull grazzja maqlugħa bit-talb ta’ Father Thomas Byles għandha tintbagħat lil Father Graham Smith fl-indirizz, 87 High St., Ongar, Essex, CM5 9 DX England. Inkella fuq l-indirizz elettroniku: fr.gjdsmith@gmail.com

Hu sewwa u xieraq li l-qassis tat-Titanic, Father Thomas Byles, jiġi ibbeatifikat!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: