Il-Papa jistabbilixxi l-ministeru tal-katekisti lajċi

“Fedeltà lejn il-passat u r-responsabbiltà għall-preżent huma kundizzjonijiet meħtieġa biex il-Knisja twettaq il-missjoni tagħha fid-dinja,” hekk kiteb il-Papa Franġisku fl-Ittra Appostolika Antiquum ministerium, li magħha l-Qdusija Tiegħu stabbilixxa l-ministeru tal-katekisti lajċi.

Fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni fid-dinja tal-llum u quddiem “iż-żieda ta’ kultura globalizzata”, huwa meħtieġ li jiġu rikonoxxuti “rġiel u nisa lajċi li jħossuhom imsehħa bis-saħħa tal-magħmudija tagħhom biex jikkoperaw fix-xogħol tal-katekiżmu.” Fl-istess ħin, il-Papa Franġisku enfasizza l-importanza ta’ “interazzjoni ġenwina maż-żgħażagħ”, kif ukoll “il-ħtieġa għal metodoloġija kreattiva u riżorsi li kapaċi jadattaw it-tħabbira tal-Evanġelju għat-trasformazzjoni missjunarja li għamlet il-Knisja.” 

Ara l-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku bil-Malti …

Il-ministeru l-ġdid għandu oriġini antika, li jmur lura għat-Testament il-Ġdid: jissemma, pereżempju, fl-Evanġelju ta’ San Luqa u fl-Ittri ta’ San Pawl lill-Korintin u l-Galatin. Imma “l-istorja tal-evanġelizzazzjoni matul dawn l-aħħar żewġ millenji, turi b’mod ċar l-effettività tal-missjoni tal-katekisti,” li “ddedikaw ħajjithom għall-istruzzjoni kateketika sabiex il-fidi tkun appoġġ effettiv għall-ħajja ta’ kull bniedem,” stqarr il-Papa.

Mingħajr ma jnaqqas bl-ebda mod mill-“missjoni tal-Isqof bħala l-katekist primarju fid-Djoċesi tiegħu,” u lanqas mir-“responsabbiltà partikolari tal-ġenituri għall-formazzjoni Nisranija ta’ wliedhom,” il-Papa jagħraf l-importanza ta’ rġiel u nisa lajċi li jikkollaboraw is-servizz tal-katekeżi, joħorġu biex “jiltaqgħu ma’ dawk kollha li qed jistennew biex jiskopru s-sbuħija, t-tjubija u l-verità tal-fidi nisranija.”

Ara l-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku bil-Malti …

Il-Papa Franġisku stqarr li kull katekist, “għandu jkun xhud tal-fidi, għalliem u sieħeb f’isem il-Knisja.” Huwa jkompli jgħid li l-Katekisti “huma msejħa biex l-ewwel ikunu huma esperti fis-servizz pastorali tat-trasmissjoni tal-fidi,” mill-ewwel tħabbira tal-kerigma sal-preparazzjoni għas-sagramenti tal-inizjazzjoni Nisranija, u matul il-proċess ta’ formazzjoni kontinwa. Dan kollu huwa possibli, “biss permezz tat-talb, studju, u parteċipazzjoni diretta fil-ħajja tal-komunità,” sabiex il-katekisti jkunu jistgħu jikbru fl-identità tagħhom u fl-“integrità u r-responsabbiltà” li tinvolvi l-identità.

Filfatt, li lajk jirċievi l-ministeru tal-katekiżmu, “se jenfasizza saħansitra aktar l-impenn missjunarju proprju għal kull persuna mgħammda, impenn li jrid, madankollu, jitwettaq b’mod kompletament sekulari, u tevita kwalunkwe forma ta’ klerikaliżmu.”

Ara l-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku bil-Malti …

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-05/pope-establishes-ministry-of-catechist.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.