Il-ġuf tal-omm huwa post għażiż u qaddis; fih tikber il-ħajja umana

Il-Ħamis, 13 ta’ Mejju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Quddiesa flimkien mas-saċerdoti novelli fil-festa tal-Madonna ta’ Fatima. Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelji li naqraw f’dawn il-jiem iwassluna għall-festa li se niċċelebraw nhar il-Ħadd li ġej, il-festa tal-Lapsi, it-Tlugħ is-Sema tal-Mulej. F’partijiet tad-dinja qed jiċċelebrawha llum, propju fl-40 jum mill-Għid il-Kbir. L-Evanġelji jippreparawna wkoll biex 50 jum wara l-Għid, fl-Għid il-Ħamsin, niċċelebraw il-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

Illum, f’dan is-santwarju antik, qed niċċelebraw il-festa ta’ Sidtna Marija ta’ Fatima. Madwar dan l-affresk tal-Madonna bil-Bambin, hemm l-isem tagħha ‘Mater Dei’ (Omm Alla). Nixtieq nafda l-ħajja tas-saċerdoti li kelli x-xorti nordna saċerdoti nhar is-Sibt li għadda — mingħajr ma jistħoqqli — f’idejn il-Madonna. Bħalma nieħu l-opportunità biex nafda lil pajjiżna f’idejn il-Madonna.

Ħafna drabi nitfixklu meta xi saċerdot jiżbalja. Ejjew nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq is-saċerdoti kif tħares lejhom il-Madonna. Huma dawk li jwasslu l-Ġisem u d-Demm ta’ Binha lid-dinja, li f’isem Binha Ġesù jaħfru d-dnubiet. Huma stess għandhom bżonn min jaħfrilhom dnubiethom imma jibqgħu għodda magħżula tal-ħniena ta’ Alla li jrid jitma’ u jisqi lill-poplu tiegħu u jwasslu f’għejun friski ta’ salvazzjoni. Mela meta nitfixklu, nieħdu naqra nifs ’il ġewwa u nħarsu lejn kulħadd bil-ħarsa tal-omm. L-omm hija għażiża għax hija tempju tal-ħajja u mhux tal-mewt, tal-ħajja! Il-ġuf tal-omm huwa post għażiż. Tant hu hekk li l-antiki kienu jgħidu “qaddisek, qaddisek”. Il-ġuf tal-omm huwa għażiż u qaddis; fih tikber il-ħajja umana. Nitolbu biex il-ġuf ma jkunx post ta’ qtil imma post ta’ ħajja.

Ma taħsbux li jekk nagħżlu li tarbija tista’ toqtolha fil-ġuf inkunu għamilna pass lura u mhux ’il quddiem?

Aħna lkoll nixtiequ nimxu ’l quddiem imma qatt ma tista’ ssolvi l-kwistjoni tad-dinjità tal-mara u tad-drittijiet fundamentali billi bħala prezz tagħżel il-qtil ta’ ħajja innoċenti. F’riġlejn omm Ġesù, Mater Dei, illum nitolbuha li f’pajjiżna jibqa’ jkun hawn imħabba kbira għall-ħajja.

Aħna llum niftaħru li min jaħqar annimal jeħel piena proporzjonata u qawwija u dan huwa progress. Ma taħsbux li jekk nagħżlu li tarbija tista’ toqtolha fil-ġuf inkunu għamilna pass lura u mhux ’il quddiem?

Nixtieq insellem lil diversi nisa u ommijiet li jinsabu f’diffikultajiet. Aħna, il-Knisja, magħkom. Il-Ħadd li għadda ġewwa ż-Żejtun inawgurajt ambjent ta’ dinjità u ta’ ġabra fejn nisa u wliedhom, jew nisa li qed jistennew tarbija, u li qegħdin f’diffikultà anke ta’ vjolenza domestika, jistgħu jinġabru b’dinjità u jkun hemm min jieħu ħsiebhom. Din hija risposta li tirrispetta d-dinjità tal-mara u anke l-ħajja. Jalla l-għażliet li nagħmlu jkunu dejjem favur il-ħajja tal-omm u tal-wild tagħha.

Min jixtieq jiddefendi lin-nisa, jaħseb ftit li fil-ġuf jista’ jkun hemm tfajla, imma hu x’inhu l-frott tal-ġuf, hija ħajja umana li jixirqilha r-rispett u d-difiża tagħna.

Nitolbu ’l-Madonna biex iddawwal lil kull min għandu s-setgħa biex jużaha għall-ġid. Ejjew nafdaw it-talb tagħna għad-dinja quddiem il-Madonna tal-Mellieħa. Il-ħsieb tagħna l-ewwel nett imur fl-Art Imqaddsa, l-art fejn twieled, trabba, fejn fdiena s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, u li regġħet qiegħda f’inkwiet kbir frott il-mibegħda bejn il-bnedmin, frott l-inġustizzja. O Prinċep tal-Paċi, agħti l-paċi lill-art li int berikt b’riġejk qaddisa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 18:1-8
Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
Evanġelju: Ġw 16:16-20

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply