40 Sena mill-attakk fuq Ġwanni Pawlu II

Il-Papa jfakkar l-40 anniversarju mill-attakk fuq il-Papa San Ġwanni Pawlu II

Meta sellem lill-pellegrini Pollakki fl-Udjenza Ġenerali li saret ilbierah, il-Papa Franġisku fakkar fl-40 anniversarju mill-attentat ta’ qtil fuq il-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Ara d-diskors li Ġwanni Pawlu II suppost kellu jagħmel dakinhar …

“Huwa kien ċert li kellu jagħti ħajtu lill-Madonna ta’ Fatima,” huwa qal, u nnota li “dan jagħmilna konxji li ħajjitna u l-istorja tad-dinja huma f’idejn Alla.”

Il-Papa Ġwanni Pawlu II kienu sparawlu u feruh serjament meta kien għaddej minn Pjazza San Pietru f’karozza miftuħa waqt l-Udjenza Ġenerali li kienet seħħet bħal-llum erbgħin sena ilu, l-Erbgħa, 13 ta’ Mejju 1981, fil-festa liturġika tal-Madonna ta’ Fatima.

“Ejjew nafdaw lill-Knisja, lilna nfusna u lid-dinja kollha f’idejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Ejjew nitolbu għall-paċi, għat-tmiem tal-pandemija, għal spirtu ta’ penitenza u għall-konverżjoni tagħna,” qal il-Papa.

Huwa u jfakkar fil-jum tal-festa ta’ llum iddedikata lill-Madonna ta’ Fatima, huwa qal: “Ejjew inpoġġu lilna nfusna b’ fiduċja taħt il-protezzjoni materna tagħha, speċjalment meta nsibu ruħna f’diffikultà matul il-ħajja tat-talb tagħna.”

Wara l-katekeżi tiegħu, l-Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lill-fidili biex jieħdu sehem fir-reċita tar-Rużarju Mqaddes matul dan ix-xahar ta’ Mejju biex jinvokaw it-tmiem tal-pandemija u l-possibbiltà li jerġgħu jibdew attivitajiet soċjali u tax-xogħol, u stieden lil dawk li jemmnu biex ikunu “ggwidati mis-Santwarji madwar id-dinja.”

Huwa kien qed jirreferi għall-inizjattiva promossa mis-Santa Sede bi tweġiba għas-sejħa tal-Papa Franġisku għal “maratona” ta’ talb matul ix-xahar ta’ Mejju “għat-tmiem tal-pandemija” li fiha kull filgħaxija qed issir ir-reċita tar-Rużarju minn Santwarju Marjan differenti minn madwar id-dinja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-05/pope-francis-anniverary-st-john-paul-ii-attack-our-lady-fatima.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.