LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 1 ta’ April 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II.
Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium.
6. Ġebel ħaj fil-Knisja u xhieda fid-dinja: il-lajċi fil-poplu ta’ Alla
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-mixja tagħna ta’ riflessjoni fuq il-Knisja bħalma tiġi ppreżentata lilna fil-Kostituzzjoni konċiljari Lumen gentium. Franġisku kien iħobb jirrepeti: “Il-lajċi huma l-maġġoranza kbira tal-poplu ta’ Alla. Għandhom għas-servizz tagħhom minoranza ċkejkna: il-ministri ordnati.” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 102).
Din it-taqsima tad-Dokument tipprova tfisser fil-pożittiv in-natura u l-missjoni tal-lajċi, wara sekli li fihom dawn kienu ġew definiti sempliċiment bħala dawk li ma jagħmlux parti mill-kjeriċi jew mill-ikkonsagrati. Għalhekk nieħu pjaċir nerġa’ naqra magħkom silta sabiħa ħafna, li turi l-kobor tal-kundizzjoni Nisranija: “Il-poplu magħżul minn Alla huwa għalhekk wieħed: ‘Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda’ (Efes 4:5); komuni għal kulħadd hija d-dinjità tal-membri mit-twelid mill-ġdid fi Kristu, komuni l-grazzja ta’ wlied, komuni s-sejħa għal perfezzjoni waħda, tama waħda u l-imħabba bla firda” (LG, 32).
Qabel kull differenza ta’ ministeru jew ta’ stat ta’ ħajja, il-Konċilju jafferma l-ugwaljanza tal-imgħammdin kollha. Il-Kostituzzjoni ma tridniex ninsew dak li diġà kienet affermat fil-kapitlu dwar il-poplu ta’ Alla, jiġifieri li l-kundizzjoni tal-poplu messjaniku hi d-dinjità u l-libertà ta’ wlied Alla (ara LG, 9).
Naturalment, ikbar ma huwa d-don, ikbar hu wkoll l-impenn. Għalhekk il-Konċilju, flimkien mad-dinjità, jisħaq ukoll fuq il-missjoni tal-lajċi fil-Knisja u fid-dinja. Imma fuq xiex tistrieħ din il-missjoni u fiex tikkonsisti? Dan tgħidhulna l-istess deskrizzjoni tal-lajċi li jipproponilna l-Konċilju: “Bl-isem ta’ lajċi nifhmu l-fidili kollha […] li wara li saru jagħmlu sehem mill-ġisem ta’ Kristu bil-magħmudija u miġbura f’poplu ta’ Alla, jipparteċipaw, fil-qies tagħhom, mill-uffiċċju saċerdotali, profetiku u regali ta’ Kristu u, kulħadd skont il-parti tiegħu, itemmu fil-Knisja u fid-dinja l-missjoni proprja tal-poplu Nisrani kollu” (LG, 31).
Għalhekk, il-poplu qaddis ta’ Alla qatt ma hu xi massa bla forma, imma l-ġisem ta’ Kristu jew, kif kien jgħid Santu Wistin, il-Christus totus: hija l-komunità organikament strutturata, minħabba r-relazzjoni għammiela bejn iż-żewġ xejriet ta’ parteċipazzjoni fis-saċerdozju ta’ Kristu: saċerdozju komuni tal-fidili u saċerdozju ministerjali (ara LG, 10). Bil-qawwa tal-Magħmudija, il-fidili lajċi jieħdu sehem fl-istess saċerdozju ta’ Kristu. Fil-fatt, “Ġesù Kristu, il-Qassis il-Kbir u Etern, irid li permezz tal-lajċi wkoll ikompli x-xhieda u s-servizz tiegħu; huwa għalhekk jgħajjixhom bl-Ispirtu tiegħu u jmexxihom bla heda għal kull ħidma tajba u perfetta” (LG, 34).
Kif nistgħu ma nfakkrux, hawn, lil San Ġwanni Pawlu II u l-Eżortazzjoni appostolika tiegħu Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988)? Fiha hu saħaq li “fil-Konċilju Vatikan II, fl-għana ta’ tagħlim duttrinali, spiritwali u pastorali tiegħu, insibu paġni sħaħ dwar in-natura, id-dinjità, l-ispiritwalità, il-missjoni u r-responsabbiltajiet tal-Insara lajċi, tagħlim li hu tassew mill-aqwa. L-isqfijiet fil-Konċilju, huma u jtennu leħen Kristu, sejħu l-Insara lajċi kollha, irġiel u nisa, biex imorru jaħdmu fl-għalqa tal-Mulej” (n. 2). B’dan il-mod, il-Predeċessur meqjum tiegħi reġa’ nieda l-appostolat tal-lajċi, li għalih il-Konċilju kien iddedika Dokument speċifiku, li dwaru nitkellmu ’l quddiem.[1]
Il-qasam hekk vast tal-appostolat tal-lajċi ma jillimitax ruħu għall-ispazju tal-Knisja, imma jitwessa’ għad-dinja kollha. Fil-fatt, il-Knisja hi preżenti kull fejn uliedha jistqarru u jagħtu xhieda tal-Vanġelu: fl-ambjenti tax-xogħol, fis-soċjetà ċivili u fir-relazzjonijiet umani kollha, hemm fejn huma, bl-għażliet tagħhom, juru l-ġmiel tal-ħajja Nisranija, li tantiċipa hawn u issa l-ġustizzja u l-paċi li jkunu sħaħ fis-Salnta ta’ Alla. Id-dinja għandha bżonn li “timtela bl-ispirtu ta’ Kristu u tilħaq b’mod iżjed effikaċi l-għan tagħha, fil-ġustizzja, fil-karità u fil-paċi” (LG, 36). U dan hu possibbli biss bis-sehem, is-servizz u x-xhieda tal-lajċi!
Din hi l-istedina biex aħna nkunu dik il-Knisja “li toħroġ” li dwarha tkellem il-Papa Franġisku: Knisja inkarnata fl-istorja, dejjem miftuħa għall-missjoni, li fiha lkoll aħna msejħin inkunu dixxipli-missjunarji, appostli tal-Vanġelu, xhieda tas-Saltna ta’ Alla, ħabbara tal-ferħ ta’ Kristu li miegħu aħna ltqajna!
Ħuti, jall dan l-Għid li qed nitħejjew biex niċċelebraw iġedded fina l-grazzja li nkunu bħal Marija ta’ Magdala, bħal Pietru u Ġwanni, xhieda tal-Irxoxt!
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Apostolicam actuositatem (18 ta’ Novembru 1965).