KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FL-OKKAŻJONI TAL-MEWT TAL-KARDINAL EGIDIO VAGNOZZI.
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru
L-Erbgħa, 31 ta’ Diċembru 1980
“Kunu lesti, bil-ħżiem ma’ ġembejkom u bil-fanali imkebbsa” (Lq 12,35).
Għeżież ħuti, dan il-kliem ta’ Ġesù, li għadna kemm smajna jinqara mill-Vanġelu skont Luqa, jagħtina t-tama u t-ton għall-meditazzjoni tagħna dwar il-Kelma ta’ Alla fil-kwadru ta’ din iċ-ċelebrazzjoni liturġika. Infatti, ninsabu miġbura hawn għall-funeral tal-meqjum ħuna fl-Episkopat, il-Kardinal Egidio Vagnozzi, li f’salt wieħed ħalliena nhar is-26 ta’ Diċembru li għadda, eżatt l-għada tal-Milied Imqaddes.
Il-ħżiem ma’ ġembejkom u l-fanali mkebbsa, skont il-lingwaġġ bibbliku u bi xbieha poetika effikaċi, qegħdin rispettivament biex ifissru d-disponibiltà tagħna għall-vjaġġ, bħal ma kien il-poplu ta’ Iżrael qabel l-esodu mill-Eġittu, u s-sitwazzjoni tagħna ta’ stennija: “Tixbaħ lil dawk li jistennew lis-sid meta jiġi lura mit-tieġ, biex jiftħulu minnufih, hekk kif jasal u jħabbat” (Lq 12,36). Tali bla dubju kien l-atteġġjament intern tal-Kardinal Vagnozzi tul l-ark ta’ ħajtu twila. Barra minn dan, huwa għaraf dik id-definizzjoni onorevoli ta’ “qaddej”, li biha Ġesù, fil-Vanġelu li għadu kemm inqara, jirreferi għall-fidili tiegħu li jkunu lesti biex jilqgħuh: “Imberkin dawk il-qaddejja li s-sid isibhom imqajmin meta jerġà lura” (Lqc12,27). Dawn huma dawk li, ukoll wara li jkunu għamlu dak li kien dmir tagħhom li jagħmlu, jkunu jafu jgħidu b’umiltà skont it-tagħlim ta’ Ġesù: “Aħna qaddejja fqajra.
Għamilna dak li kellna nagħmlu (Lq 17,10). U tassew il-Kardinal Vagnozzi ħadem iebes b’interess instankabbli, billi wettaq kemm setà, fis-snin twal ta’ servizz lis-Santa Sede.
Qabel kollox nieħu pjaċir niftakar li huwa kien Ruman: imwieled u ffurmat, waqt li ffrekwenta s-Seminarji dijoċeżani. Għalhekk kien jappartieni bix-xieraq, f’ċertu sens minħabba twelidu, lil dak il-Kleru distint, li għalih il-Kardinali tal-Knisja Kattolika kollha mxerrda mad-dinja jonoraw ruħhom li jappartienu, ukoll jekk biss minħabba t-titlu tas-sehem miksub għall-elezzjoni pontifiċja. Qiegħed lilu nnifsu għas-servizz tas-Sedja Apostolika, u kellu l-possibiltà li jirrapreżentaha f’diversi kontinenti: l-ewwel fl-Istati Uniti tal-Amerika, fejn wara numru ta’ snin kien delegat apostoliku għal għaxar snin, imbagħad fil-Portugal; imbagħad fi Franza, fejn f’Pariġi kellu bħala Superjur u għalliem lin-Nunzju Apostoliku Monsinjur Angelo Giuseppe Roncalli; wara kien fl-Indja; u mbagħad fil-Filippini, fejn kien l-ewwel possessur tan-Nunzjatura Apostolika mwaqqfa hemm.
Maħtur Kardinal mill-Papa Pawlu VI fl-1967 għadda għal funzjonijiet ta’ responsabiltà delikati oħra, bħal dik ta’ President tal-Prefettura tal-Affarijiet Ekonomiċi tas-Santa Sede, bit-Titlu Presbiterjali ta’ San Giuseppe alla via Trionfale. Dejjem ġarr fl-iżvolġiment ta’ dawn id-dmirijiet differenti il-kompetenza magħrufa tiegħu, maħżuna b’mod għani fl-esperjenzi prezzjużi u multipli preċedenti, u mhux nieqsa minn component ta’ umoriżmu tajjeb u san. Kien ukoll karatteristika tiegħu spirtu pastorali skwiżit, li dejjem kien jiddistingwi l-attività tiegħu. Taffa b’mod ġeneruż bosta tbatijiet, fehem l-importanza ta’ ċentri ġodda ta’ edukazzjoni kattolika, kien attent għall-esiġenzi u għat-tamiet offruti liż-żgħażagħ.
Illum, mela, ngħollu bil-qalb lill-Mulej it-talb ta’ suffraġju tagħna għal ruħu, waqt li aħna grati lejh għax-xogħol fruttuż kollu mwettaq għall-benefiċċju ta’ din is-Sede Pontifiċja u, fl-aħħar minn l-aħħar għall-Knisja kollha.
L-ewwel Qari bibbliku ta’ din il-Litturġja, meħud mill-Ktieb tal-Għerf, kien jgħid hekk: “Ix-xagħar abjad għall-bnedmin jinsab fil-għerf; u età anzjana hija ħajja mingħajr tebgħa”(Għerf p 4,9).
Mela, il-ħajja intensa tal-Kardinal Vagnozzi, li issa tinsab mifruxa b’mod imwettaq quddiemna u b’mod iktar quddiem għajnejn Alla, tgħallimna nassumu dan il-kliem bibbliku bħala dawl u gwida wkoll għall-eżistenza terrena tagħna. Il-bosta esperjenzi, li bihom hija minsuġa għall-providenza divina, ikunu inutli, jekk ma jmexxulniex għal maturità solida interna, li l-Aġjografu isejjaħ b’mod metaforiku: “xahar abjad”: jiġifieri, biex jikkonferma dejjem iktar l-aċċettazzjoni tal-fidi tagħna tal-Mulej u biex jiffertilizza dejjem b’mod ikbar is-servizz ta’ mħabba tagħna lil ħutna, fil-Knisja u fid-dinja.
F’dan l-aħħar jum tas-sena, mill-bqija, aħna b’mod opportun imfakkra biex insaħħu saqajna fuq il-blata perpetwa li hija Alla; huwa biss huwa nkrollabbli ‘il hemm minn kull bdil taż-żminijiet, u l-Profeta jqabblu b’mod feliċi ma’ “ċipressa dejjem tħaddar” (Os 14,9). Aħna mistiedna biex inkunu dejjem lesti għall-komunjoni tagħna definittiva miegħu, billi jkollna wkoll aħna “l-ħziem ma qaddna u l-fanali mkebbsin” Ukoll f’“età anzjana” wieħed jistà jżomm il-vera żgħożija, jekk nibqgħu b’mod sod ankrati, ikolli ngħid iggranfati ma’ Sidna Ġesù Kristu, li dwaru nafu li issa “il-mewt m’għandhiex iktar poter” (Rm 6,9). Infatti, bħal ma fakkarna t-tieni Qari, “jekk inmutu miegħu, ngħixu wkoll miegħu” (2 Tm 2,11). “Għal dan infatti Kristu miet u reġà lura għall-ħajja: biex ikun il-Mulej tal-mejtin u tal-ħajjin” (Rm 14,9). Fih, mela, kemm min imut kif ukoll min jgħix isib ruħu magħqud f’rabta unika u ndissolubbli ta’ komunjoni, ladarba l-Mulej, skont il-kelma konsolanti ta’ Ġesù, “mhuwiex Alla tal-mejtin imma tal-ħajjin” (Mk 12,27).
F’dan l-ispirtu ta’ fidi niċċelebraw il-funeral tal-Kardinal Egidio Vagnozzi, li għalih nitolbu b’mod fiduċjuż mal-liturġija, “il-post tal-bejatitudni, tad-dawl u tal paċi.
Amen!
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb