Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa

SOLENNITÀ TAS-SANTISSIMA TRINITÀ
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 31 ta’ Mejju, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Bis-solennità ta’ Pentekoste, nhar il-Ħadd li għadda ntemm Żmien il-Għid.  Aħna u niċċelebraw il-Misteru ta’ Alla Trinità llum għandna possibbiltà li nirriflettu fuq il-mixja li għamilna, ibda mill-qofol tagħha: il-ħajja ta’ Alla li nagħtatilna permezz ta’ Ġesù Kristu.  Dil-ħajja hi komunjoni dinamika, bla tmiem li issa tinvolvi lilna wkoll: infatti, l-Ispirtu li jorbot  lill-Missier u lill-Iben issawwab fi qlubna, hekk li l-Knisja, sagrament ta’ komunjoni, spazju ta’ laqgħa, imħabba u ħajja, li fiha diġà minn issa s-sema w l-art jiltaqgħu, tikseb is-sura tagħha.

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Ġw 3, 16-18) jippreżentalna lil Nikodemu, persunaġġ importanti f’Iżrael, li ħass ġibda profonda għal Ġesù.  Filfatt mar ifittxu – billejl, biex ma jagħtix fil-għajn -, imxennaq biex ikun jaf aħjar lil dan l-Imgħallem misterjuż u jagħmillu xi mistoqsijiet.  Bil-mod kif laqgħu, il-Mulej urih li t-tfittxija kienet importanti.  Issorprendih meta ssuġġerilu li anki adult jista’ jitwieled mill-ġdid; taħ x’jifhem li l-ħajja t’Alla setgħet tittrasformalu ħajtu.  Lil Nikodemu Ġesù kellmu dwar l-Ispirtu s-Santu, dawwallu l-lejl tiegħu bil-verità tal-festa li llum tidwi fil-knejjes kollha tagħna: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (v.16).  U wkoll: “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu (v. 17).

Għeżież, fil-Misteru ta’ Alla, Missier, Iben u Spirtu Qaddis, aħna nħossuna d-dar l-istess kif ħassu Nikodemu meta kien maġenb Ġesù.  Il-ħajja t’Alla hi meraviljuża u affaxxinanti, ittina l-paċi tal-qalb, li spiss hi tant ansjuża, u tlaqqgħana ma’ ħutna bil-ferħ tal-Ispirtu.  It-Trinità ġġagħalna nħobbu kollox u lil kulħadd: niskopru li kull kreatura hi magħmula għall-komunjoni, għar-relazzjoni, għal-laqgħa.  B’kuntrast, nifhmu għala l-firdiet, il-polarizzazzjoni, id-disprezz tad-diversità, fid-dinja jġibu distruzzjoni, swied il-qalb u nixfa.

Nikodemu kien jifforma parti mis-Sinedriju, il-Kunsill tal-kapitjiet ta’ Iżrael.  Meta fis-Sinedriju sama’ kliem ta’ disprezz għal Ġesù, stieden ‘il kulħadd biex qabel ma jikkundannawh, jisimgħuh.   Permezz ta’ Kristu nnifsu kien irċieva mingħand Alla l-Ispirtu tal-komunjoni li jiftaħ il-qalb għal verità ġdida u għan-novità vera.  Kulmin dan l-Ispirtu ma jilqgħux, jixjieħ malajr bit-tgemgim; isib ruħu waħdu, l-ispirtu tiegħu qatt mhu ferħan.  Iżda llum  għeżież ħuti, hi festa!  Il-festa ta’ Alla hi wkoll il-festa tagħna.  Tabilħaqq, għalhekk San Pawl lill-Korintin jiktbilhom: “Ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom (2 Kor 13,11).

U issa, bit-talba tal-Angelus, induru lejn il-Verġni Marija: fl”iva” tagħha lir-Rieda divina għandha twarrad ukoll l-“Iva” tagħna għall-imħabba lejn it-Trinità Qaddisa.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Matul dan ix-xahar ta’ Mejju mill-Knisja kollha nstemgħet talba ħerqana għall-paċi.  B’mod speċjali, bit-talba tar-Rużarju Mqaddes, bħal katina bla tarf , qegħdet fl-interċessjoni ta’ Marija lill-popli mfarrkin bil-gwerra.  Jalla s-Sapjenza divina ddawwal il-kuxjenzi ta’ min għandu s-setgħa biex id-deċiżjonijiet jieħdu xejra sinċiera ta’ tfittxija għal paċi ġusta u dejjiema.

Illum, l-Italja qed tiċċelebra l-25 “Jum ta’ serħan”.  Jien qrib il-persuni morda u dawk kollha li jieħdu ħsiebhom; irrodd ħajr u nagħmel kuraġġ lil kulmin ixerred il-kultura tal-qrubija u tal-kura.

Insellem b’għożża lilkom ilkoll li ġejtu fi Pjazza San Pietru, Rumani u pellegrini!

Nagħti merħba b’mod partikolari lill-Isqof u lill-pellegrini mid-Djoċesi ta’ Kumba, fil-Camerun; kif ukoll lill-kor parrokkjali minn Dunajska Luzna, fis-Slovakkja.  Insellem lill-Pollaki li hawn preżenti u wkoll lill-parteċiapnti tal-pellegrinaġġ kbir lejn is-Santwarju ta’ Piekary, fejn Marija hi meqjuma bħala Omm il-Ġustizzja Soċjali.

Insellem lill-grupp ta’ Alpini minn Rivoli, lill-adoloxxenti minn San Zeno Naviglio u lil-parteċipanti tal-“iStaffetta dell’inclusione” li għandhom xi bandalori maħdumin minn studenti tal-iskejjel sekondarji Taljani.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading