Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras
Skont il-Bibbja, is-setgha hi ta’ Alla biss. Hu biss li jista’ kollox u li hu fuq kollox u fuq kulħadd. Jekk il-bnedmin iħaddmu xi setgħa jew awtorità fuq l-art, din iħaddmuha f’isem il-Mulej Alla, għax hu biss seta’ jagħtihielhom. “Ma hemmx awtorità jekk mhix ġejja minn Alla; u l-awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm bl-ordni ta’ Alla” (Rum 13,1). Din l-affermazzjoni ta’ San Pawl toħroġ mir- rivelazzjoni ġenerali tal-Bibbja fuq is-setgħa assoluta ta’ Alla. Hu, li ħalaq il-bniedem tah ukoll is-setgħa fuq ħlejjaq oħra (Ġen 1,28). L-istorja biblika ta’ Iżrael turi li l-mexxejja tiegħu kienu nies imżejnin b’setgħa li kienet ġejja minn Alla. Mosè, Ġożwè, l-Imħallfin, is-Slaten – Alla għażilhom u tahom is-setgħa biex imexxu l-poplu tiegħu. Iżrael kien nazzjon teokratiku, immexxi bis-setgħa ta’ Alla. Għalkemm kellu l-bnedmin imexxuh, dawn kienu jmexxuh f’ismu u bis-setgħa tiegħu. “Bil-ħila tiegħi jsaltnu s-slaten, u l-mexxejja jagħmlu liġijiet tajba. Bil-ħila tiegħi jaħkmu l-ħakkiema, u l-kbarat imexxu l-art” (Prov 8,15-16). Din hi l-viżjoni ġenerali tal-Bibbja dwar l-awtorità.
L-Evanġelji juruna li Ġesù deher mogħni b’setgħat li huma ta’ Alla – li jgħallem (Mk 1,22), li jaħfer id-dnubiet (Mt 9,6ss), li jfejjaq il-mard, li jkeċi x-xjaten… Hu Sid is-Sibt (Mk 2,28), Sid l-ibħra (Mk 4,41), Sid is-sema u l-art (Mt 28,18). Hu Mgħallem u Sid (Ġw 13,13). Madankollu, ma ġiex biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi. Mhuwiex Sid li jordna u jikkmanda, iżda li jobdi bħal qaddej (Fil 2,5-11). Għalhekk, sew bl-eżempju ta’ ħajtu u wkoll bi kliem ċar, seta’ jgħallem lid-dixxipli tiegħu x’inhi u xi tfisser tassew l-awtorità fost il-bnedmin skont l-ispirtu tiegħu. Lilhom ukoll Ġesù tahom is-setgħa. Tahom l-istess setgħat li bihom hu nnifsu niżel mis-sema (Mk 3,14-15; Lq 10,16.19; Mt 28,17-20; Ġw 20,21); għamilhom mexxejja tal-Knisja tiegħu (Mt 10,5ss; Ġw 21,15ss). Imma għallimhom u wissiehom li l-awtorità ma kellhomx iħaddmuha bil-kburija bħas-slaten tal-art, iżda bl-umiltà u bi spirtu ta’ servizz lejn il-bnedmin (Lq 22,24-27; Mt 23,11; Mk 9,35; Ġw 13,14s). L-awtorità fil-Knisja hi kariżma, hi don ta’ Alla mhux għall-profitt ta’ min jirċevih, iżda għall-ġid u għas-servizz tal-oħrajn (1 Kor 12,7ss; Ef 4,llss). Dawk li għandhom is-setgħa ġejja minn Ġesù Kristu għandhom iħaddmuha “bil-ħeġġa tal-imħabba. Mhux bħallikieku jaħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewhom b’xortihom, imma billi jkunu eżempju tal-merħla” (1 Pt 5,2).
Ara l-lista kollha tad-Dizzjunarju Bibliku sal-lum … https://laikosblog.org/db/
