Dan huwa r-raba’ minn sensiela ta’ kitbiet oħra dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja Kattolika.
Il-Knisja tgħallem li s-soċjetà għandha tkun organizzata b’tali mod li kull persuna tkun tista’ tgħix b’dinjità u tiżviluppa b’mod sħiħ.
F’dinja fejn ħafna drabi l-individwaliżmu, il-profitt u l-interessi personali jiġu qabel il-bżonnijiet tal-oħrajn, il-prinċipju tal-ġid komuni jfakkarna li l-bniedem ma jgħixx waħdu u lanqas ma jgħix għalih innifsu. Aħna parti minn komunità u għandna responsabbiltà lejn xulxin.

Il-ġid komuni għalhekk huwa marbut mill-qrib …
- mad-dinjità tal-persuna,
- mal-ġustizzja,
- mas-solidarjetà,
- u mal-paċi fis-soċjetà.
Il-ġid komuni mhuwiex biss il-ġid ta’ individwu wieħed jew ta’ grupp żgħir, iżda huwa l-ġid tal-poplu kollu. Huwa l-ġid tal-umanità kollha għaliex imur lil hinn mill-fruntieri ta’ nazzjonijiet differenti. Huwa l-ġabra ta’ dawk il-kundizzjonijiet kollha fis-soċjetà li jgħinu lill-persuni u lill-komunitajiet sabiex jiżviluppaw b’mod sħiħ u dinjituż. Dawn jinkludi …
- il-paċi,
- is-sigurtà,
- l-edukazzjoni,
- il-kura tas-saħħa,
- ix-xogħol,
- il-libertà,
- il-ġustizzja,
- u ambjent san.
Il-Bażi Bibblika tal-Ġid Komuni
Fil-Bibbja, sa mill-bidu nett tat-Testment il-Qadim, insibu diversi eżempji tar-responsabbiltà tal-individwu lejn il-komunità.
Il-Ħolqien tal-bniedem f’komunità
Fil-Ġenesi, Alla joħloq lill-bniedem biex jgħix f’relazzjoni ma’ oħrajn u jieħu ħsieb il-ħolqien. “Mhux tajjeb li l-bniedem jibqa’ waħdu.” (Ġen 2:18) Dan juri li l-bniedem huwa ħlejqa soċjali min-natura tiegħu stess.
Il-Liġi favur il-Foqra
Il-Liġi ta’ Mosè kienet tinkludi protezzjoni għall-vulnerabbli; il-foqra, ir-romol, l-orfni, saħansitra lill-barranin. Pereżempju: “La taħqarx lill-barrani.” (Eż 22:21), kif ukoll “Iftaħ idejk għal ħuk fil-bżonn.” (Dewt 15:11). Dawn u siltiet oħra juru sens qawwi ta’ responsabbiltà soċjali.
Is-Sena Sabbatika u l-Ġublew
Minbarra l-aspett teoloġiku, fit-Testment il-Qadim, il-ġublew kellu wkoll skop soċjali; il-maħfra tad-djun, l-għajnuna lill-fqar, u saħansitra il-mistrieħ tal-annimali u tal-art infisha. Kien żmien li matulu jridu jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tissaħħaħ il-ġustizzja fis-soċjetà.
Il-Profeti dwar il-Ġustizzja Soċjali
Bosta drabi l-profeti wkoll ikkritikaw lill-poplu meta kien jinjoraw lill-foqra. Fil-Profeta Amos naraw, “Fittxu l-ġustizzja.” (Amos 5:14). Imbagħad il-Profeta Iżaija kkundanna l-korruzzjoni, l-oppressjoni tal-batuti, u n-nuqqas ta’ ġustizzja.
Fit-Testment il-Ġdid ukoll
Ġesù għallem, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Dan ifisser li l-bniedem għandu jaħseb mhux biss fih innifsu iżda wkoll fil-ġid tal-oħrajn. Fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb huwa jurina li kull persuna għandha dmir li tieħu ħsieb lil min hu fil-bżonn. Is-Samaritan jgħin lil persuna barranija fil-bżonn mingħajr ma jaħseb fih innifsu. Lil Ġesù narawh ifaħħar is-solidarjetà, il-kompassjoni, u u responsabbiltà lejn il-komunità umana kollha.
Il-Qsim tal-Ħobż. Fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut, Ġesù ma jibqax indifferenti għall-ġuħ tal-folla. Mhux biss, imma huwa jdaħħal lill-Appostli u d-Dixxipli, “Agħtuhom inti jieklu.” Huwa episodju mill-ħajja publika tiegħu li juri l-kura li kien juri għall-bżonnijiet tal-oħrajn u l-attenzjoni tiegħu għall-ġid tal-komunità. Fuq kollox ried li dawk li jemmnu fih, jagħmlu l-istess huma wkoll.
Il-Ġudizzju tal-Aħħar: Kliem Ġesù dwar il-Ġudizzju Universali huwa wieħed li jenfasizza li l-mod kif nittrattaw lill-oħrajn huwa essenzjali għall-ħajja nisranija.
‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Mbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej’, jgħidulu, ‘meta rajnik bil-ġuħ u tmajnik, jew bil-għatx u sqejnik ? Meta rajnik barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajnik marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’ (Mattew 25:31-46)
Il-Komunità tal-Ewwel Insara: Fil-Ktieb tal-Atti naqraw kif l-ewwel insara, kellhom kollox komuni … Ma kien hemm ħadd fil-bżonn fosthom. Dawn uħud fost l-ewwel u l-isbaħ stampi bibliċi tal-ġid komuni u tas-solidarjetà.
Il-Bniedem bħala Persuna Soċjali
Il-Knisja tgħallem li l-bniedem huwa soċjali min-natura tiegħu. Ħadd ma jista’ jgħix kompletament waħdu. Il-persuna tikber u tiżviluppa mal-membri l-oħra tal-familja, ma’ sħabha fl-iskola, mal-ħaddiema l-oħra fuq il-post tax-xogħol, u fil-komunità sħiħa. Għalhekk, il-ġid personali u l-ġid tas-soċjetà huma marbuta flimkien. Meta s-soċjetà tkun mibnija fuq il-ġustizzja, il-kooperazzjoni, u r-rispett, kulħadd jibbenefika.
Il-Ġid Komuni u l-Istat
Il-Knisja tgħallem ukoll li l-istat għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-ġid komuni. Dan ma jfissirx li l-gvern għandu jikkontrolla kollox, iżda għandu jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, jippromwovi l-ġustizzja, jgħin lill-vulnerabbli, u joħloq kundizzjonijiet ġusti għal kulħadd. Pereżempju, l-istat għandu jipprovdi edukazzjoni tajba, kura tas-saħħa mill-aqwa, sigurtà personali u soċjali u protezzjoni għall-ħaddiema.
Ma jistax ikun hemm ġid komuni mingħajr ġustizzja soċjali. Meta ftit persuni jkollhom ħafna ġid, waqt li oħrajn jgħixu fil-faqar, jew meta jkun hemm diskriminazzjoni u sfruttament, allura s-soċjetà ma tkunx qed taqdi l-ġid komuni.
Il-Knisja għalhekk tinsisti fuq it-tqassim aktar ġust tar-riżorsi, fuq opportunitajiet indaqs għal kulħadd u fuq rispett għad-dinjità ta’ kull persuna.
Theddid għall-Ġid Komuni
Fost l-akbar theddid għall-ġid komuni fis-soċjetà, hemm l-individwaliżmu, il-korruzzjoni, u saħansitra il-qerda tal-ambjent.
Waħda mill-akbar sfidi moderni kontra l-ġid komuni huwa l-individwaliżmu, jiġifieri meta persuna taħseb biss fl-interessi tagħha. Dan jista’ jwassal għal egoiżmu, nuqqas ta’ solidarjetà, u indifferenza lejn il-foqra.
Il-korruzzjoni, bla dubju, tagħmel ħafna ħsara kbira lill-ġid komuni għaliex tnaqqas il-fiduċja fis-soċjetà, twassal għal inġustizzja, u tagħti vantaġġ lil ftit persuni fuq oħrajn kollha.
Il-ħsara lill-ambjent ukoll tolqot lis-soċjetà kollha, speċjalment lill-foqra u lill-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Papa Franġisku enfasizza li l-ħarsien tal-ambjent, il-ġustizzja soċjali, u l-ġid komuni huma marbuta flimkien. Fil-paragrafu 23 tal-Laudato si’ huwa kiteb li, l-klima stess hija ġid komuni, ta’ kulħadd u għal kulħadd. Imbagħad f’paragrafu 156 huwa kiteb li l-ekoloġija umana ma tistax tifridha mill-kunċett tal-ġid komuni.
Ir-Responsabbiltà tal-Individwu
Il-ġid komuni mhux biss responsabbiltà tal-gvern jew tal-Knisja, imma kull persuna għandha sehem x’tagħti. Persuna tista’ taħdem għall-ġid komuni billi tirrispetta lill-oħrajn, tgħin fil-komunità, tkun onesta, tħares l-ambjent, u tipparteċipa b’mod responsabbli fl-oqsma differenti skont il-kapaċitajiet tagħha.
Iż-żgħażagħ infushom ukoll jistgħu jagħmlu differenza kbira permezz tal-volontarjat, tar-rispett, u tal-impenn soċjali.
Kif rajna hawn fuq, il-ġid komuni huwa prinċipju essenzjali fit-Tagħlim Soċjali Kattoliku. F’dinja mimlija firdiet u egoiżmu, dan il-prinċipju jibqa’ sejħa qawwija għal aktar solidarjetà u responsabbiltà lejn xulxin.