Papa Franġisku: Demm tal-martri maqtul mill-ISIS ‘żerriegħa li tħalli frott rikk’.
Il-Papa Franġisku qal li d-demm ta’ 21 martri maqtula mill-ISIS fuq bajja Libjana fl-2015 huwa “żerriegħa li se tħalli frott rikk għall-għaqda Nisranija.” F’ittra tal-10 ta’ Mejju lill-Patrijarka Kopt Ortodoss Tawadros II, il-Papa qal li l-imwiet tal-irġiel kienu messu l-ħajja tal-Insara madwar id-dinja. B’referenza għal dawk li sofrew f’isem Kristu, huwa kiteb: “Fost din ‘is-sħaba ta’ xhieda’ (Lhud 12: 1), infakkar b’mod partikolari fil-21 martri Kopti maqtula fil-15 ta’ Frar, 2015, li demmhom mhux biss iż-żerriegħa tal-Insara, imma wkoll, jiena konvint ħafna, żerriegħa li se tħalli frott rikk għall-għaqda Nisranija.”
“Grazzi għax-xhieda qawwija tagħhom, ħafna Nsara fid-dinja tagħna rrealizzaw li l-gradi tal-martri jinkludu mhux biss qaddisin tal-Knisja tal-bidu murija fl-ikoni tal-qedem, iżda wkoll irġiel u nisa ta’ żmienna, il-kontemporanji tagħna. Huma wkoll qaddisin ta’ kull tradizzjoni nisranija.”
Il-qtugħ tal-irjus tal-21 raġel, lebsin ilbiesi oranġjo, ntwera f’filmat ta’ propaganda maħruġ mill-ISIS fil-15 ta’ Frar 2015. Il-grupp ġiħadista kien ħataf lill-ħaddiema tal-kostruzzjoni fil-belt Libjana ta’ Sirte. Għoxrin minn dawk maqtula kienu mill-Eġittu u wieħed, Matthew Ayariga, mill-Ghana.
Il-21 raġel ġew ikkanonizzati minn Tawadros II. Il-fdalijiet tagħhom ġew identifikati u rritornati lejn l-Eġittu, fejn tqiegħdu fi knisja mibnija għad-unur tagħhom.
Il-Papa bagħat l-ittra fit-tmien Jum ta’ Ħbiberija bejn Kopti u l-Kattoliċi. Il-ġurnata tiċċelebra r-rabtiet ekumeniċi bejn il-Knisja Ortodossa Kopta li għandha madwar 10 miljun ruħ u l-Knisja Kattolika. Il-ġurnata hija mmarkata kull sena fl-10 ta’ Mejju, b’tifkira tal-ewwel laqgħa storika bejn Papa u Patrijarka Kopt – Pawlu VI u Shenouda III – fl-10 ta’ Mejju, 1973.
Skond it-tradizzjoni tagħha, il-Knisja Kopta twaqqfet minn San Mark l-Evanġelista. Il-mexxej tagħha huwa magħruf bħala l-Papa tal-Knisja Ortodossa Kopta ta’ Lixandra. Il-Knisja Kopta kibret barra mill-Knisja Kattolika wara l-Konċilju ta’ Chalcedon fl-451 u llum hija magħrufa bħala waħda mis-sitt Knejjes Ortodossi Orjentali.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.catholicnewsagency.com/news/247727/pope-francis-blood-of-martyrs-slain-by-isis-a-seed-that-will-bear-rich-fruit