L-irkupru tal-pandemija jeħtieġ konverżjoni, jgħid il-Papa

Il-promozzjoni tal-iżvilupp sħiħ għal kulħadd jeħtieġ konverżjoni,“u speċjalment deċiżjonijiet li jikkonvertu l-mewt fil-ħajja u l-armi f’ikel”, qal il-Papa Franġisku.

Hekk kif bosta nazzjonijiet jibdew jirritornaw għal dehra ta’ normalità, anke hekk kif tkompli l-pandemija COVID-19, il-gvernijiet u l-ekonomisti u ċ-ċittadini għandhom jaġixxu issa biex iħarsu sewwa dak li kien in-‘normali’, jiġġudikaw dak li kien tajjeb jew ħażin dwarha u jaġixxu biex jagħmlu l-ħajja aħjar għal kulħadd, qal il-Papa f’messaġġ fil-15 ta’ Ġunju lill-Forum ta’ Bratislava.

Il-forum, sponsorjat mill-GLOBSEC, jiġbor flimkien politiċi, mexxejja tan-negozju u oħrajn biex jiffukaw fuq kwistjonijiet t’importanza għan-nies tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

“Biex naħdmu għal ġejjieni aħjar”, qal il-Papa, “irridu nagħmlu valutazzjoni onesta tal-passat, inkluż ir-rikonoxximent ta’ fallimenti tas-sistemi, żbalji tal-passat u nuqqas ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-Ħallieq, il-proxxmu tagħna u l-ħolqien kollu, jidhirli li huma essenzjali bħala żvilupp ta’ mudell ta’ rkupru mmirat mhux biss biex jerġa’ jinbena dak li kien, iżda wkoll jikkoreġi l-affarijiet li ma kinux qed jaħdmu, anke qabel il-miġja tal-coronavirus, u li spiċċaw biex il-kriżi marret għall-agħar.”

Meta nħares madwari, huwa qal, “dak li nara huwa dinja li ħalliet lilha nnifisha tkun imqarqa minn sens falz u arroganti ta’ sigurtà bbażata fuq l-għatx għall-profitt.”

“Jiena nara mudell ta’ ħajja ekonomika u soċjali mmarkata minn ħafna forom t’inugwaljanza u egoiżmu fejn minoranza ċkejkna tal-popolazzjoni dinjija tippossjedi l-biċċa l-kbira tal-ġid tagħha u ma toqgħodx lura milli tisfrutta n-nies u r-riżorsi,” huwa qal. U “nara mod ta’ ħajja li mhuwiex imħasseb biżżejjed għall-ambjent.”

Waqt li ħeġġeġ lill-parteċipanti tal-forum biex jaġixxu, l-Papa Franġisku nsista li l-promozzjoni tal-iżvilupp għandha ssir b’mod li jkun iċċentrat fuq “kull persuna u l-persuna kollha” u “jħaddan l-etika tas-solidarjetà u l-karità politika.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://cruxnow.com/vatican/2021/06/pandemic-recovery-requires-conversion-pope-says/

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.