Fidi li nistqarruha bla biża’

It-Tlieta, 22 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi f’Quddiesa għall-familji, bil-preżentazzjoni ta’ tfal li twieldu fl-aħħar sentejn. Knisja Kolleġġjata u Arċimatriċi, San Ġorġ, Qormi.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Nixtieqkom taħsbu ftit kieku San Ġorġ kellu jagħtina llum hawnhekk il-messaġġ l-aktar importanti għal dawk kollha li huma preżenti, u għal din il-komunità. Naħseb li kieku kellu jiġi hawn, jieħu gost f’din il-knisja Kolleġġjata, Arċimatriċi, Arċipretali, u jieħu gost bin-nies li jħobbu l-knisja u li jippreparawlu knisja daqshekk sabiħa għall-festa tiegħu. Imma fl-istess waqt, San Ġorġ, filwaqt li jieħu gost b’dak li hu sabiħ, lilna jħeġġiġna biex dejjem naħsbu f’dak li hu l-aktar imporanti fil-ħajja tagħna.

Meta nħarsu lejh, kif tafu ma hemmx ħafna fuq il-ħajja tiegħu, imma l-ftit li hemm hu tassew imporanti għalina lkoll. Insemmi tliet punti li jgħid lil kull wieħed u waħda minna, u speċjalment lilkom il-ġenituri li għandkom it-tfal żgħar.

Teżor

L-ewwel nett, San Ġorġ kien bniedem ta’ fidi kbira f’Alla. Għalih Alla kien l-akbar teżor. Ħdejn l-idoli l-oħra li kien hemm fi żmienu, hu għażel li jħobb lil Alla bis-sħiħ u li Alla jkun l-ewwel fil-ħajja tiegħu. Hu ma qiegħed xejn qablu, u ma qiegħed xejn iktar importanti minnu fil-ħajja tiegħu. Jekk hemm xi ħaġa li turina l-ħajja tieħu, dan il-martri hekk kbir, hu proprju li Alla kien it-teżor l-iktar importanti u l-isbaħ fil-ħajja tiegħu.

Għalhekk, f’dan diġà jagħtina messaġġ importanti: li Alla jkun l-akbar teżor f’ħajjitna, ma nqiegħdu xejn qablu jew aktar importanti minnu. Speċjalment, intom li għandkom it-tfal iż-żgħar, li tgħaddulhom dan bi kliemkom imma wkoll bl-eżempju li tagħtu lil dawn it-tfal: li Alla hu l-akbar teżor. Fost l-oħrajn, tgħaddulhom dan bl-eżempju li jaraw fil-ħajja tal-familja d-dar, bil-kliem li tistgħu tgħidu ta’ ġid lilhom, u wkoll billi f’okkażjonijiet fejn tistgħu, iġġibuhom hawn ħa jiltaqgħu mal-Mulej, anke jekk huma żgħar ħafna. Jien meta nisma’ lit-tfal għadhom żgħar kultant iwerżqu fil-knisja, nieħu gost, mhux ifixkluni. Nieħu gost li qegħdin hawn. Meta t-tfal kultant diffiċli biex iżżommhom, ma jimpurtax; sabiħ li jkunu hawn, għax dawn huma parti mill-familja kbira li hi l-parroċċa u hu importanti li mindu żgħar ikollhom għal qalbhom ukoll dan il-post fejn jiltaqgħu ma’ Alla u fejn jiċċelebraw hawnhekk li Alla hu l-akbar teżor.

Xhieda

San Ġorġ kien bniedem li dejjem kien lest li jagħti xhieda tal-fidi tiegħu, u jagħmel dan bla biża’. Nafu li kien jagħmel dan quddiem kulħadd, anke quddiem l-Imperatur. U meta l-Imperatur Dijoklezjanu riedu jqim l-allat pagani, hu għażel li jkompli jqim lil Alla u jagħti xhieda bla biża’ ta’ din il-fidi tiegħu.

Anke meta ppruvaw jipperswaduh billi jagħtuh il-ġid, l-art, u affarijiet oħra li lill-bniedem jistgħu jattirawh ’il bogħod minn Alla, bil-ħsieb “nagħtuk dawn, imma inti qim lill-idoli mhux lil Alla li temmen fih”, hu għażel li jirrifjuta affarijiet l-oħra biex ma jagħmilx kompromess, u għalhekk jibqa’ jagħti xhieda bla biża’ tal-fidi tiegħu.

Dan hu messaġġ importanti għalina. B’dan jieħu gost l-aktar San Ġorġ, jekk aħna l-fidi tagħna nagħtu xhieda tagħha u nagħmlu dan bla biża’. Kultant tinnota din fina, li qisna minħabba l-oħrajn, dawk li jkunu madwarna, nibżgħu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. Qisu trid taħbi dak li temmen, għax ħaddieħor jaħsibha differenti. Imma San Ġorġ lilna jgħallimna li ma għandniex nibżgħu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. Għandna nistħu jekk naħbuha, hemmhekk għandna nistħu, mhux jekk nuru li nemmu. U nagħmlu dan bla biża’, u nagħmlu dan ukoll bil-kuraġġ u bil-ferħ.

Tbatija

San Ġorġ jgħallimna li rridu nkunu lesti li nbatu minħabba l-fidi tagħna. San Ġorġ għadda  mit-tbatija sal-martirju. It-tbatija kienet għalih qisha bħan-nar li jsaffih, u kien lest li jgħaddi mit-tbatija, bħalma smajna wkoll lil San Pawl, fl-Ittra tiegħu lil Timotju, isemmi l-persekuzzjonijiet li għadda minnhom.

Kultant ikollna l-ideja li qisna għax nemmnu f’Alla, imissna ma nbatux, immissna ma ngħaddux mill-iebes tal-ħajja. Ġesù qalilna li aħna li nemmnu fih irridu nkunu lesti li ngħaddu mit-tbatija, u speċjalment mit-tbatija li ġġib magħha l-fidi tagħna għax nimxu mal-prinċipji li nemmnu fihom. Din kultant tfisser sagrifiċċju u tbatija għalina. Li jkollna f’moħħna jkun li nagħmlu dak li hu sewwa quddiem Alla, anke jekk ħaddieħor mhuwiex qed jagħmlu. Din issibha spiss, li n-nies iħarsu lejn ħaddieħor u jgħidulek: imma ara dak hemmhekk, dak m’għamilx hekk! U ara l-oħra, dik m’għamlitx hekk! U jistaqsu: allura dawn jistgħu? Aħna responsabbli tagħna, u Alla jsejħilna biex nerfgħu r-responsabbiltà tagħna li dak li nemmnu fih nimxu miegħu, anke jekk ifisser kultant tbatija, speċjalment meta tara lil ħaddieħor ma jagħtix każ, u tkun iebsa aktar għalina.

Għalhekk it-talba li nixtieq nagħmel illum, speċjalment għall-familji ta’ din il-parroċċa, u għalikom il-familji bi tfal żgħar, hi li l-Mulej jagħtikom l-għajnuna permezz tal-interċessjoni ta’ San Ġorġ biex intom dejjem tgħożżu lil Alla bħala l-aqwa teżor, biex tkunu lesti tagħtu xhieda ta’ din il-fidi quddiem l-oħrajn, u biex tkun lesti wkoll tgħaddu mit-tbatija u s-sagrifiċċju biex tibqgħu sodi mal-prinċipiji tagħkom. Nitlob lill-Mulej illum ibierek lilkom, lit-tfal, lill-familji ta’ din il-parroċċa, u nitlob li nkomplu nħarsu lejn San Ġorġ ħalli jkompli jkun għalina ta’ ispirazzjoni kif ngħixu l-fidi tagħna llum.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju