Stedina biex qalbna tfur bit-tama

It-Tlieta, 22 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Pontifikal Solenni ta’ Filgħaxija tal-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu. Santwarju Ta’ Pinu, Għarb.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Nixtieq li llejla, fis-Solennità Tal-Madonna ta’ Pinu, nirriflettu fuq il-ħarsa ta’ Marija: ħarsa ġwejda, ħarsa umli imma ħarsa mimlija għerf, li biha tagħraf lil bniedem minn xhiex ikun għaddej. Irrealizzat li dawn iż-żewġ għarajjes minn Kana tal-Galilija, li kienu qegħdin jiċċelebraw it-tieġ tagħhom, kellhom problema u qalet lil binha x’kienet qed tinnota: “Ma għandhomx inbid”. Ġesù donnu mhux ippreparat li jibda s-sinjali tiegħu imma hi tħares lejn il-bżonn ta’ dawn iż-żewġ għarajjes. “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Il-ħarsa tagħha hawnhekk hija wkoll ħarsa lejn binha, u ħarsa ta’ fiduċja. Meta tħares lejna tgħidilna dan il-kliem għażiż u ta’ għerf: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

Ġesù jittrasforma l-ilma umli, tal-purifikazzjoni, li kien abbundanti, f’inbid straordinarjaent tajjeb. Meta dak li jieħu ħsieb il-mejda jduq dak l-inbid jirrealizza kemm hu tajjeb l-inbid li joffri Ġesù. Marija twassalna biex nifhmu li meta minkejja d-dgħufija tagħna, nagħmlu dak li jgħidilna hu, dak li għalina hu ilma mdardar, li jintuża biss għall-ħasil, isir inbid li jferraħ qalb il-bniedem.

Dan is-sinjal huwa sinjal ukoll għad-dixxipli tiegħu. Id-dixxipli emmnu fih għaliex bih, il-Mulej, wera l-glorja tiegħu. Il-glorja li wrieha mhux biss is-sinjali tiegħu, mhux biss fuq il-Muntanja Tabor fil-misteru tat-Trasfigurazzjoni, imma wkoll fuq is-salib, meta l-Mulej ikun jista’ jgħid: “Waslet is-siegħa tiegħi” (Ġw 12:23). Is-siegħa li fiha ma joffriex iżjed inbid imma joffri d-demm. Is-siegħa li fiha jieħu l-inbid u jgħid: “Dan huwa demmi, li jixxerred għalikom” (Lq 22:20).

Aħna llum nilqgħu dan id-don tal-Omm, il-ħarsa tagħha fuqna, u l-istedina tagħha “ejja”. Il-kelma “ejja” mhix biss stedina biex jiena nidħol f’intimità ma’ Binha Ġesù, imma wkoll hija espressjoni ta’ kuraġġ: “Ejja, Charles”. Hija stedina biex qalbna tfur bit-tama; ma naqtgħux qalbna. Min għaddej minn mument diffiċli jifhem li fl-istedina “ejja” m’hemmx biss talba biex aħna nżuruha, imma biex nagħmlu wkoll kuraġġ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply