Is-Sejħa Ta’ Pinu tkellem lilna llum

It-Tlieta, 22 ta’ Ġunju 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Kien kważi bħal dan il-ħin 138 sena ilu li x-xebba Carmela Grima, li kienet toqgħod tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn hawnhekk – id-dar tagħha wara s-Santwarju, fl-Għarb – meta kellha 45 sena, kienet għaddejja minn quddiem is-Santwarju: dak iż-żmien kienet kappella, ma kienx hawn din il-knisja li qegħdin naraw illum b’għajnejna. Hija kienet ser tibqa’ sejra lejn id-dar, meta tisma’ lil min isejħilha: “Ejja, ejja”. U terġa’ tisma’: “Ejja, ejja, għax jista’ jkun li jiġi żmien li ma tkunx tista’ tiġi”. U tidħol fil-kappella – il-kappella ta’ ġewwa li hawn warajna – u Marija titlobha mill-kwadru biex titlob tliet Sliema u Qaddisa f’ġieħ it-tlitt ijiem li l-ġisem tagħha qagħad fil-qabar.

Din l-istorja li qegħdin niċċelebraw illum mhix storja tal-bieraħ, mhix storja tal-passat, imma hi storja tagħna. Storja tagħna mhux biss għax dalgħodu qegħdin hawn f’dan is-Santwarju li hu kalamita għall-gżejjer Maltin – għax jiġbed lil kulħadd, imma b’mod speċjali lil min hu l-iktar fil-bżonn – imma hija storja attwali, hija storja tagħna, għax dak li ġara lil Karmni, mingħajr ma nafu, mingħajr ma aħna konxji biżżejjed, jiġri lili u lilek, jiġri lil kull wieħed u kull waħda minna.

X’ġara hawn ġew? Instema’ leħen. Alla jitkellem permezz ta’ Marija: “Ejja, ejja”. Dik l-‘ejja’ li Marija titlob lil Karmni mhix biss: ‘Ejja għandi, jiena l-Omm’, imma ‘Ejja għand Ibni, ejja għand Ġesù’. Għax Marija għandha missjoni waħda: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Interessanti l-Evanġelju li għadna kif smajna (Ġw 2:1-11), għaliex jiddeskrivi ftit ir-realtà tal-umanità. Kulħadd għaddej b’xogħlu, kulħadd għandu t-taħbit tiegħu, l-inkwiet tiegħu. Forsi minn hawn min jaf fejn sejrin… kulħadd għandu l-ġurnata tiegħu xi jrid jagħmel; forsi hawn min ġie minn Malta, biex jistrieħ ftit, jaqta’ ftit; l-oħrajn jerġgħu jmorru jkomplu x-xogħol tagħhom.

Kemm hi sabiħa d-deskrizzjoni ta’ Alla fuq l-umanità! Kemm jarana b’mod sabiħ! Tafu kif iqisna Alla tagħna? Tafu kif iqisha r-relazzjoni tagħna miegħu u r-relazzjoni tiegħu magħna? Qisu dak it-tieġ ta’ Kana: hu l-għarus u aħna l-għarusa. U jitferneż u jieħu għalih Alla jekk aħna ma nkunux kuntenti. Marija wkoll tidħol fin-nofs, għax tixtieq li jkollna l-inbid tal-ferħ. Forsi mhux il-ferħ li nimmaġinaw aħna, li nittamaw aħna. Forsi kultant inwaħħlu u nwebbsu rasna fil-ferħ kif nimmaġinawh jew naħsbuh aħna, fil-pjanijiet tagħna, fl-iskopijiet tagħna, f’dak li hu l-iktar importanti għalina. Forsi mhux hemmhekk qiegħed il-ferħ li jrid jagħtina Alla, forsi qiegħed xi mkien ieħor.

Imma r-relazzjoni tagħna miegħu mhix għajr dan it-tieġ, din l-għerusija: Alla li hu nnamrat magħna. U għax hu nnamrat magħna, allura dak li għamel ma’ Karmni jagħmlu miegħi, jagħmlu miegħek, jagħmlu ma’ kull wieħed u kull waħda minna. Jekk Alla jitkellem permezz ta’ Marija mill-kwadru u Karmni Grima tisma’, Alla llum ikellem lili u lilek mill-Kelma tiegħu. Forsi mhux il-kelma mlissna, il-kelma li ssir vuċi, u li tismagħha u li toħroġ mill-fomm, kif ħarġet dik mill-kwadru lil Karmni, imma l-kelma miktuba. Daqskemm kienet qawwija dik il-kelma li Karmni semgħet mill-kwadru, daqshekk ieħor hi qawwija, biex ma ngħidx iktar, il-Kelma ta’ Alla li nisimgħu, meta aħna nippruvaw inpoġġu widnejna u nisimgħuha tassew, bħala kelma mhux li tinfurmana, mhux li tgħidilna xi ħaġa fuq Alla, imma li tiffurmana, li tkellimna fil-qalb, li bilmod tagħti forma lill-qalb tagħna.

Min kellimha lil Karmni? Kellmitha mara, Marija. Min hi Marija? Marija hija l-Omm. Imma ma ninsewx li mhix biss l-Omm tagħna, imma l-Omm ta’ Ġesù; u allura hu fl-interess kollu ta’ Marija li aħna nkunu aħwa veri ta’ Ġesù: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Fl-interess ta’ Marija, l-interess tal-Omm, li aħna nkunu tassew ħbieb intimi tal-persuna ta’ Ġesù. Tant hu hekk li Marija fl-Evanġelju għandha diversi espressjonijiet qawwijin, titkellem hi. Ngħidu aħna, ħudu l-Magnificat: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Imma mhux biss, għandha din l-espressjoni qawwija li tgħid lill-qaddejja tat-tieġ ta’ Kana, u tgħidha lilna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Fi kliem ieħor, jekk tridu l-inbid il-ġdid, jekk tridu l-ferħ fil-familja tagħkom, fil-familji tagħna, m’hemmx triq oħra. Aħna nfittxu diversi toroq: tal-ġid, tal-flus, tas-suċċess ta’ wliedna, tar-relazzjonijiet sublimi, ta’ popolarità. Infittxu elf triq, imma dejjem nibqgħu nfittxu. Għaliex? Għax dejjem tonqos xi ħaġa, sakemm ma niqfux fil-kelmiet ta’ Marija: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Lil min kellmet din il-mara, din l-Omm? Kellmet lil Karmni, xebba, il-mara bin-nieqes; xebba, il-mara bil-vojt; xebba, simbolu u sinjal tal-faqar, sinjal ta’ dawk tal-aħħar; xebba, sinjal ta’ dawk li huma mitluqa, sinjal ta’ dawk li huma emarġinati; xebba, waħda minn dawk tal-aħħar fost il-poplu. Marija ma kellmitx lil xi isqof, jew lil xi saċerdot intelliġenti jew importanti, jew lil xi kapijiet tal-pajjiż. Le, imma Marija kellmet lil mara sempliċi, xebba.

Interessanti anki l-età, 45 sena. Aħna nafu li hija età kritika. Ħarsu lejn il-knejjes tagħna u staqsu u osservaw kemm ikun hemm nies tal-età tan-nofs, bejn is-sittax u s-sittin sena. Tgħiduli, kemm qed tagħmilna xjuħ? Le, naf li hawn uħud minnkom li tinsabu f’dik il-bracket, tinkwetawx. Imma kemm minna li qegħdin f’din l-età tan-nofs jinteressana fil-Kelma ta’ Alla, jinteressana fl-istil ta’ Alla, kif inkunu kuntenti fil-ħajja tagħna. Huwa żmien meta nħossuna ftit sidien tagħna nfusna, meta nilħqu l-maturità, u meta jekk jista’ jkun fuq it-tmun ma rridu lil ħadd jekk mhux lilna nfusna, immexxu aħna. Interessanti din l-età ta’ Carmela Grima, 45 sena. L-Evanġelju għandu kelma għal kulħadd, anki għal min ma jħossx il-bżonn tiegħu.

Interessanti wkoll dak li tgħid il-Madonna lil Karmni: “Ejja, għax jista’ jkun li jiġi żmien li ma tkunx tista’ tiġi”. Kemm tolqotni, mara ta’ 45 sena, u Marija mill-kwadru tgħidilha: “Ejja, għax jista’ jkun li jiġi żmien li tkun trid tiġi u ma tkunx tista’ tiġi”. Kemm tagħmel sens din l-istedina ta’ Marija għalina li aħna mħabbtin, li għandna ħafna x’nagħmlu! Forsi mhux ta’ b’xejn li s-Santwarju Ta’ Pinu llum huwa kalamita tal-gżejjer Maltin. Forsi mhux ta’ b’xejn li s-Santwarju Ta’ Pinu għadu ganċ, għadu pont, forsi b’saħħtu u forsi dgħajjef, tal-bniedem ma’ Alla. Dan it-tieġ, dan il-kuntratt tat-tieġ ta’ Kana. Forsi mhux ta’ b’xejn li Marija tibqa’ l-pont, kultant rari, tal-laqgħa tal-bnedmin ma’ Alla, tal-laqgħa tagħna l-Għawdxin u l-Maltin ma’ Alla.

Ejjew nieħdu l-opportunità, kemm dawk li jiffrekwentaw sikwit dan it-tempju, kemm kull dar ta’ talb li għandna fi gżiritna; ejjew dawk ukoll li jmissu mas-sagru darba kultant; ejjew nisimgħu l-kelma ta’ Marija, biex il-ġrajja ta’ Ta’ Pinu ma nħalluhiex ġrajja ta’ 138 sena ilu, imma ssir il-ġrajja tal-lum, għalik li qiegħed hawn, għalija, għalik li qiegħed tisma’ minn fuq il-mezzi tax-xandir: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5), jekk tridu nbid ġdid, jekk tridu ferħ, jekk tridu hena fil-familja. Fiż-żmien meta għaddejjin minn kriżi fejn jidħlu relazzjonijiet, mhux biss familjari, imma kull tip ta’ relazzjoni, dan iż-żmien tal-pandemija li minn naħa ma għenniex, min-naħa l-oħra għenna niskopru s-sbuħija u l-kobor tar-relazzjoni umana.

Ejjew inħallu lil Marija tagħmel ma’ kull wieħed u kull waħda minna dak li għamlet ma’ Karmni, bħal dan il-ħin 138 sena ilu. Kif? Jekk jien u int nisimgħu bis-serjetà, inħallu tidħol mhux biss f’widnejna, mhux biss f’moħħna, imma f’qalbna u f’kull kantuniera ta’ ġisimna l-kelma tagħha li qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Hi li kienet il-qaddejja umli tal-Mulej, kienet tifhem, kienet taf liema hu l-aħjar mod kif tinżamm relazzjoni sħiħa mal-Missier.

Leave a Reply