Il-kura tas-saħħa għal kulħadd hija servizz essenzjali

Print Friendly, PDF & Email

Papa fl-Anġelus: il-kura tas-saħħa għal kulħadd hija servizz essenzjali

Il-Papa Franġisku lbierah ta l-“Buongiorno!” li s-soltu jsellem biha lil dawk miġbura għal-Anġelus ġewwa l-pjazza ta’ San Pietru did-darba mill-isptar, ġimgħa biss wara li saritlu operazzjoni intestinali li minnha għadu qed jirkupra fl-Isptar Gemelli ta’ Ruma. Mill-gallarija ta’ tieqa tal-10 sular li tħares lejn il-folol ta’ taħt, huwa deher bi tfal li qed jiġu kkurati hemmhekk u fakkar fil-bżonn tat-talb tagħna u l-appoġġ għalihom.

Il-Papa esprima l-ferħ tiegħu li kien kapaċi jżomm l-appuntament ta’ kull ġimgħa tal- Anġelus u nnota l-gratitudni profonda tiegħu lil kulħadd, u qal “Ħassejt fil-fond ta’ qalbi l-qrubija tagħkom u l-appoġġ tat-talb tagħkom. Grazzi minn qalbi!”

Fl-indirizz qasir tiegħu qabel ma mexxa r-reċita tat-talba tal-Anġelus, huwa rrifletta fuq il-qari tal-Vanġelu fejn rajna li d-dixxipli ta’ Ġesù ħarġu u dilku biż-żejt lil bosta li kienu morda u mbagħad fejquhom. Iż-żejt li jinsab fis-sagrament tad-Dilka tal-Morda li “jagħti faraġ lill-ispirtu u lill-ġisem”, iżda huwa wkoll balzmu għal “smigħ, il-qrubija, l-kura, t-tenerezza ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-morda”, itaffi l-uġigħ u tgħinhom iħossuhom aħjar.

Huwa nnota li lkoll se jkollna bżonn din “id-dilka” xi żmien f’ħajjitna, u “lkoll nistgħu nagħtuha lil xi ħaddieħor” permezz ta’ ġesti sempliċi bħal żjara, telefonata, jew daqqa t’id.

Il-Papa Franġisku stqarr li matul dawn il-jiem fl-isptar huwa esperjenza personalment l-importanza ta’ kura tas-saħħa tajba, aċċessibbli għal kulħadd, kif inhi fl-Italja u pajjiżi oħra. Huwa saħaq li “Dan il-benefiċċju prezzjuż m’għandux jintilef. Jeħtieġ li jinżamm!”. Dan jirrikjedi l-impenn ta’ kulħadd, huwa nnota, “għax jgħin lil kulħadd u jeħtieġ il-kontribuzzjoni ta’ kulħadd”. Il-Papa nnota li l-pressjonijiet ekonomiċi m’għandhomx jikkompromettu l-abbiltà li jiġi pprovdut servizz essenzjali tal-kura tas-saħħa.

Fl-aħħar, il-Papa esprima l-“apprezzament” u l-“inkoraġġiment” profond tiegħu lit-tobba, lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, u lil dawk kollha li jaħdmu f’dal-qasam. Huwa talab ukoll biex nitolbu għall-morda, speċjalment dawk li jinsabu fl-iktar sitwazzjonijiet diffiċli, waqt li enfasizza, “Jalla ħadd ma jitħalla waħdu, jalla kulħadd jirċievi d-dilka tas-smigħ, il-qrubija u l-kura”. Huwa qal biex nitolbu għal dan, “permezz tal-interċessjoni ta’ Marija, Ommna, Saħħa tal-Morda”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-07/pope-francis-prays-angelus-with-faithful-from-gemelli-hospital.html

kif ukoll …

https://www.laikos.org/papa_frangisku_angelus_11072021.htm

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.