Tgħinna f’kull ħin

Mill-Ħamis 18 sal-Ħadd 20 ta’ Ġunju 2021, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, ġiet iżżurna l-ikona tassew ħelwa tal-Madonna Omm Tas-Sokkors Perpetwu.

Din il-kopja tal-ikona oriġinali li tinsab fil-Kappella tal-Patrijiet Redentoristi, f’via Merulana, f’Ruma, aqta’ kemm ġabitilna ferħ, kuraġġ u tama fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija! X’tifsira għanja u ta’ fejqan fiha din l-ikona li l-istudjużi jgħidulna li tmur lura mis-seklu tlettax u erbatax!

Inħares lejn il-mant blù tal-Madonna u jfakkarni fil-lewn tal-mant li kienu jilbsu l-ommijiet fil-Palestina. U fl-għata ta’ rasha ta’ lewn ħadrani, tfakkarni fl-għata tax-xebbiet Lhud ta’ żmien Ġesù. Mela, Marija hi Omm u Xebba. Lewn libsitha ħamrani jgħidli li Marija hi Sultana tal-Martri. Wiċċha ovali, b’għajnejha kbar miksura, ifakkruni biex naħrab mid-dnub. U ħalqha żgħir jgħallimni li fis-skiet u l-ġabra tgħammar tassew il-qdusija tar-ruħ.

Ġesù fuq driegħ Marija mpinġi ta’ tfajjel għaref u għaqli. Qed idawwar ħarstu lejn Missierna tas-Sema. Il-qorqa tal-lemin tinħallu u se taqagħlu. Għax dan il-Bniedem-Alla qed jara jiem il-Passjoni tiegħu u bħala Bniedem hu suġġett għall-biża’ u t-tbatija. Fuq in-naħa tax-xellug tal-ikona l-Arkanġlu San Mikiel qed iżomm il-qasba bl-isponża u l-lanza. Filwaqt li fuq in-naħa tal-lemin l-Arkanġlu San Gabriel għandu fil-velu ta’ jdejh s-salib ta’ Ġesù. Quddiem dawn l-istrumenti tal-Passjoni tiegħu Ġesù jqabbad idejh ma’ dawk ta’ Marija  biex fiha jsib il-kenn u l-faraġ. U Marija, b’idha, qed tippuntalna lil Ġesù bħala t-Triq, il-Verità u l-Ħajja vera tagħna (Ġw 14:6). It-tfajjel Ġesù qed jistrieħ fuq id-driegħ xellugi ta’ Marija. Mhux li kien li int u jien nserrħu rasna għajjiena fuq qalbha li tifhimna! L-isfond dehbi tal-Ikona jfakkarna li dan kollu hu l-ferħ dejjiemi tas-sema!

Bil-miġja tal-Madonna Omm Tas-Sokkors Perpetwu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija l-Ispirtu s-Santu għoġbu jsawwar dawn it-taqbiliet li ħallew turrun ġid għax qalahom minn żniedu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna nħallu lil Ġesù jibdilna ħalli fih nitwettqu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna nużaw ġidna bil-għaqal u mhux bl-addoċċ inberbqu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna nkunu sempliċi u mhux fuq ix-xejn infettqu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna l-għaqda ta’ bejnietna nseddqu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna biex f’dirgħajn Ibnek Ġesù nintelqu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna biex lid-dnub nistmellu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna biex ‘il bogħod mid-dnub inlebbtu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna biex għal jum mewtna inlestu! Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu għinna nħarsu l-ħajja ta’ ħuna l-għażiż il-fetu!

U, bilħaqq, għax kont se ninsa: Madonna tas-Sokkors meta niġi għandek ħudni għall-qrara u hekk ninħeles mir-rimors!

Mank jaħasra!

Patri Mario Attard OFM Cap