Kemm hu mportanti li nisma’!

Kulfejn tmur, kull radju jew stazzjon tat-televiżjoni li tisma’ u li tara, mill-ewwel tisma’ il-kelma li tisma’. Tgħid hi importanti din il-kelma?

Il-ħajja ta’ madwarna biżżejjed turina d-diżażtri meta ma nisimgħux. Xi ħsara kbira issirilha lill-persuna meta ma jkollhiex min jismagħha! Minn kemm tbatijiet tgħaddi! Kemm tħossha ħażin! Fil-fatt, il-bżonn li nsibu lil xi ħadd li jismagħna jurina ħaġa essenzjali dwarna nfusna: kemm aħna tabilħaqq ħriġna minn Alla-Trinità! Alla familja! Alla li jisma’ lilu nnifsu għax il-Missier jisma’ lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. Bħalma l-Iben jisma’ lill-Missier u lill-Ispirtu s-Santu. U anki l-Ispirtu s-Santu jisma’ lill-Missier u l-Iben. U kif, dan Alla-Trinità joħroġ minnu nnifsu ħa jisma’ lilna, uliedu!

Il-Bibbja turini li s-smigħ, li l-kelma Lhudija għaliha hi shemà (שֶׁמַע), u li hi l-istess kelma li nsibu fl-ilsien Malti, tisma’, hi bil-wisq aktar minn sempliċiment smigħ ta’ ħsejjes. Is-smigħ fil-Bibbja idaħħalna f’relazzjoni ma’ dak li jkun qed ikellimna. Issa t-tweġiba tagħna għal dan is-smigħ mhix biss xi forma ta’ emozzjoni u daqshekk. Kieku sew! Jgħiduli xi ħaġa, nemozzjona ruħi u mbagħad naħsel idejja bħal Pilatu! X’aħna sbieħ hux! Imma s-smigħ jinvolvi azzjoni! Li jien naġixxi fuq dak li jgħiduli. Allura, is-smigħ, fis-sens bibbliku, jitlob minna dejjem tweġiba konkreta.

Meta nsibu lil xi ħadd jismagħna fil-ħajja tabilħaqq li nkunu qlajna rigal kbir. Li tisma’ ma jfissirx li nintefa hemm, bilqiegħda, u ma ngħid xejn. Hemm proċess sħiħ xi jsir li jwassalni biex nisma’ lill-persuna l-oħra l-għaliex idaħħalni fiż-żarbuna tagħha bil-għan li nkun nista’ nifhem aħjar l-istorja tagħha. Fl-eżortazzjoni appostolika postsinodali ta’ Papa Franġisku Christus vivit, Kristu jgħix, għandna deskrizzjoni mill-isbaħ ta’ x’jiġifieri tisma’. Fin-numru 292 ta’ din l-eżortazzjoni l-Papa Franġisku jgħidilna hekk:

L-ewwel sensibbiltà jew attenzjoni hi għall-persuna. Irridu nisimgħu lill-ieħor li qed jagħtina lilu nnifsu fil-kliem li jgħidilna. Is-sinjal ta’ dan is-smigħ hu l-ħin li niddedika għall-persuna l-oħra. Mhijiex kwistjoni ta’ kemm, imma li l-ieħor iħoss li l-ħin tiegħi huwa tiegħu: il-ħin kollu li għandu bżonn biex jesprimi dak li jixtieq jgħidli. Għandu jħoss li qed nisimgħu bla kundizzjonijiet, bla ma noffendi ruħi, bla ma niskandalizza ruħi, bla ma nieħu fastidju, bla ma nixba’. Dan is-smigħ hu dak tal-Mulej meta jibda miexi mad-dixxipli ta’ Għemmaws u jseħibhom għal biċċa sew mit-triq li kienet qed tieħu fid-direzzjoni opposta ta’ dik tajba (ara Lq 24:13-35). Meta Ġesù jagħmel tabirruħu li kien ħa jibqa’ sejjer għax dawk it-tnejn kienu waslu d-dar, huma jifhmu li hu kien tahom minn ħinu, u hemm jagħtuh tagħhom, u joffrulu l-ospitalità tagħhom. Dan is-smigħ attent u diżinteressat jindika l-valur li għandha l-persuna l-oħra f’għajnejna, lil hemm mill-ideat tagħha u mill-għażliet ta’ ħajjitha.

F’dan il-paragrafu hemm ħafna x’wieħed x’jogħmod dwar is-smigħ. Skont Papa Franġisku s-smigħ hu dedikazzjoni. Tajjeb għalhekk li hawnhekk nistaqsi ftit lili nnifsi: Meta nisma’ lil xi ħadd nisimgħu b’xi kundizzjoni? Nieħu għalija b’li jgħidli? Niskandalizza ruħi b’dak li nisma’? Kemm qed nirrejalizza li s-smigħ iseħħ fid-direzzjoni opposta ta’ kif suppost qed isiru l-affarijiet? Kemm qed nifhem li s-smigħ veru jitlob ospitalità ġeneruża?

Barra minhekk, il-Mulej laqqagħni ma’ riflessjoni oħra interessanti dwar is-smigħ minn Papa Franġisku. Din tinstab fil-messaġġ għall-50 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali li kellu, bħala titlu: Komunikazzjoni u ħniena: laqħa li tħalli l-frott. F’dan il-messaġġ tabilħaqq rilevanti għal ħajjitna l-Papa jgħid hekk:

Xi wħud jaħsbu li viżjoni ta’ soċjetà b’għeruqha fil-ħniena hi wisq idealistika jew pjetuża.  Imma ejjew nippruvaw nerġgħu naħsbu fl-ewwel esperjenzi tagħna ta’ relazzjoni fil-familja.  Il-ġenituri ħabbewna u apprezzawna għal dak li aħna iżjed milli għall-ħiliet u s-suċċessi tagħna.  Il-ġenituri naturalment jixtiequ l-aħjar għal uliedhom, imma l-imħabba tagħhom qatt m’hi kkundizzjonata minn kemm dawn jilħqu l-oġġettivi.  Id-dar tal-Missier hi l-post li fih int dejjem milqugħ (ara Lq 15:11-32).  Nixtieq inħeġġeġ lil kulħadd biex jaħseb fis-soċjetà tal-bnedmin mhux bħala spazju li fih nies barranin għal xulxin qed jikkompetu u jippruvaw jirbħu huma, imma pjuttost bħala dar jew familja fejn il-bieb hu dejjem miftuħ u qed nippruvaw nilqgħu wieħed lill-ieħor.

Għalhekk hu fundamentali li nisimgħu tassew.  Tikkomunika jfisser taqsam ma’ l-oħrajn, u l-qsim ma’ l-oħrajn jitlob minna li nisimgħu, li nilqgħu.  Li tisma’ hu wisq iktar milli sempliċement ikollok widnejk miftuħa. Sakemm għandek widnejk miftuħa, dan għandu x’jaqsam mad-dinja ta’ l-informazzjoni; imma li tisma’ tassew, din komunikazzjoni, u hemm bżonn li tkun qrib ta’ l-ieħor.  Is-smigħ jagħtina l-atteġġjament it-tajjeb, għax noħorġu mill-kundizzjoni trankwilla ta’ spettaturi, ta’ semmiegħa, ta’ konsumaturi.  Li tisma’ tassew ifisser ukoll li tkun kapaċi taqsam ma’ l-oħrajn mistoqsijiet u dubji, li timxi spalla ma’ spalla ma’ ħaddieħor, li tinħeles minn kull preżunzjoni ta’ omnipotenza u umilment tqiegħed il-ħiliet tiegħek u d-doni tiegħek għall-qadi tal-ġid komuni.

Li tisma’ qatt m’hu faċli.  Xi drabi hu iżjed komdu tagħmilha ta’ trux.  Tisma’ jfisser tkun attent, ikollok ix-xewqa li tifhem, tagħti valur, tirrispetta, tgħożż il-kelma ta’ ħaddieħor.  Meta nisimgħu, ngħaddu minn ċertu tip ta’ martirju, sagrifiċċju tagħna nfusna li fih inġeddu l-ġest sagru mwettaq minn Mosè quddiem is-siġra ta’ l-għolliq jaqbad: ninża’ l-qorq fuq l-“art qaddisa” tal-laqgħa mal-persuna l-oħra li qed tkellimni (ara Eż 3:5).  Li nkun kapaċi nisma’ hi grazzja kbira ħafna, hu don li rrid nitolbu biex imbagħad nista’ nitħarreġ fil-prattika tiegħu.

Nista’ nibda’ nara s-smigħ bħala esperjenza mill-isbaħ fejn, minflok li nikkompetu, se nibdew nikkollaboraw ma’ xulxin? Inqis is-smigħ bħala l-komunikazzjoni fl-aqwa tagħha? Nifhem li meta nisma’ lil xi ħadd jiena nagħtih valur? Qed nirrispettah u ngħożżu filwaqt li qed jagħtini lilu nnifsu f’dak li qed jgħidli? Anki jekk dan il-proċess ifisser għalija ċertu tip ta’ martirju għax nissagrifika ruħi għalih?

L-għaliex kuljum ma nitlobx lill-Mulej biex jagħtini dan id-don daqshekk importanti fil-ħajja? Wara kollox, x’hemm isbaħ milli ninża’ l-qorq tiegħi fuq l-“art qaddisa” waqt li l-persuna l-oħra tkun qed tkellimni l-għaliex inkun ikkonċentrat u ikkonċentrata fuqha u mhux aktar fuqi nnifsi?

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading