Is-Safa tal-qalb għadha valur

Print Friendly, PDF & Email

Xi kliem jintesew. Ma jibqgħux moda. Bħall-kelma SAFA’, jew KASTITÀ. Mhux biss tintesà l-kelma, imma wkoll l-għixien ta’ valur hekk nobbli. U dan minkejja l-eżempji ta’ nies li għallmuna kemm hu tajjeb li ngħixu hekk, bħall-mara li nsejħulha ‘il-kasta Susanna’ fit-Testment il-Qadim u, fi żmienna, it-tfajla martri Marija Goretti. U minkejja wkoll l-istedina ta’ Ġesù fil-Vanġelu: “Imberkin ta’ qalbhom safja, għax huma jaraw ‘l Alla”. Kien żmien ieħor meta l-lewn abjad, bħall-furi bojod, kienu jfakkruna fis-safa’, tant li t-tfal f’xi festa tal-Madonna, kienu joffru fjura bajda biex juru x-xewqa u jitolbu lill-Madonna tgħinhom, biex jgħixu din il-virtù. Il-mod ta’ ħajja fi żmienna naqqas l-emfasi kemm fuq il-kastità kif ukoll fuq dak li qed iċajparha u jfixkilha. Imma xorta waħda baqgħet virtù li għandha tingħata importanza kemm mill-adulti li jridu jitħabtu biex jgħixuha u b’mod partikulari fil-formazzjoni li tingħata lit-tfal u lill-adolexxenti.   

Waħda mill-‘Pariri tal-Evanġelju’

Il-kastità hi waħda mit-tliet virtujiet li n-Nisrani jrid jaħdem għalihom biex ikun jista’ jimxi lejn il-perfezzjoni, fuq il-mudell li hu Kristu. Flimkien mal-ubbidjenza u mal-faqar, il-kastità hi waħda mit-tliet ‘Pariri tal-Evanġelju’ li huma (i) il-faqar minn rajna, (ii) il-kastità ta’ dejjem u (iii) l-ubbidjenza perfetta. F’dawn il-virtujiet, kemm il-psikoloġi kif ukoll il-majjistri spiritwali raw tweġiba għat-tliet ġibdiet li hemm miżrugħa fil-bniedem: il-ġibda għall-poter, il-ġibda għall-flus u l-ġibda sesswali. Raw ukoll tweġiba għal tliet biżgħat fundamentali marbuta ma’ dawn it-tliet ġibdiet: (i) il-faqar volontarju jeħodha kontra l-biża’ ta’ min hu nieqes minn kollox u se jmut bil-ġuħ; (ii) il-kastità tikkontrasta ma’ min tilef għal kollox il-kontroll fuqu nnifsu; u (iii) l-ubbidjenza teħodha kontra l-biża’ li dak li wieħed jagħmel se jkun determinat minn ħaddeħor.

Il-psikanalista Ġermaniż Harald Schultz-Hencke jara fil-Pariri tal-Evanġelju stedina biex nitħarrġu fil-kontroll tal-impulsjonijiet tagħna u nagħmlu dan mill-aħjar li nistgħu, b’azzjonijiet konkreti. Kull Nisrani hu msejjaħ biex jgħix dawn il-pariri, kulħadd skont l-istat tal-ħajja tiegħu. Ir-reliġjużi u dawk imsejħa għal ħajja ċelibi jgħixu l-kastità fil-kontinenza u l-miżżewġin permezz ta’ sesswalità kif għandha tkun u bl-ikbar ferħ.

Patri jgħin pellegrina, Jean Victor Schnets (1787-1870), – Mużew ta’ Beaux-Arts, Vaenciennes.

Il-kastità hi l-kapaċità li norjentaw ruħna lejn dak li hu tajjeb u sewwa. Li tkun kast ifisser li tkun ċar, ġust, li taċċetta l-volontà ta’ Alla u tkun sinċier u trasparenti fl-intenzjonijiet tiegħek. Aktar milli hi l-kontroll tal-impulsjonijiet, hi attitudni karatterizzata mid-dixxiplina tar-ruħ u tal-ġisem tagħna, kundizzjoni interjuri li nkunu għażilna b’libertà sħiħa. Il-kastità tersaq lejn dik li l-ħrieb tad-deżert kienu jsejħu l-“purità tal-qalb”. Hija mħabba mingħajr intenzjonijiet moħbija, imħabba ċara u pura, li tista’ titwassal b’diversi manjieri u mhux biss b’attvità sesswali.

Fil-Greċja antika kienu jħarsu lejn il-kastità bħala l-‘purità kulturali’, jiġifieri li tgħix il-kastità  hu li tkun tassew u sinċerament ta’ tenerezza, ħlewwa, imħabba, tkun ta’ qima u rispett, delikat, attent u lest biex tisma’. Għalihom din il-virtù hi xi ħaġa marbuta mal-idea ta’ totalità, ta’ milja intatta u mhux mimsusa u li toffri forza ġdida. Kienu jesiġuha mill-atleti, għax kienet tippermettilhom li jsibu s-saħħa li tant jeħtieġu. Ma kinux iqisu l-kastità bħala limitazjoni, imma mezz biex wieħed isir persuna sħiħa, mogħnija b’forzi kemm tar-ruħ kif ukoll u tal-ġisem.

Il-valur tal-kastità

Il-vot tal-kastità, li jistqarru r-reliġjużi u ċ-ċelibi konsagrati, għandu funzjoni partikulari fid-dinja tagħna, li hi senswalizzata b’mod eċċessiv. Il-persuni li jagħżlu li jkunu ċelibi, ma jagħmlux dan għax ma jħossux attrazzjoni għall-irġiel jew għan-nisa. Huma jħossu l-ġibda naturali lejn raġel jew mara bħalma jħossu l-oħrajn, imma jaraw wiċċ ieħor ta’ din l-imħabba. Ma jarawx fiha mħabba li tfittex li taħkem lill-oħrajn, li tagħmel lill-oħrajn oġġett li jaqdiha imma, għall-kuntrarju, li tħalli lill-oħrajn liberi. Ix-xewqa għal xulxin hawnhekkk issir għajn ta’ ispirazzjoni filwaqt li ma twassalx għal sesswalità li tħares biss lejn il-gost. Sesswalità korretta hi fejn il-persuni jġibu ruħhom b’mod miftuħ lejn xulxin, li jiskopru l-faxxinu ta’ xulxin u li tgħinhom fil-mixja tagħhom lejn it-tajjeb, mingħajr ma jippossedu lil xulxin fl-ebda waqt u bl-ebda mod. Din il-kultura ta’ mħabba bejn il-persuni tħalli l-ġid lil min iħaddanha. Kull persuna trid issib il-manjiera personali u intima tagħha biex tgħix il-kastità. Mhemmx mod ieħor aħjar minn dan biex wieħed ikun jista’ tassew jgħix il-ħajja sessswali tiegħu. U mhemmx obbligazzjoni li l-imħabba tiġi tradotta f’atti sesswali. Xorta waħda tista’ tkun sublimi fil-kreattività tagħha.

Jeżistu erba’ kundizzjonijiet biex il-kastità li tingħax fiċ-ċelibat tkun tista’ tirnexxi. L-ewwel, li niżviluppaw sens ta’ dak li hu sabiħ u tajjeb, fi kliem ieħor insegwu kultura ta’ mħabba lejn il-ħajja. Imbagħad li jkollna relazzjonijiet tajbin u ħbiberiji profondi mal-persuni. Ukoll, li niżviluppaw kreattività fis-sens wiesgħa tal-ħajja. Fl-aħħar, li jkollna spiritwalità mistika, li ma tikkuntentax li biss twieġeb għal dak li Alla jikkmanda, imma li nikkunsidraw lil Alla bħala dak li jimla’ x-xewqat tagħna ta’ mħabba. Dan ifisser ukoll li ngħixu l-imħabba fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu, Alla li sar bniedem, sar tad-demm u l-laħam. Ladarba ċ-ċelebat hu esperjenza ta’ ferħ, hu grazzja u barka mhux biss għar-reliġjużi u għal dawk li huma msejħa għaċ-ċelibat, imma wkoll għal kull stat ieħor fil-ħajja.

Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.