Tkunx l-iċċassat!

Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien! (S 133:1). Hekk għanna s-salmista tal-magħruf Salm 133 li min jaf kemm, ta’ postulant kappuċċin, għannejt ad nauseam!

Imma hu nausea dan l-għana? Iwa, meta dan is-Salm jgħinni ninfetaħ għall-Ispirtu s-Santu biex inneħħi minni dak li hu egoiżmu u kompetizzjoni ma’ ħuti. Meta, minflok ma narahom b’rigal nibda’ narahom problema tal-problemi. Hemmhekk importanti li jkun nausea ħa nirremetti dan il-ħmieġ u hekk niġi f’sensija. Għax x’hemm isbaħ milli ngħix fis-sliem u fil-ħelsien li jagħtini l-Mulej? U, jekk l-għana ta’ dan is-Salm se jwassalni għal din il-ħajja ġdida mela ejja ngħannih ad nauseam! Jiġifieri l-ħin kollu!

Jekk hemm xi ħaġa li toqogħdli sewwa fuq l-istonku ta’ ruħi u aqta’ kemm tagħmilli ħażin hi l-ġudizzju! Tassew li fraħt u iżżejt ħajr lill-Mulej li meta ħuna, Patri Mark Scicluna OFM Cap, qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu magħna l-patrijiet kapuċċini bħala saċerdot novell, nhar it-Tnejn 21 ta’ Ġunju 2020, il-vanġelu kien fuq il-ġudizzju! Hawn hu t-test f’każ li nsejnieh!


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom. Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk: “Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek”, meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!” (Mt 7:1-5).

Jaħraq hux! Imma veru! Hawn xi ħadd minna li jista’ jgħid lil ħuħ jew lil oħtha: “Ħa nneħħilek it-tibna min għajnek?” (Mt 7:4). Hawn xi hero li jagħmilha din il-biċċa xogħol? San Pawl għandu kumment eċċellenti fuq dan meta jgħid: L-aħwa, jekk xi ħadd jinqabad f’xi ħtija, intom li intom spiritwali, widdbuh bi spirtu ta’ ħlewwa; oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll (Gal 6:1).

U min minna mhux imġarrab? Mhux ilkoll ngħassdu? U niżbaljaw? Mhux kollha għandna tagħna quddiem il-Mulej? Mela, biex inpoġġieha kif qalha tant tajjeb Patri Mark, “l-għaliex niffissaw?” Ibda’ biex fuq xulxin? X’mard ikrah hu dan? L-għaliex moħħna fl-iżbalji ta’ xulxin u idejna, minflok lesti biex ibierku u lesti biex jgħinu, dejjem lesti u ikkargati f’rankatura daqshiex biex, malli jogħla l-lukkett, arana inħaġġru lil xulxin bla ħniena? L-iċċassat vista m’għandux! Għax baqa’ imwaħħal! U min minna jrid jgħaddi ħajtu imwaħħal?

Sieħbi, tkunx l-iċċassat!

Patri Mario Attard OFM Cap