Ġwanni Pawlu II mar-Reliġjużi

Print Friendly, PDF & Email

FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ
QUDDIESA GĦAR-RELIĠJUŻI IRĠIEL U NISA

OMELIJ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’  San Pietru
It-Tnejn, 2 ta’ Frar 1981

Għeżież ħuti fil-Mulej!

1. Huwa tassew pjaċir profond li llum niltaqà magħkom, f’din il-Bażilika, intom reliġjużi rġiel u reliġjużi nisa, li tirrapreżentaw b’mod privileġġjat dak l-għana spiritwali, li hija, għat-tkabbir u d-dinamiżmu tal-Knisja ta’ Alla, il-ħajja kkonsagrata. Insellem ukoll lir-rappreżentanti tal-Bażiliki patriarkali, tal-Kolleġġjati ta’ Ruma, tal-Knejjes nazzjonali fil-Belt, il-Kulleġġ tal-Kappillani urbani, is-Seminarji Rumani, il-Kulleġġi eccleżjastiċi, l-Arċi konfraternitajiet u l-fidili kollha.

Din il-lsaqgħa qiegħda ssir f’rit li fil-liturġija mġedda tal-Konċilju Vatikan II, kisbet post u sinifikat partikolari: ninsabu miġburin biex niċċelebraw il-festa, li għaliha kienet restitwita – bħal ma ddikjara l-predeċessur tiegħi Pawlu VI -id-denominazzjoni tal-“Preżentazzjoni tal-Mulej”, u li “għandha tkun meqjusa, sabiex tkun pjenament milqugħa l-wisgħa kollha tal-kontenut tagħha, bħala tifkira magħquda tal-Iben u tal-Omm, jiġifieri ċelebrazzjoni ta’ misteru ta’ salvazzjoni mwettaq minn Kristu, li għalih il-Verġni kienet b’mod intimu magħquda bħala Omm tal-Qaddej ta’ Jahwè, bħala eżekutriċi ta’ missjoni li kienet tmiss lill-Iżrael il-qadim u bħala mudell tal-Poplu ta’ Alla l-ġdid, kontinwament ippruvat, fil-fidi u fit-tama, mit-tbatija u mill-persekuzzjoni” (Paolo VI, Marialis Cultus, 7).

2. Il-liturġija tallum terġà tippreżenta u tattwalizza “misteru” tal-ħajja ta’ Kristu fit-Tempju, ċentru reliġjuż tan-nazzjon Lhudi, li fih kienu jiġu ssagrifikati b’mod kontinwu annimali biex ikunu offruti lil Alla, jagħmel l-ewwel daħla tiegħu, umli u modesta, Dak li, skont il-profezija ta’ Malakija, kellu joqgħod bilqiegħda “biex jibni u jippurifika” (Ml 3,3), ib’mod partikolari l-persuni kkonsagrati għall-kult u għas-servizz ta’ Alla. Fit-Tempju jagħmel l-ewwel daħla tiegħu Dak, li “kellu jirrendi ruħu f’kollox simili għal ħutu, biex isir qassis il-kbir ħanin u fidil fil-ħwejjeġ li jirrigwardaw lil Alla, għall-iskop li jpatti għad-dnubiet tal-poplu” (Lh 2,1-7).

Is-salmista, waqt li jħabbar bil-quddiem tali miġja, jesklama mimli entużjażmu, waqt li jdur lejn it-Tempju stess: “Tellà bibienek, il-faċċati tiegħek, / itilgħu, bibien antiki, / u jidħol is-sultan tal-glorja. / Min hu dan is-sultan tal-glorja? / Il-Mulej qawwi u potenti, ? il-Mulej potenti fil-battalja / … il-Mulej tal-eżerċti huwa s-sultan tal-glorja” (Sal 24,7-10).

Imma s-“sultan tal-glorja” huwa, issa, daqsxejn ta’ tarbija ta’ erbgħin jum, li jiġi fit-Tempju biex ikun offrut lil Alla, skont il-preskrizzjoni tal-liġi ta’ Mosè.

Min hi fir-realta din it-tarbija li għadha titwieled? It-tweġiba għal tali domanda, fundamentali għall-istorja tad-dinja u tal-umanità hija mogħtija b’mod profetiku mix-xwejjaħ Xmun, li waqt, li jħaddan it-tarbija bejn dirgħajh, jara u jirrejalizza fiha “s-salvazzjoni” ta’ Alla, id-“dawl biex idawwal il-ġnus”, “il-glorja” tal-poplu Iżraelità, ir-rovina u l-qawmien ta’ bosta f’Iżrael, il-“ħolma ta’ kontradizzjoni”. Dan kollu huwa dik it-tarbija, li minkejja li huwa s-“sultan tal-glorja”, il-“Mulej tat-Tempju”, jidħol hemm għall-ewwel darba, fis-skiet, fil-moħbi u fil-fraġilità tan-natura umana.

3. Illum erbgħin jum wara s-sollennità tat-Twelid ta’ Ġesù, bil-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, il-liturġija diġa feħsiebha ddawwal, quddiemna, il-prospettiva tal-vġili tal-Għid, li fih se jkun imbierek il-blandun, simbolu ta’ Kristu rxoxt, rebbieħ tad-dnub u tal-mewt.

Illum ukoll il-Knisja ġġegħlna nbierku x-xemgħat, li intom,għeżież ħuti, ġibtu magħkom b’ġest ta’ offertà, mimli b’sinifikat intern profond. Ix-xemgħa, li qegħdin iżżommu f’idejkom, hija qabel xejn is-simbolu ta’ Kristu, “glorja ta’ Iżrael u dawl tal-ġnus”, u wkoll simbolu tal-qawwa u l-missjoni messjanika tiegħu. Minħabba f’hekk aħna naqsmu flimkien mal-oħrajn dan id-dawl u feħsiebna nittrasferuh fl-atteġġjamenti kollha ta’ ħajjitna.

4. Din ix-xemgħa tirrapreżenta wkoll id-don tal-fidi, mgħaddas fikom fil-magħmudija mqaddsa, li fiha kontu offruti u kkonsagrati lit-Trinità Qaddisa. Imm din ix-“xemgħa”, f’idejkom ta’ reliġjużi rġiel u nisa, trid tfisser, b’mod partikolari, dik l-għażla inkondizzjonata, li itom għamiltu ta’ Kristu, dawl ta’ ħajjitkom, fid-don definittiv u totali tagħkom infuskom, billi ddedikajtu lilkom infuskom għall-ħajja reliġjuża, li hija forma iktar perfetta tal-konsagrazzjoni tal-magħmudija: “Il-membri ta’ kwalunkwè Istitut – jiddikjara l-Konċilju Vatikan II – jiftakru qabelxejn li għandhom iwieġbu għas-sejħa divina bil-professjoni tal-pariri evanġeliċi, b’mod li huma, mhumiex biss mejtin għad-dnub, imma waqt li jirrinunzjaw ukoll għad-dinja, jgħixu għal Alla biss. Ħajjithom kollha, infatti, hija mqiegħda għas-servizz ta’ Alla, u dan jikkostitwixxi konsagrazzjoni battesimali speċjali, u din issir espressjoni iktar perfetta” (Perfectae Caritatis, 5).

Intom għalhekk imsejħa għal imitazzjoni partikolari ta’ Ġesù u għal xhieda ħajja tal-esiġenzi spiritwal tal-Vanġelu fis-soċjetà kontemporanja. U jekk ix-xemgħa, li qegħdin iżżommu f’idejkom, hija wkoll simbolu ta’ ħajjitkom, offruta lil Alla, din għandha tikkonsma ruħha kollha kemm hi għall-glorja tiegħu.

5. Intom imsabbra, mgħejjuna u xprunati għal din l-imitazzjoni u għal din ix-xhieda tal-atteġġjament intern eżemplari tal-persuni, li dwarhom ikellimna l-Vanġelu tallum: tal-imħabba siekta u tenera ta’ San Giuseppe; tal-fidi qawwija u kostanti tax-xwejjaħ Xmun; tal-fedeltà kontinwa u oranti tal-profetezza anzjana Anna; imma, fuq kollox, tad-disponibiltà assoluta u totali tal-Verġni Santissma, protagonista, flimkien mal-Iben, ta’ dan il-misteru ta’ salvazzjoni, li jorjenta l-episodju tal-Preżentazzjoni fit-Tempju lejn il-ġrajja feddejja tas-Salib. Il-Knisja stess – kiteb Pawlu VI – “għarfet fil-qalb tal-Verġni, li ġġib lill-Iben f’Ġerusalem biex tippreżentah lill-Mulej, rieda altruwistika, li kienet tissupera s-sens ordinarju tar-rit” (Pawlu VI Marialis Cultus, 20).

Intom ukoll, ħuti, għeżież, għandkom dejjem tikkonservaw intatta dik ir-“rieda altruwistika”, li biha weġibtu b’mod ġeneruż għall-istedina ta’ Gesù biex issegwuh iktar mill-qrib, fit-triq lejn il-Kalvarju, permezz tal-irbit sagru, li Miegħu jgħaqqadkom b’mod singolari fil-kastità, fil-faqar u fl-ubbidjenza: dawn il-voti jikkostitwixxu sintesi, li fiha Kristu jixtieq jesprimi lilu nnifsu, billi jinterpreta – permezz tat-tweġibiet tagħkom -ġlieda deċiżiva kontra l-ispirtu ta’ din id-dinja. Il-kastità, imħaddna għas-saltna tas-smewwiet (cf. Mt 19,12), tirrendi libera b’mod speċjali l-qalb tal-persuna (cf. 1Kor 7,32ss), hekk li tixegħlha b’mod dejjem ikbar bil-karità lejn Alla u lejn l-aħwa; il-faqar imħaddan b’mod volontarju biex dak li jkun isegwi lil Kristu, jirrendi parteċipi f’dik il-povertà ta’ Kristu, li mill-għana li kien fiha għamel lilu nnifsu fqir għall-imħabba  tagħna, Għall-iskop li jagħmilna għonja bil-faqar tiegħu (2Kor 8,9; Mt 8,20); l-ubbidjenza, li permezz tagħha toffru lil Alla l-konsagrazzjoni sħiħa tar-rieda propja bħala sagrifiċċju tagħkom infuskom, tingħaqad mar-rieda feddejja ta’ Alla (cf. Perfectae Caritatis, 12-14).

Imma propju minħabba din l-għażla hekk radikali, intom sirtu, bħal Kristu u bħal Marija, “sinjal ta’ kontradizzjoni”, jiġifieri sinjal ta’ diviżjoni, ta’ ksur u ta’ kolliżjoni fil-konfront tal-ispirtu tad-dinja, li jimponi l-għan u l-feliċità tal-bniedem fil-għna, fil-pjaċir u fl-awtoaffermazzjoni tal-individwalità propja.

6. Illum, waqt li b’mod mutwu nikkomunikaw u naqsmu d-“dawl”, li jiddi mix-xemgħat, ejjew naħsbu fir-reliġjużi kollha irġiel u nisa, mifruxa mad-dinja kollha, ejjew nitolbu b’mod qawwi għalihom, sabiex, kull fejn jinsabu u jaħdmu, jiddu verament b’dan id-dawl li huwa Kristu, u jkunu dejjem sinjal awtentiku tal-Vanġelu tiegħu u tal-Ispirtu tiegħu!

Jalla r-reliġjużi rġiel u nisa kollha jkunu jafu joffru lilhom infushom flimkien ma’ Kristu, bħala fjamma li tikkonsma ruħha fl-imħabba! Jalla jgħixu Bih u Għalih, fil-Knisja u għall-Knisja! U Marija Santissma tmexxijom għal din l-intimità dejjem ikbar ma’ Binha, billi tanteċipahom fit-triq tas-sagrifiċċju u tad-donazzjoni. Marija tkun dejjem l-eżempju tagħkom, il-mudell tagħkom, il-qawwa tagħkom, għeżież ħuti. “Din il-Mara – bħal ma għidt f’okkażjoni oħra – issir ukoll, minħabba l-assoċjazzjoni tagħha ma’ Binha, sinjal ta’ kontradizzjoni għad-dinja u, fl-istess ħin sinjal ta’ tama… Din il-Mara, li ikkonċepit spiritwalment qabel ma kkonċepit fiżikament; din il-Mara, li kienet inserita b’mod intimu u rrevokabbli fil-misteru tal-Knisja u li teżerċità maternità spiritwali fil-konfront tal-ġnus kollha…Din il-Mara… hija l-ikbar espressjoni ta’ konsagrazzjoni totali lil Ġesù Kristu” (Ġwanni Pawlu II Discorso alle Religiose, Washington, 7 ottobre 1979 Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II, 2 [1979] 677-682).

Dawn huma l-awgurju u l-barka tiegħi.

Amen, Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.