Ġwanni Pawlu II f’Ostiense

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI LILL- PARROĊĊA TA’ SANTA GALLA

OMELIJA TAL-QDUSIJSA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Ruma, Kwartier Ostiense – Garbatella
Il-Ħadd, 25 ta’ Jannar 1981

1. “Il-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi” (Sal 27,1).

Dan il-kliem tas-Salm responsorjali huwa fl-istess ħin stqarrija ta’fidi u espressjoni ta’ ferħ:  fidi fil-Mulej u f’dak imdawwal li huwa jirrapreżenta għal ħajjitna; ferħ għall-fatt li Huwa hu dan id-dawl u din il-fidwa, li fiha aħna nistgħu insibu sikurezza u impuls għall-mixja tagħna ta’ kuljum.

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: b’liema mod huwa l-Mulej id-dawl u l-fidwa tagħna? Mela, Huwa jsir dan mill-Magħmudija tagħna, li fiha japplikawlna l-frott infinit tal-imbierka mewt tiegħu fuq is-salib: allura jsir “għalina għerf, ġustizzja, qdusija u redenzjoni” (1Kor 1,30). Propju għall-imgħammdin, konxji mill-identità tagħhom ta’ salvati, jgħodd fil-milja tiegħu il-kliem tal-ittra lill-Efesin: “Jekk darba kontu dlam, issa intom dawl fil-Mulej. Għalhekk ġibu ruħkom bħala wlied id-dawl; il-frott tad-dawl jikkonsisti f’kull tjubija, ġustizzja u verità” (Ef 5,8-9).

Imma l-ħajja nisranija, għeżież ħuti, mhix biss att individwali u privat.  Din trid tiżvolġi fuq livell komunitarju u wkoll pubbliku, ladarba s-salvazzjoni tal-Mulej hija “mħejjija quddiem il-poplu kollu, dawl biex idawwal il-ġnus” (Lc 2,31-32). Mela, il-parroċċa hija l-komunità li fiha l-Mulej isir dawl u salvazzjoni ta’ kull wieħed u waħda u ta’ kulħadd għal xhieda komuni għas-soċjetà.

Irrid hawn, għalhekk, inwassal it-tislima kordjali tiegħi lilkom ilkoll tal-parroċċa ta’ Santa Galla f’Garbatella, li intom parti ħajja tal-familja dijoċesana kbira ta’ Ruma. Flimkien mal-Kardinal Vigarju u mal-Isqof taż-żona Clemente Riva, insellem lir-rgħajja żelanti ta’ rwieħkom: il-Kappillan u l-kollaboraturi tiegħu. Magħhom ngħaqqad lill-komponenti ta’ min ifaħħarhom tal-familji reliġjużi, maskili u femminili preżenti u operanti fil-parroċċa. B’mod speċjali irrid insemmi lill-membri tal-Assoċjazzjonijiet kollha Kattoliċi mpenjati fl-attenzjoni pastorali u fit-tkabbir spiritwali tal-komunità kollha: in-nisa, l-irġiel, iż-żgħażagħ. Dawn tal-aħħar, b’mod speċjali, jafu kemm il-Papa jistenna minnhom: mill-entużjażmu tagħhom, mill-ġenerożità tagħhom, mill-intelliġenza tagħhom. Il-parroċċa ta’ Santa Galla hija numeruża ħafna; għalhekk hemm spazju għall-impenn ta’ kulħadd, b’mod speċjali tal-iktar disponibbli biex jikkonformaw ruħhom maġġorment ma’ Kristu Sidna, li huwa dawl u salvazzjoni għall-bnedmin kollha. Għalhekk, waqt li nifraħ għall-attivitajiet differenti tagħkom, ninkuraġġikom ukoll paternament biex tkomplu bi fraternità u perseveranza kbira fit-twettiq tagħhom għall-vantaġġ komuni.

2. Il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd jurina kif Kristu sar b’mod storiku, fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu, id-dawl u s-salvazzjoni tal-poplu li għalih intbagħat. Waqt li jikkwota lill-profeta Iżaija, (Iż 9,1), l-evanġelista Matttew jgħidilna li dan il-poplu kien “mgħaddas fid-dlamijiet… fl-art u fid-dell tal-mewt”; imma hu fl-aħħarnett “ra dawl kbir”. Wara li l-glorja tal-Mulej diġa f’Betlem kienet dawret bid-dawl lir-rgħajja bil-lejl (cf. Lq 2,9), fl-okkażjoni tat-twelid ta’ Ġesù, din hija l-ewwel darba li l-Vanġelu jitkellem dwar dawl li wera ruħu lil kulħadd. Infatti meta Ġesù, wara li kien ħalla Nażżaret u kien mgħammed fil-Ġordan, imur Kafarnaw biex jagħti bidu għall-ministeru tiegħu pubbliku, dan huwa bħallikieku tieni twelid, li jikkonsisti fl-abbandun tal-ħajja privata u moħbija biex itiha għall-impenn totali ta’ ħajja mogħtija lil kulħadd, sas-sagrifiċċju suprem tiegħu nnifsu. U Ġesù f’dan il-waqt, isib ruħu f’ambjent ta’ dlamijiet, li mill-ġdid ħakmu lill-Iżrael bl-arrest ta’ Ġwanni l-Battista, il-prekursur.

Però Mattew jgħidilna wkoll li Ġesù minnufih dawwal xi rġiel b’mod effikaċi, “waqt li kien miexi għal għonq ix-xatt tal-baħar tal-Galilea” jiġifieri fuq xatt il-Lag ta’ Ġenesaret. Din hija s-sejħa tal-ewwel dixxipli, l-aħwa Xmun u Indri, u mbagħad taż-żewġ aħwa, Ġakbu u Ġwanni, ilkoll ħaddiema mogħtija għas-sajd. “Huma minnufih telqu id-dgħajsa u lil missierhom u marru warajh”. Bla dubju inħakmu mill-faxxinu tad-dawl sigriet li minnu kien joħroġ, u bla tlaqliq segwewh biex idawlu mid-dawl tiegħu il-mixja ta’ ħajjithom. Imma dak ta’ Ġesù huwa dawl li jiddi għal kulħadd. Infatti, huwa jgħarraf lilu nnifsu lill-kompajżani tiegħu tal-Galilea, kif ifakkar l-evanġelista, “billi għallem fis-sinagoga tagħhom u billi ppriedka l-bxara t-tajba tas-saltna u billi fejjaq kull xorta ta’ mard u ta’ diżabiltà fil-poplu”. Kif nistgħu naraw, dan tiegħu huwa dawl li jillumina u wkoll isaħħan, għalhekk ma jillimitax ruħu li jispira l-menti imma jintervieni wkoll biex jifdi sitwazzjonijiet ta’ bżonn materjali. “Għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq” (At 10,38).

3.Waħda mill-ikbar konkwisti ta’ dan id-dawl kienet dik ta’ Sawlu ta’ Tarsu, l-Appostlu Pawlu, li tal-konverżjoni tiegħu l-liturġija tfakkar propju llum, il-25 ta’ Jannar. Bil-każ personali propju f’moħħu, huwa kellu jikteb hekk lill-Korintin: “U Alla li qal: “Ħa jiddi d-dawl mid-dlamijiet”, idda fi qlubna, biex idawwal l-għarfien tal-glorja divina li tiddi fuq il-wiċċ ta’ Kristu” (2Kor 4,6; cf. At 9,3). Dan id-dawl, ikolli ngħid jiddi b’mod partikolari fuq il-wiċċ ta’ Kristu msallab, “Mulej tal-glorja” (1Kor 2,8), li minnu l-Appostlu kien mibgħut biex jippriedka l-Vanġelu tas-Salib (cf. 1Cor 1,17; 2,2).

Dan jgħidilna xinhi konverżjoni: Illuminazzjoni speċjali, li ġġibek tara lil Alla b’mod ġdid, lilna nfusna u lil ħutna. Hekk, b’modi differenti, Ġesù Kristu jgħarraf lilu nnifsu lil bnedmin differenti u lis-soċjetajiet tul il-korsa taż-żmien u fil-postijiet differenti. Dawk li jsegwuh, dan jagħmluh għaliex Fih sabu d-dawl u s-salvazzjoni: Il-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi”.

U intom ukoll, għeżież ħuti, issegwu lil Kristu? Għaraftuh tassew? Tafu u intom konvinti għal kollox li Hu huwa d-dawl u s-salvazzjoni tagħna u ta’ kulħadd? Dan huwa għarfien li ma jimproviżżax ruħu; hemm bżonn neżerċitaw ruħna kuljum, fis-sitwazzjonijiet konkreti li fihom tinsabu kull wieħed u waħda minnkom. Talinqas wieħed jistà jipprova jġib dan id-dawl fl-ambjent tal-ħajja u tax-xogħol propju u jħalli li dan idawwal kull ħaġa u jħares lejn kull ħaġa billi jisserva biha. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-morda u għall batuti, ladarba, jekk hu minnu li d-dulur iseħħ fid-dlam, allura ferm iktar jikkonferma l-verità tal-istqarrija ferrieħa tas-salmista: “Int Mulej, int dawl għall-musbieħ tiegħi; Alla tiegħi jdawwal id-dlamijiet tiegħi” (Sal 18,29). Imma dan jgħodd għal kulħadd:Infatti, Kristu huwa dawl u salvazzjoni tal-familji, tal-miżżewġin, taż-żgħożija, tat-tfal, u mbagħad ukoll ta’ dawk kollha li jeżerċitaw professjonijiet differenti: għat-tobba, għall-impjegati, għall-ħaddiema; kull waħda minn dawn il-kategoriji, ukoll jekk b’modi differenti, teżerċita servizz għall-oħrajn u mit-totalità tirriżulta soċjetà ordnata u armonjuża sewwa. Imma sabiex kollox imur sewwa, mingħajr frizzjonijiet jew konflitti, hemm bżonn li kull wieħed u kull waħda jkunu jafu jgħidu lill-Mulej b’umiltà u b’xewqa: “Musbieħ għall-passi tiegħi hija kelmtek, dawl f’mixjieti” (Sal 119,105). Dan ikun possibbli jekk flimkien u bl-ikbar reqqa tiġi migħuxa l-ħajja parrokkjali, fejn kull wieħed u waħda jirċievu l-ikel mingħand kulħadd u lkoll jikkontribwixxu għat-tkabbir ta’ kull wieħed u waħda.

4. Nerġgħu għal darboħra nmorru lura għas-salm responsorjali tal-Quddiesa biex nagħmlu analisi profonda tal-kontenut tiegħu.

Mill-ewwel kliem nitgħallmu li d-dawl u s-salvazzjoni huma f’kuntrast mal-biżà u mat-twerwir.
“Il-Mulej huwa difiża ta’ ħajti, / minn min għandi nibżà? / Huwa joffrili post tal-kenn / fil-jum tal-iżventura tiegħi””.

Bdanakollu kemm biżà jagħfas fuq il-bnedmin ta’ żminijietna! U inkwiet multiplu, ikkaratterizzat appuntu mill-biżà tal-futur, minn awtodistruzzjoni tal-umanità, u mbagħad ukoll, iktar inġenerali, minn ċertu tip ta’ ċiviltà materjalistika, li timponi s-supremazija tal-ħwejjeġ fuq il-persuni, u iktar mill-biżà li jisfgħu vittmi ta’ abbużi u oppressjonijiet li jċaħħdu l-bniedem mil-libertà interna u esterna tiegħu. Mela, Kristu biss jeħlisna minn dan kollu u jippermettilna li nogħlew b’mod spiritwali, li nerġgħu nsibu t-tama, li nafdaw fina nfusna bil-qies li bih nafdaw Fih: “Ħarsu lejh u tkunu raġġjanti” (Sal 34,6).

Flimkien ma dan, kif tissuġġerixxi t-tieni strofa, titnissel ix-xewqa li nistgħu “Ngħammru f’dar il-Mulej” (Sal 27,4).

“Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, / din bisss infittex jien: / li ngħammar f’dar il-Mulej / il-jiem kollha ta’ ħajti, / biex induq il-ħlewwa tal-Mulej / u nammira s-santwarju tiegħu”.

Dan xi jfisser? Ifisser, qabel xejn il-kundizzjoni nterna tar-ruħ fil-grazzja santifikanti, li permezz tagħha l-Ispirtu Santu jgħammar fil-bniedem; u mbagħad ifisser tibqà fil-Knisja u tieħu sehem f’ħajjitha. Propju hawn, infatti, wieħed jeżerċita b’abbundanza dik il-“ħniena”, li dwarha jitkellem is-Salm u li kienet it-tema tal-aħħar ittra enċiklika tiegħi; hawn kull wieħed u waħda jistgħu itennu flimkien mas-salmista, sikur li se jkun mismugħ: “Ftakar fija fi ħnientek, għal tjubitek, Mulej” (Sal 25,7).

Fl-aħħarnett, aħna orjentati lejn l-aħħar tama, li tagħti lill-eżistenza kollha tan-nisrani id-dimensjoni sħiħa tagħha.

“Jiena sikur li nimmedita tjubit il-Mulej / fl-art tal-ħajjin. / Ittama fil-Mulej, kun sod, / qawwi qalbek u ttama fil-Mulej”.

In-nisrani huwa bniedem ta’ tama kbira, u propju fiha jirrifletti ruħu dak id-dawl u titwettaq dik is-salvazzjoni, li huwa Kristu. Huwa, infatti, “jiggwida lill-umli skont il-ġustizzja, jgħallem lill-fqajrin it-toroq tagħhom” (Sal 25,9).

5. Għeżież ħuti, illum tagħlaq ukoll il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara. F’dawn il-jiem tlabna għar-rikompożizzjoni tad-denominazzjonijiet insara kollha, li nfirdu tul il-korsa tas-sekli. Aħna nafu li Kristu huwa uniku, u “indiviżibbli”, kif jipproklama San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin: “…Inħeġġiġkom għalhekk, ħuti, f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, biex tkunu lkoll unanimi f’diskorskom, sabiex ma jkunx hemm qsim fostkom, imma tkunu f’għaqda perfetta ta’ ħsieb u ta’ intenzjonijiet” (1Kor 1,10). Dan huwa kliem partikolarment indirizzat lilna għall-jum li fih nikkonkludu din l-ottava ta’ talb. U hemm bżonn li nqegħduha fil-prattika l-ewwel aħna stress. Imma hemm bżonn li dejjem il-komunitajiet kollha u l-parroċċi nitolbu flimkien b’żelu f’tali spirtu – ilkoll u kull wieħed u waħda! Skont il-Vanġelu ta’ Ġwanni, it-talba ta’ Ġesù fl-aħħar Ċena għandha din l-invokazzjoni ċentrali: “Li jkunu lkoll ħaġa waħda. Bħal ma int, Missier, inti fija u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll fina ħaġa waħda, sabiex id-dinja tagħraf li inti bgħattni” (Ġw 17,21). Hemm bżonn nagħrfu li għal din ix-xewqa suprema tal-Mulej l-insara, fil-korsa taż-żmien, ma onorawhiex, u sallum għadhom jeżistu dawk ix-xiżmi li Ġesù beżà minnhom u li ma jagħtux xhieda tajba lid-dinja. L-intenzjoni tat-talb tal-ġimgħa li għaddiet huwa espress bil-kliem tal-Appostlu Pawlu: “Spirtu wieħed, doni differenti, Ġisem wieħed” (cf. 1Kor 12,3b-13). Hekk reġà kien propost l-ideal li għandna nsegwu bla naqtgħu fil-konkretezza ta’ kuljum: dak li flimkien niffurmaw l-uniku Ġisem ta’ Kristu, li huwa fl-istess ħin wieħed u multiplu, ifformat b’mod varju u wkoll ordnat b’mod armoniku. Ħaġa waħda hija ċerta: l-attwazzjoni ta’ din l-opra tistà turi lil kulħadd il-verità tal-kliem tas-salm tal-liturġija tallum:
“Il-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi”.

Fih biss il-Knisja tistà ssib mill-ġdid l-għaqda propja u, sa ċertu punt, tibqà magħquda minkejja d-diviżjonijiet storiċi kollha tagħha.

Għeżież, dan qabel kollox nawgura lilkom: li l-Komunità parrokkjali tagħkom ta’ Santa Galla twettaq fl-intern tagħha komunjoni reċiproka simili, magħmula minn fraternità u minn impenn dinamiku, hekk li tisperimenta s-sbuħija li tifforma familja waħda biex toffri xhieda nisranija awtentika u effikaċi. Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.