Fid-dinja ssib xi persuni li għandhom don kbir. Diffiċli tiddiskrivieh. Imma meta jinqalagħlek xi nkwiet jew xi problema, l-istint tiegħek jgħidlek biex tirrikorri għand wieħed minn dawn il-persuni. Mhux bil-fors ikun xi ħadd ta’ professjoni, bħal qassis jew psikjatra. Tista’ tkun mara tad-dar, li aktarx kellha ċerta trobbija. Hans kien wieħed minn dawn il-persuni, u ftit ilu, meta kelli xi jtaqqalli moħħi, ċempiltlu. Qalli biex immur dak il-ħin stess.
Wasalt u sibt kikkra kafe’ sħuna tistennieni. Wara siegħa, l-problema baqgħet hemm, imma bdejt nara xaqq dawl f’tarf il-mina. Tul dan il-ħin, Hans kien fuq petruna, saqajh it-tnejn fuq banketta, u b’idejh magħqudin wara rasu. Bil-kemm lissen kelma. Aktar qagħad jisma’ b’attenzjoni, u jagħti każ, kif bl-Ingliż jgħidu caring. Ġietni kurżita’ u saqsejtu: “Kull meta jinqala’ l-maltemp, Hans, int taf kif iġġib il-kalma. Ma naħsibx li dan riżultat ta’ ċertu eta’ u esperjenza biss. Il-kalma u l-paċi li nara fik naħseb li għandhom għeruq aktar fondi. X’inhu s-sigriet ta’ dan?” Qam minn fejn kien, u resaq lejn xkaffa mal-ħajt. Ġibed xi ħaġa u qalli:
“Is-sigriet jinsab f’din il-kaxxa. Il-kontenut ta’ ġo fiha ilu għandi aktar minn tletin sena. Dak iż-żmien jien kelli negozju tajjeb. Kont nagħmel ħafna flus u nonfoq bl-addoċċ. Iżżewwiġt lil Greta mhux għax kont inħobbha imma għax kont kburi bija nnifsi. Mela sena waħda in-negozju beda jtini bil-ħarta sakemm, filli kont miljunarju u filli spiċċajt bla sold. Kelli gabuba li kienet l-unika waħda f’xatt ramli. Ta’ spiss fis-sajf Greta u jien konna nqattgħu ftit jiem hemm għall-mistrieħ. Issa mort waħdi hemm flimkien ma’ tlett fliexken whisky. Wara tlett ijiem fis-sakra u raqda twila, qomt biex niffaċċja r-rejalta. Ħarist fil-mera u tqażżist u stmerrejt lili nnifsi. Inħakimt mid-disperazzjoni. Bdejt inħoss li fallejt bħala bniedem u bħala raġel miżżewweġ. Ikun aħjar għal kulħadd li jien inwarrab min-nofs.
Ħriġt barra fuq ir-ramel. Kien għadu d-dlam u kien qam il-maltemp matul il-lejl. Ħsibt li jekk ngħum ‘il barra kemm niflaħ sa ma negħja, ma nkunx nista’ nerġa’ lura.”
Ħa nifs qawwi, fil-waqt li qam, qabad il-pipa u beda jimliha bit-tabakk. Jien bqajt imbellaħ għax qatt ma bsart li Hans kien għadda minn esperjenza bħal din.
“Bdejt riesaq lejn l-ilma,” kompla, “meta f’daqqa waħda, mal-ewwel tbexbix tal-jum, xi ħaġa bdiet tleqq fuq ir-ramel.” Hawn fetaħ il-kaxxa u qalli: “Din.” Kienet arzella tawwalija. “Bqajt inħares lejha. Il-mewġ salvaġġ beda jaħbat għaliha, imma hi baqgħet ankrata u soda fir-ramel, u la r-riħ, la x-xita u la l-mewġ ma kellhom il-ħila iħarrkuha jew ifarrrkuha. Din l-arzella aċċettat dawn il-forzi kontriha, imma ma ċedietx għalihom. Fakkritni x’kont għamilt jien dawn l-aħħar jiem: niġġieled kontra l-forzi tax-xorti li kienet messitni, meta kien missni naċċetta b’ċertu fidi, u nittama li stajt nerġa’ nibda mill-ġdid. Ma nafx kemm domt hemm inħares lejn din l-arzella. Fl-aħħar ġbarta mir-ramel, ħadtha miegħi id-dar, u għada hawn sal-lum.”
“Dal-messaġġ mill-baħar salvalek ħajtek,” għidtlu jien, fil-waqt li ersaqt lejh ħa nara l-arzella aktar mill-qirb. “Taf x’jisimha?” “Iva”, weġibni. “Ġwejnaħ l-anġlu!”
Minn Edwards Tagliaferro