Il-Papa jitlob lill-Kattoliċi fil-Brażil biex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

 Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-komunikaturi Kattoliċi fil-Brażil biex ikunu “strumenti ta’ rikonċiljazzjoni u unità” f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ pandemija li laqtet bil-kbir lill-pajjiż.

F’messaġġ indirizzat lill-parteċipanti fit-12-il “Mutirão de Comunicação”, laqgħa annwali ta’ komunikaturi Kattoliċi ko-organizzata mill-Konferenza Episkopali tal-Brażil (CNBB), il-Qdusija Tiegħu, enfasizza li l-Insara huma msejħa biex ikunu “sinjal ta’ tama u ta’ solidarjetà” fis-soċjetà Brażiljana. Dan jimplika li jridu jkunu “strumenti ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni, li hija l-missjoni tal-Knisja fil-Brażil, issa aktar minn qatt qabel”. Il-Papa għamel ukoll enfasi fuq it-tensjonijiet politiċi u soċjali li għaddej minnhom l-pajjiż u li dawn qegħdin jaqsmu u jżidu fil-kriżi li minnha għaddej il-pajjiż. Huwa għalhekk li “l-komunikaturi Nsara għandhom ikunu fuq quddiem fil-promozzjoni ta’ komunikazzjoni li tibni l-pontijiet, tfittex id-djalogu u tegħleb il-kontradizzjonijiet ideoloġiċi”.

Il-messaġġ, iffirmat mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, enfasizza d-dmir primarju tagħhom “li jkunu xhieda tal-verità”, u fakkar li għandhom ikunu responsabbli għall-komunikazzjonijiet li jagħmlu, l-informazzjoni li jaqsmu, l-kontroll li jesponu meta aħbar tkun fake news.

Għal din il-laqgħa annwali kien hemm il-fuq minn 5,600 parteċipant. Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-07/pope-brazil-message-catholic-communicators-meeting.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.