Fiduċja f’Alla u fina nfusna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 2 ta’ Awwissu 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi  tal-Quddiesa tat-Tnejn tat-Tmintax-il Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Agħtuhom intom x’jieklu”. Dan kien il-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli, u nista’ nimmaġina x’għadda minn moħħhom. Dawn id-dixxipli kienu raw dik il-folla ta’ nies, kien qed isir il-ħin, kien post imwarrab, u allura lil Ġesù qalulu: ta’ min jitilqu u jmorru fl-irħula ħa jixtru x’jieklu. Kienu preokkkupati meta raw dik il-folla ta’ nies.  U Ġesù ħareġ b’waħda tajba; qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”.

Jien naħseb li dawn bdew jgħidu: Dan bis-serjetà? Dan jaf x’qed jgħid? Ħames ħobżiet u żewġ ħutiet li kellhom lanqas titma’ erbgħa min-nies, aħseb u ara dawk l-eluf!

Nixtieq li ninnutaw x’għamel Ġesù, kif għamel dan il-miraklu kbir. Ġesù ried li jagħtuh il-ftit li kellhom, u li kienu lesti biex joffruh: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Seta’ qalilhom: żommuhom, issa naħseb jien, għax dawn x’inhuma, ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet għal dawn in-nies kollha! Imma ma għamilx hekk. Ħa l-ftit, apprezza l-ftit li kellhom, ma warrabx il-ftit tagħhom; u ħadu, talab, bierek, u qassam; imbagħad tahom lid-dixxipli biex iqassmuhom lin-nies. U mhux biss kien hemm biżżejjed għal kulħadd, imma kien hemm iżżejjed ukoll. Kien fadal ħafna.

Dak inhar id-dixxipli tgħallmu ħafna affarijiet. F’Ġesù setgħu jaraw il-qawwa li kellu li joħloq, u anke l-ġenerożità kbira. Imma mbagħad żgur li baqgħu f’moħħhom u f’qalbhom speċjalment dawn iż-żewġ affarijiet. L-ewwel nett, il-fiduċja kbira fih, li hu jista’ jagħmel xi ħaġa u jagħmel xi ħaġa kbira. Imma wkoll il-fiduċja fihom infushom, għax Ġesù ried li jagħtuh il-ftit li kellhom, u minnu jagħmel xi ħaġa kbira u sabiħa u ġeneruża għal ħafna. Għalhekk tgħallmu kemm hi importanti l-fiduċja fih, imma wkoll fihom infushom. Hu jrid is-sehem tagħhom. Fil-fatt, dak li qal Ġesù fil-bidu, għamluh id-dixxipli. Fil-bidu qalilhom “agħtuhom intom x’jieklu”, u spiċċaw biex huma newlulhom dak il-ħobż li kien frott il-barka u l-ġenerożità ta’ Ġesu, u newlu l-ikel lin-nies. Spiċċaw biex huma verament taw lin-nies x’jieklu.

Dawn hu messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Ġesù jrid li jkollna fiduċja sħiħa fih, li għandu l-qawwa li jibdel sitwazzjoni diffiċli ta’ dlam u jittrasformaha; imma wkoll fiduċja fina nfusna li nagħmlu dak li għandna nagħmlu u nagħtu s-sehem tagħna, anke jekk jidher dgħajjef jew il-forzi huma żgħar, jew nistgħu nagħmlu ftit. Kultant jiġrilna hekk fil-ħajja tagħna, li quddiem is-sitwazzjonijiet li nkunu fihom, qisna għandna ħames ħobżiet u żewġ ħutiet biex nitimgħu l-eluf ta’ nies. Inħossuna dgħajfa, il-forzi tagħna u dak li nistgħu nagħmlu huwa ftit ħdejn il-bżonnijiet kbar. Nistgħu nħossuna hekk fil-familja, fuq ix-xogħol, jew meta nkunu qed ngħinu lin-nies fil-bżonn u naraw tant nies li jeħtieġu l-għajnuna u dak li nistgħu nagħmlu hu verament ftit. Alla jrid dak il-ftit tagħna biex nippreżentawhulu, u minnu hu jagħmel xi ħaġa sabiħa u ta’ ġid għal ħafna.

Nitolbuh biex aħna dejjem nippreżentawlu l-isforzi anke dgħajfa tagħna, dak il-ftit li nistgħu nagħmlu. Nippreżentawhulu b’dik il-fiduċja li hu jibdlu, bil-qawwa tiegħu, f’xi ħaġa sabiħa u ta’ ġid għal ħafna, b’mod li dak li aħna ngħaddu lin-nies ikun frott tal-barka u tal-ġenerożità ta’ Alla.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: