Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ San Carlo u San Biagio Ai Catinari

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA
TAL-QADDISIN CARLO U BIAGIO AI CATINARI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 8 ta’ Frar 1981

1. “Intom il-melħ tal-art… Intom id-dawl tad-dinja…” (Mt 5,13.14).

Intenni bil-qalb kollha l-kliem tas-silta evanġelika tallum, u b’dan l-istess kliem nixtieq insellem lill-Parroċċa tal-qaddisin Karlu u Bjaġju “ai Catinari”. Għaliex b’dan il-kliem? Għaliex ippronunzjahom Kristu quddiem id-dixxipli tiegħu, u l-parroċċa hija appuntu l-komunità tad-dixxipli ta’ Kristu. Huwa b’dan il-kliem li Kristu ddefinixxa d-dixxipli tiegħu u, fl-istess ħin, tahom dmir: spjega kif għandhom ikunu, ladarba huma dixxipli tiegħu.

Inkwadrata f’din il-prospettiva, it-tislima tiegħi tmur, qabel kollox, lis-Sinjur Kardinal Carlo Confalonieri, dekan tas-Sagru Kulleġġ tal-Kardinali, għas-Sinjur Kardinal Ugo Poletti li, bħala l-ewwel kollaboratur tiegħi fil-pastorali dijoċeżana, jakkumpanjan dejjem fil-visti tal-Ħdud fid-diversi Parroċċi tal-Belt, u illum gie mal-Isqof Awżiljarju l-ġdid Mons. Filippo Giannini. Nixtieq imbagħad insellem lil ħuti l-oħra fl-Episkopat, il-kappillan P. Antonio Francesconi, li huwa wkoll superjur tal-Komunità reliġjuża lokali, magħmula mill-Figli Spirituali di Sant’Antonio Maria Zaccaria, magħrufin b’mod komuni bħala Barnabiti.

Din, kif tafu, hija Knisja taċ-ċentru storiku u hija biżżejjed din is-sejħa ambjentali biex minnufih dak li jkun jifhem il-profil soċju-reliġjuż tagħha: għan-numru mhux daqshekk għoli tal-fidili jikkorrispondu bosta strutturi u entitajiet ta’ karattru pubbliku u ta’ importanza mhux biss lokali, imma wkoll nazzjonali,  bħalma  fir-rigward tat-tipoloġija komposta u għall-“mobilità” tal-abitanti jsibu ma’ wiċċhom ċerti problem għall-assistenza u l-animazzjoni pastorali. Bħal kif se niftakru, intant, l-istituzzjonijiet kollha u l-persuni li joperaw fiż-żona? Ippermettuli biss li nsemmi, fost l-oħrajn, lill-Patrijiet Teatini tal-Bażilika viċina ta’ Sant’Andrea della Valle u l-Patrijiet Pallottini, li fid-dar tagħhom kont mistieden għal xi żmien fl-imbegħda sena 1946. Fost ir-reliġjużi nisa niftakar biss lill-Figlie della carità ta’ San Vinċenz de’ Paoli, li jaħdmu fl-Istitut Pontifiċju “San Clemente”. Niftakar, fl-aħħarnett, u nsellem, f’dak li jirrigwarda l-gruppi lajkali, l-opra Oasi favur l-aħwa Iżraeliti, il-grupp neokatekumenali, imwaqqaf riċentement qrib “San Salvatore al-Campo”, u fl-aħħar ta’ din ir-rassenja, neċessarjament mhix sħiħa, it-tislima tiegħi tmur għas-saċerdoti kollha u għal kull wieħed, reliġjużi u lajċi, inklużi fl-isfera ta’ din il-Komunità parrokkjali distinta.  Iż-żjara tiegħi trid twassal kelma ta’ pjaċir, ta’ nkuraġġiment u ta’ stimolu għall-impenn ta’ min ifaħħru u versatili ta’ xhieda ekkleżjali.

Nixtieq imbagħad nindirizza tislima ta’ mħabba lill-fidili tal-parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Kostantinopli f’Avellino, hawn preżenti mal-Kappillan tagħhom, li ġew Ruma fl-okkażjoni tal-ġemellaġġ tal-ewwel u t-tieni prefettura tad-dijoċesijiet Rumani mal-parroċċa tagħhom. U permezz tagħhom nibgħat, b’intensità ta’ sentiment partikolari, it-tislima tiegħi, l-awgurju tiegħi u l-assikurazzjoni tat-tifkira tiegħi u tat-talb tiegħi lil dawk li batew minħabba t-terremot ta’ xi xhur ilu.

2 Għaliex il-Mulej sejjaħ lid-dixxipli tiegħu “l-melħ tal-art”? Huwa nnifsu jagħti t-tweġiba, jekk inqisu, minn naħa, iċ-ċirkostanzi li fihom ippronunzja dan il-kliem u, mill-oħra, is-sinifikat immedjat tal-immaġni tal-melħ. Kif tafu, l-affermazzjon ta’ Ġesù hija nserita fid-Diskors tal-muntanja, li l-qari tiegħu imbeda nhar il-Ħadd li għadda bit-test tat-tminn Bejatitudnijiet: Ġesù, imdawwar b’folla kbira, qiegħed jgħallem lid-dixxipli tiegħu (cf. Mt 5,1), u propju lilhom, kważi f’salt wieħed, jgħid li mhux “għandhom ikunu”, imma li “huma” l-melħ tal-art. Ikollna ngħidu, insomma, li hu, mingħajr ma ovvjament eskluda il-kunċett ta’ dmir , jiddisinja kondizzjoni normali u stabbli tad-dixxipulat: ma intomx d-dixxipli veri tiegħu, jekk m’intomx iva l-melħ tal-art.

Faċli, minn naħa oħra, hija l-interpretazzjoni tax-xbiha: il-melħ huwa dik is-sustanza li tintuża biex tagħti togħma lill-ikel u biex jippreservah, ukoll mit-tinwir. Id-dixxiplu ta’ Kristu, mela, huwa melħ bil-qies li bih joffri verament lill-bnedmin l-oħra, anzi lis-soċjetà umana kollha, xi ħaġa li tapplika bħala ferment orali salutari, xi ħaġa li tħawwar u tittonifika. ‘l hemm mill-metafora, tali ferment ma jistax ikun għajr il-virtù jew, b’mod iktar eżatt, il-kumpless ta’ dawk il-virtujiet hekk sewwa indikati fis-serje preċedenti tal-Beatitudni.

Wieħed jifhem, allura, kif dan il-kliem ta’ Ġesù jgħodd għad-dixxipli kollha tiegħu. Huwa meħtieġ għalhekk li kull wieħed u waħda minna, kull wieħed u waħda minnkom, għeżież ħuti u wliedi, jifhem kif għandu jirreferihom għalih  innifsu.

Meta fit-tislima inizjali tiegħi ikkwotajt tali kliem programmatiku, kont qed naħseb appuntu fikom, u issa wara l-ispjega li għamiltilkom, għandkom tħossukom inklużi fiha intom il-parruċcani kollha. Mhux biss dawk l-hekk imsejħa “impenjati”, imma lkoll, u kull wieħed u waħda minnkom, mingħajr eċċezzjoni. Għaliex intom ilkoll dixxipli ta’ Kristu!

U issa t-tieni mistoqsija: Għaliex il-Mulej Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu “id-dawl tad-dinja”? Huwa nnifsu jaħtna it-tweġiba, dejjem a bażi taċ-ċirkustanzi indikati u għall-valur partikolari tal-immaġni. Dik tad-dawl, infatti, tippreżenta ruħha minnufih bħala kumplimentari u integrattiva fir-rigward tal-immaġni tal-melħ: jekk dan jissuġġerixxi l-idea tal-penetrazzjoni fil-profondità, dik tissuġġerixxi l-idea tad-diffużjoni fis-sens tal-estensjoni u tal-wisgħa, għaliex – ikolli ngħid bil-kliem tal-poeta kbir u nisrani Taljan – “Id-dawl rapidu /iroxx minn ħaġa għal oħra, u jqanqal il-kuluri varji / kull fejn jistrieħ” (A. Manzoni, La Pentecoste, vv. 41-44).

In-nisrani mela, biex ikun dixxiplu fidil ta’Kristu għalliem, għandiu jillumina bl-eżempju tiegħu, bil-virtujiet tiegħu, b’dawk l-“opri sbieħ” (kalà érga), li dwarhom jitkellem il-Vanġelu tallum (Mt 5,16) u li l-bnedmin huma kapaċi jaraw. Dan għandu propju jillumina għaliex huwa segwaċi ta’ dak li huwa “id-dawl veru, li jdawwal lil kull bniedem li jiġi f’din id-dinja” (Ġw 1,9) u li awtojiddefinixxi ruħu “dawl tad-dinja” (Ġw 8,12). It-Tnejn li għadda ċċelebrajna l-festa tal-“Kandlora”, li isimha eżatt huwa dak “tal-Preżentazzjoni tal-Mulej”. Miġjub tarbija fit-tempju, huwa kien imsellem b’mod profetiku mix-xwejjaħ Xmun bħala “dawl li jillumina l-ġnus” (Lq 2,32).

Issa, ma tgħidilna xejn din il-“persistenza tal-immaġni” fl-ottika tal-Evanġelisti? Jekk Kristu huwa dawl, l-isforz tal-imitazzjoni u l-konsistenza tal-professjoni nisranija tagħna ma jistgħu qatt jitwarrbu minn assimilazzjoni tiegħu ideali u fl-istess ħin reali.

Din it-tieni immaġni wkoll tikkostitwixxi sitwazzjoni normali u universali valida għall-ħajja nisranija: hija toffri u timpani bħala obbligu ta’ stat u għandu jkollha, għalhekk, attwazzjoni prattika u partikolariġġata b’mod tali li fiha jerġgħu jsibu ruħhom is-saċerdoti, ir-reliġjużi nisa, il-ġenituri, iż-żgħażagħ, l-anzjani, it-tfal u fuq kollox il-morda , is-solitarji u l-batuti. Bħal kulħadd dawn huma mistiedna biex isiru dixxipli ta’ Kristu, hekk ilkoll nistgħu u għandna nsiru, fil-konkretezza tal-opri tagħna, melħ u dawl għall-bnedmin l-oħra.

3. U issa ejjew nisimgħu l-istqarrija tal-veru dixxiplu ta’ Kristu.

Hawn hi, jitkellem San Pawl bil-kliem tal-ittra tiegħu lill-Korintin. Narawh, waqt li hu jippreżenta ruħu quddiem id-destinatarji tiegħu, u nisimgħu li għamilha “fi dgħufija u b’ħafna biża u antiċipazzjoni” (1Kor 2,3). Għaliex?

Dan l-atteġġjament ta’ “biżà u antiċipazzjoni” jitnissel mill-fatt li hu jaf li se jurta l-mentalità kurrenti, l-għerf purament uman u terren, issodisfat biss mill-ħwejjeġ materjali u mondani.

Huwa, iżda, jħabbar lil Kristu u lil Kristu Msallab, jiġifieri jippridka għerf li jiġi mill-ġħoli.

Biex jagħmel dan ta’ veru dixxiplu ta’ Kristu, jgħix b’mod intern il-misteru kollu ta’ Kristu, ir-realtà kollha tas-salib tiegħu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu. U jeħtieġ ninnutaw, barra minn dan, li hekk ukoll il-ħajja interna mifhuma ssir, kważi, b’mod naturali, dik li l-Appostlu jsejjaħ “ix-xhieda ta’ Alla” (1Kor 2,1). Insomma, fil-ħajja prattika, dixxiplu tassew għandu dejjem isir tali fis-sens tal-approvazzjoni nterna tal-misteru ta’ Kristu, li huwa xi ħaġa totalment “oriġinali”, mhix imħallta max-xjenza “umana” u bl-“għerf” ta’ din id-dinja.

Waqt li ngħixu f’din id-dinja, għandna bżonn bla dubju, li jkollna “għarfien” tiegħu u wkoll il-ħila li naġixxu fih. Però, hemm bżonn li fir-rigward għal dawn l-impenji ta’ natura lajka, il-fidi tagħna ma tkunx imsejsa fuq l-għerf uman, imma fuq il-qawwa ta’ Alla (1Kor 2,5).

4. Il-parroċċa – bħal ma għidt fil-bidu – hija l-komunità tad-dixxipli ta’ Kristu. Liema konsegwenzi prattiċi jmissna nisiltu mill-qari liturġiku tallum? Jiena jidhirli li għandhom ikunu dawn il-konsegwenzi tat-tislit; qabel kollox, l-approfondiment tal-fidi u tal-ħajja nterna; fit-tieni post, impenn serju fl-attività apostolika. “Sabiex (il-bnedmin) jaraw l-opri tajbin tagħkom, u jagħtu glorja lil Missierkom li huwa fis-smewwiet” (Mt 5,16); u fl-aħħarnett, il-prontezza fl-opra għall-oħrajn kif jgħid tant tajjeb l-ewwel qari bil-kliem ta’ Iżaija: “Aqsam ħobżok mal-imġewwaħ, daħħal f’darek lill-imsejknin, bla saqaf, libbes lil min hu għeri, mingħajr ma twarrab għajnejk minn fuq niesek. Allura d-dawl tiegħek jitlà bħas-sebħ, il-ġerħa tiegħek titfejjaq fis.

Quddiemek se timxi l-ġustizzja, il-gorja tal-Mulej issegwik. Allura inti ssejjaħlu u l-Mulej iwieġbek: titlob għajnuna u huwa jgħidlek: Hawn jien” (Iż 58,7-9).

5. Ippermettu issa li mill-kelma divina ta’ dan il-Ħadd, li flimkien immeditajna, jiena nislet l-aħħar konklużjonijiet u, fl-istess ħin, l-awguri kemm għall-Komunità nisranija tagħkom, kif ukoll għal kull wieħed u waħda minnkom. Qabel kollox, jiena nawgura li ġġeddu fikom l-għarfien personali u komunitarju: jiena dixxiplu – irrid inkun dixxiplu ta’ Kristu. Din hija, xi ħaġa meraviljuża: tkun dixxiplu ta’ Kristu! Issegwi s-sejħa tiegħu u l-Vanġelu tiegħu! Jiena nawguralkom li tkunu tistgħu tħossu dan b’mod iktar profond, u li l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom u ta’ kulħadd tassumi, grazzi għal dan l-għarfien, is-sinifikat sħiħ tagħha.

Fil-kliem ta’ Iżaija hemm inkluża wegħda partikolari: il-Mulej jismà lil dawk li jobduh. Huwa jwieġeb “Hawn jien” lil dawk li jsibu ruħhom quddiemu bl-istess prontezza u bl-imġieba tagħhom jgħidulu l-istess “hawn jien”. Jiena nawguralkom li r-rapport tagħkom ma’ Ġesù Kristu Sidna, redentur u mgħallem, ikun irregolat b’dan il-mod. Jiena nawgura li Kristu jkun magħkom, u li permezz tagħkom ikun mal-oħrajn: u li hekk tattwa ruħha l-vokazzjoni tal-veri dixxipli tiegħu li għandhom ikunu “il-melħ tal-art” u “id-dawl tad-dinja”. Hekk Ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: