VJAĠĠ APOSTOLIKU GĦALL-PAKISTAN, IL-FILIPPINI, GUAM (STATI UNITI TAL-AMERKA), IL-ĠAPPUN, ANCHORAGE (STATI UNITI TAL-AMERKA)
(FRAR 16-27, 1981)
QUDDIESA FIL-KATIDRAL TA’ MANILA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Manila (Filippini)
It-Tlieta, 17 ta’ Frar 1981
Għeżież maħbubin fi Kristu,
1. Bħal-lum erbà mitt sena ilu, l-Isqof Domingo de Salazar wasal f’Manila. Huwa kien mibgħut mill-Papa Girgor XIII biex ikun l-ewwel Isqof ta’ din id-Dijoċesi mwaqqfa ġdida, u huwa kien ġie biex ikompli hawn f’pajjiżkom ix-xogħol ta’ evanġelizzazzjoni u biex jibni fuq il-kisbiet tal-missjunarji li kienu ġew qablu.
Waqt li niċċelebra l-Ewkariustija llum fil-Katidral ta’ Manila inħoss viċinanza spiritwali lejn l-Isqof de Salazar u lejn il-Papa Girgor. L-istess imħabba għall-Vanġelu u għall-poplu Filippin li ispirathom dakinhar imbuttat lili wkoll, l-Isqof preżenti ta’ Ruma, biex niġi f-artkom maħbuba biex inxandar il-messaġġ ta’ Kristu u biex inqawwi lilkom fil-fidi.
Dan huwa waqt ta’ ferħ kbir għalija hekk kif niċċelebra l-Ewkaristija magħkom fil-Katidral ta’ Manila, hekk kif ngħaqqdu qlubna u leħinna fix-xandir tal-kobor ta’ Alla u waqt li nfaħħru u nigglorifikaw lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu Santu. Dan qegħdin nagħmluh, waqt li niftakru fl-isforzi kbar tat-tiġdid imwettqa mill-Knisja lokali f’Manila tul is-sena 1979, u waqt li nitolbu lil Alla biex iwassal għall-fruttifikazzjoni x-xogħol kbir mibdi fis-Sinodu Arċidijoċeżan.
Matul dawn il-jiem se jkun unur speċjali għalija li nibbejatifika lil Lorenzo Ruiz, wieħed minn fostkom, missier ta’ familja u lajk ta’ fidi qalbiena. Fost il-ġrajjiet li bihom fakkartu ir-rabà ċentinarju tal-Knisja f’Manila, il-bejatifikazzjoni ta’ Lorenzo Ruiz u l-ħmistax martri sħabu għandha post ewlieni. Jalla din tkun għalikom ilkoll ta’ nkuraġġiment – Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi – biex tistinkaw wara l-qdusija li tinsab fi Kristu Ġesù.
2. F’dan il-waqt nixtieq nindirizza messaġġ speċjali lir-reliġjużi rġiel – kemm saċerdoti kif ukoll brothers – li jinsabu hawn preżenti, u permezz tagħhom lir-reliġjużi rġiel kollha tal-Filippini. Ippermettuli nibda, ħuti, billi nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-Mulej għall-preżenza tagħkom fil-Knisja u għall-kollaborazzjoni tagħkom fil-missjoni tal-Knisja li xxandar il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Fis-silta minn San Ġwann li għadna kemm smajna, ġejna mfakkra dwar l-essenza tal-ħajja reliġjuża, “Mhux intom għaziltu lili, imma jien għażiltkom u ħtartkom sabiex tmorru u tagħmlu l-frott “[1]. Permezz tal-inizjattiva tas-Salvatur u tat-tweġiba minn rajkom tagħkom, Kristu sar l-iskop ta’ ħajjitkom u ċ-ċentru ta’ ħsibijietkom. Huwa minħabba Kristu li intom għamiltu l-professjoni tagħkom tal-pariri evanġeliċi; u huwa Kristu li jsostnikom fil-fedeltà għalih u għas-servizz ta’ mħabba lejn il-Knisja tiegħu.
Il-konsagrazzjoni reliġjuża hija essenzjalment att ta’ mħabba: l-imħabba ta’ Kristu għalikom u bi tpattija l-imħabba tagħkom għalih u għal ħutu kollha. Dan il-misteru huwa llum imxandar fil-Vanġelu, meta Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Bħal ma l-Missier ħabb lili, hekk ħabbejtkom jien; għixu fi mħabbti” [2]. Kristu jridkom tgħixu fih, biex tkunu mitmugħa bih kuljum fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u biex iċċedu ħajjitkom lilu permezz tat-talb u taċ-ċaħda tagħkom infuskom. Billi tafdaw f’kelmtu u tkunu fiduċjużi fi ħnientu, intom twieġbu għall-imħabba ta’ Kristu. Intom tagħżlu li ssegwuh iktar mill-qrib fil-kastità, il-faqar u l-ubbidjenza; u tridu taqsmu b’mod iktar sħiħ fil-ħajja u l-qdusija tal-Knisja. Intom tridu tħobbu lil dawk kollha li Kristu jħobb bħala aħwa rġiel u nisa.
3. Id-dinja llum għandha bżonn tara mħabbitkom għal Kristu. Tinħtieġ ix-xhieda pubblika tal-ħajja reliġjuża. Bħal ma Pawlu VI darba qal: “Il-bniedem modern jismà iktar bil-qalb lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jismà lill-għalliema, dan huwa għaliex huma xhieda” [3]. Biex dawk li ma jemmnux ta’ din id-dinja jaslu li jemmnu fi Kristu, jinħtieġu ix-xhieda fidila tagħkom – xhieda li toħroġ mill-fiduċja sħiħa tagħkom fil-ħniena ġeneruża tal-Missier u mit-tama perseveranti tagħkom fil-qawwa tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet.
U hekk l-idejali, il-valuri u l-konvinzjonijiet li jimmotivaw l-impenn tagħkom lil Kristu għandhom ikunu tradotti fil-lingwa tal-ħajja ta’ kuljum. F’nofs il-poplu ta’ Alla, fil-komunità ekkleżjali lokali, ix-xhieda pubblika tagħkom hija sehem mill-kontribut tagħkom lill-missjoni tal-Knisja. Bħal ma jgħid San Pawl, “Intom ittra minn Kristu… miktuba mhux bil-linka imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj, mhux fuq it-twavel tal-ġebel imma fuq it-twavel tal-qlub umani” [4].
4. Bħala brothers u saċerdoti reliġjużi intom impenjati f’varjetà kbira ta’ attivitajiet apostoliċi: ixxandru l-kelma ta’ Alla, tamministraw is-sagramenti, tgħallmu, tikkatekizzaw, tieħdu ħsieb il-morda, tassistu lill-foqra u l-iltiema, teżerċizzaw il-karità, taqdu bit-talb u s-sagrifiċċju, tibnu l-komunitajiet lokali biex jirriflettu l-Vanġelu u tinkorporaw is-Saltna ta’ Alla. Waqt li twettqu dawn ix-xogħlijiet ta’ servizz b’perseveranza soda, ftakru fit-twissija ta’ San Pawl: “Dak kollu li tagħmlu, agħmluh bl-almu tagħkom kollu, agħmluh għall-Mulej iktar milli għall-bnedmin” [5].
Dawn l-attivitajiet apostoliċi kollha illum iżommu l-importanza tagħhom. Jibqgħu jkunu ta’ dimensjonijiet vitali ta’ evanġelizzazzjoni, li jġorru xhieda profetika tal-imħabba ta’ Alla u jikkontribwixxu għall-progress uman. Jiena ċert li l-komunità in ġenerali, kif ukoll il-komunità ekkleżjali, jkunu grati lejn ir-reliġjużi talli jgħinu lill-Knisja żżomm il-wegħdi tagħha lil dawn l-espressjonijiet differenti tal-attività pastorali tagħha.
F’dan il-waqt bir-raġun tfittxu modi addizzjonali ta’ kif tixhdu lil Kristu u taqdu lill-poplu tiegħu. Il-Knisja trid tassew tkun attentat għall-bżonnijiet ta’ l-irġiel u n-nisa ta’ żmienna. Ma tistax tkun indifferenti għall-problemi li huma jiffaċċjaw jew għall-inġustizzji li huma jġarrbu. Billi intom qegħdin tfittxu modi ġodda ta’ promozzjoni tal-Vanġelu u ta’ promozzjoni tal-valuri umani, jien niffrilkom l-inkuraġġiment tiegħi u l-assikurazzjoni tat-talb tiegħi.
Fl-istess ħin nitlobkom biex tosservaw din il-linja gwida: li kull sforz apostoliku għandu jkun f’armonija mat-tagħlim tal-Knisja, mal-għanijiet apostoliċi tal-Istituti ndividwali tagħkom u mal-kariżmi oriġinali tal-fundaturi tagħkom. Ħalluni wkoll infakkarkom kliemi fi Puebla: “Intom saċerdoti u reliġjużi; intom mintomx mexxejja soċjali u politiċi jew uffiċjali ta’ poter temporali… Ejjew ma naqgħux taħt l-illużjoni li qegħdin inservu l-Vamġelu jekk ‘nattenwaw’ il-kariżma tagħna permezz ta’ interess esaġerat fil-qasam wiesà ta’ problem temporali”[6]. Huwa mportanti li n-nies jarawkom bħala “qaddejja ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla” [7].
5. Fiduċja lil Kristu fil-ħajja reliġjuża tinħtieġ fedeltà tripla: fedeltà lejn il-Vanġelu: fedeltà lejn il-Knisja, fedeltà lejn il-kariżma partikolari tal-Istituti tagħkom.
L-ewwelnett, intom għandkom tkunu fidili lejn il-Vanġelu. Aħna mfakkra dwar dan mit- Tieni Konċilju Vatikan II li għallem: “In-norma fundamentali tal-ħajja reliġjuża hija li nsegwu lil Kristu kif inhu ppreżentat lilna fil-Vanġelu”[8]. Għal din ir-raġuni intom tagħmlu bħala l-ewwel prijorità li tisimgħu il-kelma ta’ Alla, tagħrbluha fi qlubkom u tfittxu li tqegħduha fil-prattika. Jalla ssibu ħin kuljum biex timmeditaw dwar il-kelma ta’ Alla, billi tkunu kunfidenti fil-qawwa tagħha biex tillumina moħħkom u tqanqal fikom l-ispirtu tal-Bejatitudni.
It-tieni, il-konsagrazzjoni reliġjuża tagħkom, flimkien mat-tqawwija tal-impenn tagħkom lil Kristu, dan jorbotkom b’mod inseparabbli għall-ħajja u l-qdusija tal-Gharusa tiegħu, il-Knisja. U huwa fil-komunità ekkleżjali lokali li dan jingħata espressjoni konkreta. Din hija r-raġuni għaliex huwa hekk importanti għalikom ix-xogħol f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-kleru u l-lajċi tal-Knisja lokali, u li taċċettaw bil-qalb l-awtorità u l-ministeru tal-Isqof lokali bħala ċ-ċentru tal-għaqda tagħha.
F’din il-konnessjoni nixtieq nenfasizza żewġ espressjonijiet rilevanti ta’ impenn lejn il-Knisja lokali. L-ewwel hija r-relazzjoni tas-saċerdoti reliġjużi mal-kleru dijoċeżan. Is-saċerdoti reliġjużi għandhom ikunu kuntenti li jieħdu sehem fl-apostolat tal-Knisja lokali, b’mod leali u diżinteressat, mas-saċerdoti dijoċeżani, li x-xogħol li huma msejħa biex jaqsmu, mhuwiex permezz ta’ eċċezzjoni, imma fuq bażi regolari.
It-tieni hija r-relazzjoni mal-Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet. Fl-ispirtu tad-Dokument Mutuae Relationes, is-superjuri reliġjużi għandhom ifittxu, jaċċettaw, u jikkultivaw djalogu miftuħ u filjali mar-Rgħajja, li l-Ispirtu qegħdhom biex imexxu l-Knisja ta’ Alla. F’dan is-sens wieħed ma jistax jenfasizza biżżejjed kemm huma mportanti r-relazzjonijiet bejn il-Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet, li xogħlhom hu li jfasslu u jistabilixxu pjanijiet għall-pajjiż, u l-Assoċjazzjonijiet tas-Superjuri Reliġjużi Maġġuri, li jassumu ix-xogħol ta’ promozzjoni tal-ħajja reliġjuża, billi joqogħdu attenti li din tibqà fidila lejn l-għeruq profondi l-iktar fil-fond u lejn il-kariżma li tikkarattertizzaha.
Bħala reliġjużi intom f’pożizzjoni li tagħmlu kontribut speċjali għall-promozzjoni tal-għaqda tal-Knisja. L-esperjenza tagħkom tal-ħajja komunitarja, it-talb komuni u s-servizz apostoliku flimkien iħejjukom għal dan ix-xogħol. Jalla intom tiddedikaw lilkom infuskom għall-kawża kbira tal-għaqda b’ħeġġa mġedda, billi tfittixu, fi spirtu ta’ ftuħ u ta’ rispett, li tfarrku l-barrieri tal-firda u tħeġġu l-progress tal-armonija u tal-kollaborazzjoni mutwa.
Fl-aħħarnett, jalla intom dejjem tkunu fidili lejn il-kariżmi partikolari tal-Istituti ndividwali tagħkom. Biex nispjega dan il-punt nixtieq ngħarraf żewġ ġrajjiet ta’ sinifikat kbir għall-Knisja fil-Filippini li se jseħħu din is-sena: l-ewwel it-tliet mitt anniversarju tal-Brothers Insara ta’ De La Salle. L-istruzzjoni tż-żgħażagħ fil-fidi Nisranija u fis-suġġetti l-oħra tibqà bħala ndispensabbli għall-missjoni ta’ Kristu bħal fiż-żmien meta din il-Kongregazzjoni kienet imwaqqfa. U l-Knisja fil-Filippini kienet bil-kbir imbierka permezz ta’ ħajjithom ikkonsagrata u s-servizz iddedikat tagħhom.
It-tieni ġrajja hija ċ-ċelebrazzjoni tal-erbà mitt anniviersarju tal-preżenza tas-Soċjetà ta’ Ġesù fil-Filippini. Permezz tal-isforzi missjunarji tagħhom, permezz tax-xogħol tagħhom fl-iskejjel u l-parroċċi u permezz tal-ispiritwalità ta’ San Injazju, is-saċerdoti u l-bnrothers tas-Soċjetà ta’ Ġesù wettqu kontribut kbir lill-Filippini u lid-dinja kollha.
Similmernt, il-familji reliġjużi kollha hawn irrapreżentati llum, kull waħda b’mod distintiv, jikkontribwixxu għall-ħajja u għall-qdusija tal-Knisja. Indikazzjoni tal-effett tal-kontribuzzjonijiet tagħkom kien, u għadu jkun, il-fedeltà tagħkom lejn l-ispirtu tal-fundaturi tagħkom, lejn l-intenzjonijiet evanġeliċi tagħhom u lejn l-eżempju tal-qdusija tagħhom. Jalla din il-fedeltà lejn il-kariżmi rispettivi tagħkom dejjem tidher bħala parti mill-fedeltà tagħkom lejn Kristu.
6. Fl-għeluq, ippermettuli nerġà ntenni għal darb’oħra li ħajjitkom ikkonsagrata u s-sħubija tagħkom fil-Vanġelu jimlieni bil-ferħ fir-rwol tiegħi ta’ Ragħaj tal-Knisja universali. Jiena ġejt hawn f’dan il-Katidral biex niċċelebra magħkom u mal-komunità ekkleżjali kollha il-qdusija tal-Knisja ta’ Kristu u l-għegubijiet tal-grazzja li twettqu f’din l-Arċidijoċesi matul l-aħħar erbà sekli ta’ evanġelizzazzjoni.
It-talba tiegħi li l-kommemorazzjoni ta’ dan l-anniversarju jkun inċentiv miżjud lilkom biex tagħmlu l-kontribut tagħkom bħala reliġjużi lill-ħajja ta din il-Knisja lokali u lill-ħajja tal-Knisja mal-pajjiż kollu. Nitlob li reliġjużi żelanti jkomplu, bħal fl-erbà sekli li għaddew, jaqdu lill-Poplu ta’ Alla b’mod fidil bil-kelma u bl-għemil, u bl-eżempju tagħkom ġeneruż u ferrieħi jalla ż-żgħażagħ ikunu mħeġġa biex ikomplu fuq it-tradizzjonijiert ta’ din l-era ta’ grazzja ġdida.
Jalla l-Verġni Marija, Omm u mudell tar-reliġjużi kollha, tassistikom bit-talb tagħha. Jalla hi tkun il-gwida kostanti fil-vjaġġ ta’ fidi lejn il-Missier ċelesti u jalla hi tgħinkom biex tiksbu l-ogħla meta: il-ħaġa waħda fl-imħabba ma’ Sidna Ġesù Kristu.
Miġjub mt-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb