QUDDIESA FIL-BAŻILIKA TA’ SAN KLEMENT
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 14 ta’ Frar 1981
1. Jien partikolarment kuntent li nistà nsib lili nnifsi – flimkien ma’ numru kbir ta’ Kardinali u personalitajiet, u mal-fidili reliġjużi ta’ oriġini Slava residenti f’Ruma – għal din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika sollenni ad unur tal-qaddisin aħwa Ċirillu u Metodju, f’din il-Bażilka ta’ San Klement, fejn jistrieħu l-fdalijiet meqjuma ta’ San Ċirillu; ċelebrazzjoni meħtieġa u ferrieħa, din, ad unur taż-żewġ qaddisin glorjużi, li fil-31 ta’ Diċembru li għadda, bl-Ittra Apostolika Egregiae virtutis, ipproklamajt patruni ċelesti tal-Ewropa kollha, flimkien ma’ San Benedittu.
Is-sena l-oħra, kif inhu magħruf, ingħalaq seklu mill-pubblikazzjoni tal-enċiklika Grande munus, li biha Ljun XIII, wara li kien wera l-personalità versatili u l-azzjoni apostolika qawwija taż-żewġ qaddisin, introduċa l-festività liturġika fil-kalendarju tal-Knisja kattolika: ħabat ukoll ilħdax-il ċentinarju tal-Ittra Industriae tuae, li l-predeċessur tiegħi Ġwanni VIII, f’Ġunju tas-sena 880, kien indirizza lill-Prinċep Svatopluk biex jirrakkomanda l-użu tal-lingwa Slava fil-liturġija.
Tali importanti anniversarji, magħquda ma’ dak tal-XV-il ċentinarju mit-twelid ta’ San Benedittu, imbuttawni biex naċċentwa, maġemb l-opra evanġelizzatriċi u ċiviliżżattrici mponenti mwettqa mill-Patrijarka tal-Punent, dik xejn inqas importanti u deċiżiva, mill-punt di vista ekkleżjali u storiku, mwettqa miż-żewġ aħwa qaddisin, li lejha l-Knisja kollha, tal-Lvant u tal-Punent, għandha dejn perpetwu ta’ gratitudni mmensa u ta’ rikonoxxenza filjali.
2. Il-liturġija tal-Kelma tallum ppreżentathilna, fl-ewwel qari, l-konklużjoni tal-istadju tal-vjaġġ apostoliku ta’ Pawlu u Barnaba f’Antijokja ta’ Pisidja. Iż-żewġ ħabbara qalbiena tal-Vanġelu, imwarrba mil-Lhud, jiddikjaraw b’wiċċhom minn quddiem: “ladarba intom qegħdin twarrbu l-Kelma ta’ Alla…, hawn aħna se nduru lejn il-pagani!”. U San Luqa jikkummenta: “Kif semgħu dan il-pagani ferħu u gglorifikaw il-Kelma ta’ Alla u ħaddnu l-fidi dawk kollha li kienu ddestinati għall-ħajja eterna” (cf. At 13, 46.48).
Bħal Pawlu u Barnaba, il-qaddisin Ċirillu u Metodju, aħwa fid-demm imma ferm iktar fil-fidi, kienu segwaċi bla biżà ta’ Kristu u predikaturi nstankabbli tal-Kelma ta’ Alla.
Nativi ta’ Tessalonika, il-belt fejn Pawlu svolġa l-parti l-kbira tal-attività apostolika tiegħu u li lil dawn l-ewwel fidili ndirizza żewġ ittri, iż-żewġt aħwa daħlu f’kuntatt spiritwali u kulturali mal-Knisja, patrijarkali ta’ Kostantinopli, f’dak iż-żmien fjorenti għall-kultura tejoloġika u għall-attività missjunarja, u għarfu jgħaqqdu l-esiġenzi u l-impenji tal-vokazzjoni reliġjuża mas-servizz missjunarju. Il-Każari tal-Krimea kienu l-ewwel xhieda tal-ħeġġa apostolika tagħhom; imma l-iktar opra evanġelizzatriċi important tagħhom kienet il-missjoni fil-Moravja l-Kbira, mibdija wara li l-prinċep tal-Moravja Rastislaw kien ippreżenta talba lill-imperatur u lill-Knisja ta’ Kostantinopli. L-opra apostolika u missjunarja, hekk kumplikata u varjata, tal-qaddisin Ċirillu u Metodju, meqjusa llum wara ħdax-il seklu taħt angolazzjonijiet differenti, tippreżenta ruħha għanja b’fertilità straordinarja u wkoll ta’ mportanza eċċezzjonali tejoloġika, kulturali u ekumenika; dawn aspetti li jinteressaw mhux biss l-istorja tal-Knisja, imma wkoll dik ċivili u politika ta’ parti mill-kontinent Ewropew.
It-traduzzjoni fil-lingwa volgari tal-Kotba Mqaddsa bi skop liturġiku u kateketiku għamlet mill-qaddisin Ċirillu u Metodju ‘il hemm minn l-Appostli tal-popli Slavi ukoll il-missirijiet tal-kultura tagħhom, Is-servizz mssjunarju indefatikabbli tagħhom imwettaq f’għaqda kemm mal-Knisja ta’ Kostantinopli, li minnha kienu mibgħuta, kif ukoll mas-sedja Rumana ta’ Pietru, li minnha kienu kkonfermati, jurina l-imħabba invinċibbli tagħhom għall-Knisja waħda, qaddisa, kattolika, u tkunilna ta’ xprun sabiex din l-għaqda tkun migħuxa pjenament fil-fidi u fil-karità.
Barra minn hekk – bħal ma enfasizzajt fl-ikkwotata Ittra tiegħi Apostolika Egregiae virtutis – iż-żewġt aħwa qaddisin enfasizzaw qabel kollox il-kontribut tal-kultura Griega antika u wara, il-korsa tar-radjazzjoni tal-Knisja ta’ Kostantinopli u tat-tradizzjoni orjentali, li nkitbet b’mod hekk profond fl-ispiritwalità u fil-kultura ta’ tant popli u nazzjonijiet tal-orjent Ewropew.
3. Fuq il-qabar ta’ San Ċirillu, li ta’ 42 sena f’din il-Belt temm il-ħajja tiegħu terrena fl-14 ta’ Frar tas-sena 869, u waqt li niftakru wkoll f’ħuh San Metodju, li kien ordnat arċisqof mill-Papa u mibgħut fil-Moravja biex ikompli l-opra prezzjuża apostolika, kompluta sa mewtu fis-16 ta’ April tas-sena 885, aħna smajna l-kliem, li Ġesù ndirizza lit-tnejn u sebgħin dixxiplu, qabel ma bagħthom, tnejn tnejn, biex jippridkaw is-Saltna ta’ Alla: “Il-mergħat huma ħafna imma l-ħaddiema huma ftit, Itolbu mela lil sid il-ħsad sabiex jibgħat ħaddiema għall-mergħat tiegħu” (Lq 10, 2).
Ċirillu u Metodju kienu żewġ “ħaddiema” awtentiċi tal-mergħat ta’ Alla. U f’fan il-jum tal-festa tagħhom il-Knisja, waqt li teżalta l-azzjoni meritorja apostolika tagħhom, hija konxja li għad għandha bżonn ta’ nsara kapaċi li jagħtu l-kontribut tagħhom ta’ impenn, ta’ enerġiji, ta’ entużjażmu għax-xandir tal-messaġġ ta’ salvazzjoni fi Kristu Gesù. Imma hija wkoll konxja li tinħtieġ l-erwieħ totalment u esklussivament ikkonsagrati għall-predikazzjoni tal-Vanġelu, għall-azzjoni missjunarja; tinħtieġ saċerdoti, reliġjużi, missjunarji rġiel u nisa, li, waqt li jiċċaħdu b’mod ġeneruż u kuntent għall-familja, għall-art twelidhom, għaż-żegħil uman, jiddedikaw ħajjithom kollha biex jaħdmu u jsofru għall-Vanġelu (cf. Mk 8, 35).
Quddiem l-importanza storika tal-opra evanġelizzatriċi imwettqa miż-żewġ aħwa, il-Knisja tkompli timplimenta b’mod iktar profond li l-evanġelizzazzjoni hija l-grazzja u l-vokazzjoni tagħha propja, l-identità tagħha l-iktar profonda. “Hija teżisti biex tevanġelizza – kiteb Pawlu VI, – jiġifieri biex tippriedka u tgħallem, tkun il-kanal tad-don tal-grazzja, tirrikonċilja l-midimbin ma’ Alla, tipperpetwa s-sagrifiċċju ta’ Kristu fil-Quddiesa Mqaddsa li hija t-tifkira ta’ mewtu u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 14).
Dan għandu sinifikat għall-qaddisin Ċirillu u Metodju biex jirrendu prominenti x-xandir tal-Vanġelu: xandir li ma mbarazzax, ma qeridx jew elimina anzi bil-maqlub integra, eleva u għolla l-valuri umani awtentiċi tipiċi tal-ġenju tal-Pajjiżi evanġelizzati, waqt li kkontribwixxa għal ftuħ u għal solidarjetà, li għandha l-ħila li tegħleb l-antagoniżmi u toħloq patrimonju spiritwali u kulturali komuni, li tqiegħed bażijiet solidi għall-ġustizzja u l-paċi.
Waqt li naqraw fil-“Hajja” antika ta’ San Ċirillu bil-lingwa Slava diversi partiklulari tal-aħħar jiem tal-avventura terrena tiegħu, inħossu emozzjoni qawwija, għaliex nippenetraw fid-dimensjoni l-iktar intima tal-kuxjenza tiegħu u nieħdu idea tal-ideali kbar, li għalihom il-qaddis kien għex, kien ħadem u kien bata: “Mulej, Alla tiegħi, – huwa kien jitlob – żomm fil-fidi l-merħla tiegħek,…kabbar fin-nuimru l-Knisja tiegħek u iġbor lill-kulħadd fl-għaqda. Irrendi qaddis, magħqud fil-vera fidi u fl-istqarrija retta l-poplu tiegħek u ispira fil-qlub il-kelma tad-duttrina tiegħek”.
4. Waqt li nħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, ngħollu t-talba umli u mħeġġa tagħna liż-żewġ qaddisin aħwa, patruni tal-Ewropa, waqt li nitolbu l-interċessjoni qawwija tagħhom quddiem it-Trinità Qaddisa:
O qaddisin Ċirillu u Metodju,
li b’ammirevoli dedikazzjoni
wassaltu lill-popli
għatxana għall-verità, id-dawl tal-fidi;
agħmlu li l-Knisja kollha
tipproklama dejjem
lil Kristu mislub u rxuxtat,
Redentur tal-bniedem!
O qaddisin Cirillu u Metodju,
li fid-diffiċli u iebes
apostolat missjunarju tagħkom
bqajtu dejjem
marbutin b’mod profond
mal-Knisja ta’ Kostantinopli u mas-Sedja Rumana ta’ Pietru;
agħmlu li ż-żewġ Knejjes aħwa,
il-Knisja kattolika u dik ortodossa,
megħluba fil-karità u fil-verità
l-elementi ta’ firda,
ikunu jistgħu fis jilħqu l-għaqda sħiħ mixtieqa!
O qaddisin Ċirillou u Metodju, li, bi spirtu sinċier ta’ fraternità,
qarribtu l-popli differenti
biex twasslulhom ilkoll
il-messaġġ ta’ mħabba universali
ippridkat minn Kristu,
agħmlu li l-popli tal-kontinent Ewropew,
konxji mill-patrimonju nisrani
komuni tagħhom,
jgħixu fir-rispett reċiproku
tad-drittijiet ġusti u fis-solidarjetà
u jkunu operaturi tal-paċi
fost il-ġnus kollha tad-dinja!
O qaddisin Ċirillu u Metodju,
li mqanqla mill-imħabba ta’ Kristu,
tlaqtu kollox
biex taqdu l-Vanġelu;
ħarsu l-Knisja ta’ Alla:
lili, suċċessur ta’ Pietru fis-Sedja Rumana;
l-Isqfijiet, is-Saċerdoti,
ir-relġjużi, irġiel u nisa,
il-missjunarji, irġiel u nisa,
il-missirijiet, l-ommijiet,
iż-żgħażagħ, ġuvintur u tfajliet,
it-tfal, il-foqra,
il-morda, il-batuti;
jalla kull wieħed u waħda minna,
hemm fejn qegħditna l-providenza divina,
ikun “ħaddiem” dehen
tal-mergħat tal-Mulej!
Amen!
Miġjub mt-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb