Meħtieġ l-għarfien dwar it-tbatija tal-Insara fid-dinja

Print Friendly, PDF & Email

ACN tirrakkomanda li l-ĠM twaqqaf pjattaforma biex tissorvelja l-persekuzzjoni tat-twemmin.

L-istatwa ta’ Kristu mċappsa bid-demm tal-Kristjani, tifkira tal-attakk fi Sri Lanka

It-22 t’Awwissu ta’ kull sena issa hu rikonoxxut uffiċjalment mill-Ġnus Magħquda bħala l-Jum Internazzjonali li jfakkar lill-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza minħabba r-reliġjon jew it-twemmin. Dan kien ir-riżultat ta’ riżoluzzjoni approvata mill-Assemblea Ġenerali Ġnus Magħquda fit-28 ta’ Mejju 2019.

L-Aid to the Church in Need (ACN), li ilha kważi 75 sena tgħin lill-Kristjani li qegħdin iġarrbu  diskriminazzjoni u/jew persekuzzjoni, qegħda tirrakkomanda lill-Ġnus Magħquda biex titwaqqaf pjattaforma ddedikata biex rappreżentanti tal-gruppi ppersegwitati jew l-NGOs li jaħdmu magħhom, jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni mill-ewwel dwar kif ċerti sitwazzjonijiet u sfidi jkunu qed jinħolqu u jevolvu.

Dawn il-case studies imbagħad iservu bħala bażi biex ikunu identifikati tendenzi ta’ persekuzzjoni, min iwettaq dawn it-tipi ta’ atroċitajiet, kif joperaw u minn min qed ikunu ffinanzjati. B’hekk ikun jista’ jkun żviluppat pjan ta’ azzjoni mfassal apposta biex jipprevjeni atti bħal dawn fil-futur, jew saħansitra biex atti bħal dawn ma jitħallewx jeskalaw f’atroċitajiet tal-massa, bħall-ġenoċidju, bħalma qieghed jiġri fl-Afrika u fl-Ażja, illum. L-għan aħħari hu li, fil-futur, ma jkunx hemm atti oħra ta’ persekuzzjoni reliġjuża.

Il-persekuzzjoni tar-reliġjon qegħda twassal anki għall-qerda ta’ postijiet sagri

L-ACN kienet laqgħet din ir-riżoluzzjoni bħala l-ewwel pass biex it-traġedja tal-persekuzzjoni reliġjuża tingħata aktar attenzjoni – partikolarment fil-konfront tal-vjolenza kontra l-Kristjani. Sal-lum, il-Kristjani huma l-akbar grupp reliġjuż li l-aktar qed jiffaċċja persekuzzjoni.

L-ACN, ta’ kuljum, tiġbor tagħrif dwar din ir-realtà traġika u din hi anki kkonfermata minn riċerki li jinsabu f’rapporti internazzjonali dwar il-libertà reliġjuża bħal dawk ippubblikati mill-Kummissjoni Internajonali dwar il-Libertà Reliġjuża (USCIRF), il-Pew Research Center, u l-ACN stess. Ilkoll kemm huma qegħdin isibu żieda bla preċedent fil-vjolenza kontra persuni ta’ kważi kull reliġjon, f’kull kontinent – imma huma l-Kristjani li qegħdin iġarrbu l-akbar persekuzzjonijiet.

F’Malta, l-ACN (Malta) qiegħda kuljum tkompli tqajjem kuxjenza u għarfien dwar il-qagħda tal-Kristjani ppersegwitati u oppressi madwar id-dinja, u tagħtihom appoġġ minkejja sitwazzjonijiet traġiċi bħal dawn. Grazzi għall-ġenerożità tal-benefatturi tal-ACN, aktar minn 5,000 proġett f’madwar 140 pajjiż qed ikunu ffinanzjati kull sena.

Familji u ħbieb tal-vittmi tal-bombi ta’ Ħadd il-Għid 2019 fi Sri Lanka. L-ismijiet tal-vittmi huma mnaqqxa fuq il-monument

Daqs kemm hu meħtieġ l-appoġġ finanzjarju, hekk ukoll hu meħtieġ l-għarfien dwar it-tbatija tal-Kristjani. Dan sabiex l-għajta ​​tagħhom tinstema’, u t-tbatija tagħhom ma tintesiex, imma tasal għand il-policy makers biex jaġixxu ħalli dawn l-abbużi serji jibdew jonqsu sa ma jispiċċaw. Aktar tagħrif fuq: http://www.acnmalta.org

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.