Ġwanni Pawlu II fl-Istadju ta’ Korakuen, Tokjo

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL- PAKISTAN,Il- FILIPPINI,
GUAM (USA), IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA FL-ISTADJU KORAKUEN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Tokyo (il-Ġappun), 24 ta’ Frar 1981

“Inħallilkom il-paċi; nagħtikom il-paċi tiegħi” (Ġw 14,27). Dan huwa kliem Kristu lill-Appostli u ntennu dan kliemu kuljum fil-Quddiesa qabel it-Tqarbin.

B’tali mod, Kristu stress jgħid kuljum dan il-kliem u kuljum Huwa jaqsam magħna l-paċi tiegħu, hekk bħal ma jaqsam magħna Ġismu u Demmu taħt l-ispeċi Ewkaristika.

Kuljum, mela, nieħdu mingħand Kristu il-paċi tiegħu biex intuha lill-oħrajn. Biex nitrażmettuha.

Dan diġa jseħħ waqt il-liturġija, meta għall-kliem: “Il-Paċi magħkom” nestendu dejna lejn il-persuni qribna u nesprimulhom viċinanza fraterna, ix-xewqa tagħna ta’ paċi u mħabba.

Minn dan il-post, li fih tiġi ċċelebrata l-liturġija Ewkaristika, is-sinjal ta’ paci jinfirex f’mewġ suċċessiv lin-nies, lill-familji, lill-ġirien, lill-ġnus, lill-familja umana kollha.

Kristu Sidna huwa d-distributur etern tal-paċi, dik il-paċi li d-dinja ma tistax toffri għaliex id-dinja ma tafhiex (cf. Ġw 14,27).

2. Ħuti għeżież!

Niġi għandkom f’isem Kristu. F’isem Kristu lbieraħ waslu f’din il-gżira mbegħda, f’din il-belt kbira, il-kapitali tan-nazzjon tagħkom u tal-Imperu, belt li hija wkoll waħda mis-sedji tal-Knisja fil-Ġappun.

Niġi għandkom bħala pellegrin, waqt li nsegwi l-mixja tal-Bxara t-Tajba li waslet hawn sekli ilu u ntlaqgħet bħala l-messaġġ tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin, bħala l-messaġġ tal-paċi. “Infatti Alla hekk ħabb id-dinja li ta lid-dinja lil Ibnu Uniġenitu sabiex kull min jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja eterna” (Ġw 3,16). U huwa propju fl-isem ta’ dak Kristu – l-Iben ta’ Alla u fl-istess ħin ħuna, Bin Marija ta’ Nażżaret – li ninsab hawn f’nofskom u ngħid: “Il-Paċi magħkom”.

3. Din ngħidha lil kull wieħed u waħda minnkom u lil kulħadd. Il-paċi hija ġid prezzjuż tal-qalb umana. B’dan il-mod, mela, jiena ndur lejn qlubkom u nawgura lilkom il-paċi tal-qalb.

Il-paċi ta’ kuxjenza tajba. Din hija dik il-paċi ġewwinija, id-don tal-grazzja u l-frott tal-opri tajba li timla ħajjitna bil-ferħ u l-feliċità. Għall-imħabba ta’ din il-paċi nixtieq nitlob magħkom għal kull ħuna u oħtna fil-Knisja Ġappuniża tagħkom u fil-gżejjer kollha tal-Ġappun.

4.Il-paċi tal-qalb. Meta niċċelebra fostkom u magħkom l-Ewkaristija ta’ Sidna Ġesù Kristu, nixtieq li intom ilkoll issibu fiha l-paċi mal-proxxmu tagħna.

Paċi: frott ta’ ġustizzja. Paċi: frott ta’ mħabba. Kemm tinkiser b’mod faċli din il-paċi!

Spiss wisq in-nies jinfirdu, ukoll jekk fiżikament jibqgħu qrib, saħansitra fl-istess familja!

Jalla Kristu joffrilna l-ħila li nibqgħu fil-paċi mal-oħrajn. Jalla jattwa fina l-kliem tad-diskors tiegħu tal-muntanja: “Imberkin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5,9).

Forsi aħna nistgħu nitgħallmu nibnu l-paċi u li nwettqu fil-paċi s-soċjetà tal-familji tagħna, tal-proxxmu tagħna, tal-bankijiet tax-xogħol tagħna, tal-iskejjel tagħna, tal-ufficcji u l-istabilimenti tagħna.

Kristu, il-paċifikatur tal-popli ta’ din l-art jagħti lill-popli ta’ din l-art il-barka tal-paċi. Jalla dawn jikkollaboraw biha, permezz tal-ġustizzja u l-imħabba fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja.

5.  U hekk wasalt fuq l-art li ġarrbet l-orrur partikolari tal-qerda fil-korsa tal-aħħar gwerra.

L-isem tal-belt Ġappuniża ta’ Hiroshima sar is-simbolu tat-theddid li lejh l-umanità kollha riesqa, kemm-il darba ma jirnexxilhiex tegħleb it-tentazzjoni terribbli li tiddomina lill-oħrajn b’mezzi ta’ qerda nuklejari totali.

Hawn, fejn it-tifkira u s-sinjali tal-isplużjoni tal-ewwel gwerra atomika huma ħajjin u evidenti, il-kliem ta’ Kristu ma jistax ma jassumix qawwa speċjali: “Il-paċi magħkom!”

Dan il-kliem għandu jsir twissija. Għandu jidwi l-orrur kollu tal-aħħar twissija.

Għandu jsir appell, appell kategoriku għal kull kollaborazzjoni possibbli tal-ġnus għall-paċi fid-dinja.

Għall-kollaborazzjoni tal-popli ta’ kull ilsien, nazzjon, razza u reliġjon, popli tal-Istati kollha u tal-ġenerazzjonijiet kollha. Kristu jgħid: “Likom nagħti l-paċi tiegħi”.

Kemm għad fadlilna nagħmlu sabiex dan id-don tal-paċi jkun jistà jilħaqna; sabiex ma jkunx jistà jinqered bil-ġjufija jew ir-rieda ħażina tagħna; sabiex inkunu nistgħu nevitaw li nagħmlu li l-umanità terġà ġgarrab Ħiroshima ġdida.

6. Fil-qalba tal-belt il-kbira, fil-Ġappun, kuljum Kristu jdur fuqna u jgħid: Il-Paċi magħkom! Dan jgħidu lin-nies umli, li jafu jħobbu u ġentili, lill-ulied maskili u femminili ta’ artu li huma sensibbli, b’mod partikolarment sinifikattiv, għas-sbuħija tad-dinja u għar-regola li tiggwida lin-natura.

Il-bniedem huwa msejjaħ minn Alla biex igawdi minn din is-sbuħija, biex jikkondividi din ir-regola.

Il-qalb umana għadha tħabbat bil-kalma mar-ritmu tal-ħolqien kollu, li permezz tiegħu l-Ħallieq ikellmu.

Imma l-qalb umana m’għandhiex xabà… u ma tistax issib il-paċi (bħal ma kiteb Santu Wistin) qabel ma tistrieħ f’Alla.

7. Lill-qlub tal-ulied maskili u dawk femminili tal-Ġappun nixtieq illum intenni l-kliem ta’ Kristu dwar il-paċi u waqt li jtennuhom fit-talba Ewkaristika l-kbira jesprimu din it-tama:  li dawn il-qlub ikunu jistgħu, permezz ta’ Kristu, isibu paċi f’Alla! Dik il-paċi li d-dinja ma tistax tagħti. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.